“Fi Frar ta’ l-1970 attendejt għall-festa tal-10 ta’ Frar filgħodu għall-Quddiesa Pontifikali u filgħaxija għall-purċissjoni. Niftakar is-sagristija b’ħafna nies. Saru l-5.30 p.m., it-temp kien inċert u x-xita mdendla. Jien u ħabib tiegħi s-Sur Paul Zammit insistejna ftit aktar mill-ġemgħa preżenti li nkunu nafu x’ser jiġri, u wara kolletta (laqgħa) tal-Kapitlu, il-purċissjoni ma ħarġitx. Mis-sagristija ż-żgħira ħareġ ir-Rev. Karm Zammit li kien Viċi-Parroku tal-Kolleġġjata fejn għidtlu li nixtieq inkellmu fuq dak li ġara u hu qalli biex immur inkellmu aktar ’il quddiem. Ġranet wara, mort kellimtu iżda qabel Ottubru ma kelli ebda risposta.
F’Ottubru sejjaħli r-Rev. Arċipriet Kanonku Anton Galea, illum Monsinjur, u morna nieħdu kafè għand Bonaci Premiere fi Triq Santa Luċija u staqsieni x’għandi f’moħħi rigward il-festa. Jiena spjegajtlu u għidtlu li hemm bżonn li niffurmaw linji gwida biex noħolqu kumitat u ntejbu l-festa, kellna aktar laqgħat, u s-suġġeriment ġie approvat mill-Kapitlu.
L-ewwel laqgħa saret fis-6 ta’ Novembru 1970 fil-każin Anglo Maltese fi Strada Merkanti. Jien mexxejt din il-laqgħa li għaliha kienu preżenti miegħi dawn is-sinjuri, Paul Degiorgio, Paul Abela, Paul Galea, Rev. P. Pawl Pisani, Paul Zammit, Emanuel Asciak, Richard Cremona, Francis Tabone, Carmelo Catania, Duminku Farrugia, u Ġużeppi Sultana. Il-Kumitat ġie elett b’dawn is-sinjuri membri: Paul Asciak (President), Rev. P.Pawl Pisani (Segretarju), Paul Zammit (Teżorier), Emmanuel Asciak, Rev. Mons. Philip Calleja, Carmel Catania, Richard Cremona, Carmel Mamo, Frans Tabone (Membri), Rev. Arċipriet Koad. Kan. Ant. Galea, Rev. Kan. Penitenzier Giuseppe Zammit, Re. Kan. Giovanni Ciarlò (Delegati tar-Rev. Kapitlu).”
Minn “Intervista lis-Sur Paul Asciak, President Fundatur tal-Għaqda tal-Pawlini” mis-Sinjuri Paul Grima u Paul Spiteri, li dehret fil-Programm tal-Festa San Pawl Nawfragu 2010
L-Għaqda tal-Pawlini ġiet imwaqqfa bi tliet skopijiet ewlenin:
- Li tikber l-imħabba tal-Maltin u l-Għawdxin lejn San Pawl, il-padrun ta’ Malta, partikolarment permezz tal-Festa tan-Nawfraġju tiegħu li tkun ċċelebrata fil-Belt Valletta ta’ kull sena;
- Li ssaħħaħ l-għaqda fost dawk kollha li jgħożżu lil San Pawl bħala l-Qaddis tagħhom u
- Li fil-ħidma kollha tagħha jkun kontinwament rifless l-impenn għat-tisħiħ spiritwali tal-membri u għall-integrazzjoni tagħhom fil-ħajja soċjali u kulturali tal-Komunità Parrokkjali.