Il-Festa ta’ San Pawl se tkun iċċelebrata l-Ħadd 10 ta’ Frar 2019 bi programm mimli b’diversi attivitajiet li jibdew is-Sibt 19 ta’ Jannar 2019 bil-ħruġ tal-vara min-niċċa u jintemmu l-Ħadd 17 ta’ Frar 2019 bid-dħul tal-vara lura fin-niċċa.

Il-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini, flimkien mal-membri f’fergħat u kummissjonijiet u l-membri attivi, ħadmu għal xhur sħaħ sabiex din l-okkażjoni tkun ta’ ġieħ għall-Pawlini, għall-Beltin u anki għall-Malta – hekk kif dejjem għamlu missirijietna.

Bir-responsabbiltà li ġġib magħha festa nazzjonali, il-Pawlini dejjem iqumu għall-okkażjoni sabiex tkun imfakkra din il-ġrajja tant għażiża ta’ meta l-akbar appostlu ta’ Kristu, sab ruħu, b’intervent qaddis, fuq ix-xtajtiet tagħna. L-istess xtajtiet fejn tant Maltin iqattgħu l-ħin liberu tagħhom.

Huwa għalhekk li din il-Festa ser tkun okkażjoni oħra fejn il-Maltin jinġabru bi ħġarhom sabiex jiċċelebraw u jingħaqdu quddiem din il-memorja għażiża għalina.

L-Għaqda tal-Pawlini għal darb’oħra ħejjiet programm ta’ attivitajiet li se jittellgħu fil-jiem li ġejjin.

Inħeġġukom sabiex tkunu magħna u tgawdu din il-festa tagħna u tagħkom!

Iktar Informazzjoni fuq Facebook