Il-Festa ta’ San Pawl din is-sena se ssir fis-27 ta’ Jannar minħabba ċ-ċaqlieq previst minħabba li l-Għid il-Kbir ser jasal aktar kmieni mis-soltu.

Il-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini, flimkien mal-membri f’fergħat u kummissjonijiet u l-membri attivi, ħadmu għal xhur sħaħ sabiex din l-okkażjoni tkun ta’ ġieh għall-Pawlini, għall-Beltin u anki għall-Malta – hekk kif dejjem għamlu missirijietna. Il-Komunità Pawlina tifraħ bi kburija li l-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl hija l-ewwel Festa titulari li qed tilqa’ lil Malta u ‘l Belt Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018 flimkien mal-belt ta’ Leeuwarden fl-Olanda.

Bir-responsabbiltà li ġġib magħha festa nazzjonali, il-Pawlini dejjem iqumu għall-okkażjoni sabiex tkun imfakkra din il-ġrajja tant għażiża ta’ meta l-akbar appostlu ta’ Kristu, sab ruħu, b’intervent qaddis, fuq ix-xtajtiet tagħna. L-istess xtajtiet fejn tant Maltin iqattgħu l-ħin liberu tagħhom.

Huwa għalhekk li din il-Festa ser tkun okkażjoni oħra fejn il-Maltin jinġabru bi ħġarhom sabiex jiċċelebraw u jingħaqdu quddiem din il-memorja għażiża għalina. L-Għaqda tal-Pawlini għal darb’oħra ippubblikat programm ta’ attivitajiet li tistgħu ssibu fuq din l-istess sit elettroniku.

Inħeġġukom sabiex tkunu magħna u tgawdu din il-festa tagħna u tagħkom!