Il-Festa ta’ San Pawl din is-sena hija l-ewwel festa fis-sena li fiha l-pajjiż qed ifakkar b’għożża l-450 anniversarju mill-fondazzjoni tal-Kapitali. Kif issa jaf kulħadd, din is-sena l-festa sejra tiġi ċċelebrata nhar it-30 ta’ Jannar minħabba li nhar l-10 ta’ Frar ser jaħbat Ras ir-Randan. Għalkemm bi programm ftit aktar ristrett mis-soltu, ninsabu b’qalbna qawwija li għal sena oħra l-Pawlini ser jiftħu din is-sena b’entużjażmu u brijju li l-Maltin, l-Għawdxin u anki l-barranin ikunu qed jistennew.

Il-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini, flimkien mal-membri f’fergħat u kummissjonijiet u l-membri attivi, ħadmu għal xhur sħaħ sabiex din l-okkażjoni tkun ta’ ġieh għall-Pawlini, għall-Beltin u anki għall-Malta – hekk kif dejjem għamlu missirijietna. Bir-responsabbiltà li ġġib magħha festa nazzjonali, il-Pawlini dejjem iqumu għall-okkażjoni sabiex tkun imfakkra din il-ġrajja tant għażiża ta’ meta l-akbar appostlu ta’ Kristu, sab ruħu, b’intervent qaddis, fuq ix-xtajtiet tagħna. L-istess xtajtiet fejn tant Maltin iqattgħu l-ħin liberu tagħhom.

Huwa għalhekk li din il-Festa, nhar it-30 ta’ Jannar, ser tkun okkażjoni oħra fejn il-Maltin jinġabru bi ħġarhom sabiex jiċċelebraw u jingħaqdu quddiem din il-memorja għażiża għalina. L-Għaqda tal-Pawlini għal darb’oħra ippubblikat programm ta’ attivitajiet li tistgħu ssibu fuq din l-istess sit elettroniku.

Inħeġġukom sabiex tkunu magħna u tgawdu din il-festa tagħna u tagħkom!

Niżżel il-Programm tal-Festa 2016 minn hawn Iktar Informazzjoni fuq Facebook