Rapport Amministrattiv, April 2022

ippreżentat mis-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda tal-Pawlini, Edward Bonello.

 

Introduzzjoni

 

F’isem il-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda tal-Pawlini, qed nippreżenta dan ir-Rapport Amministrattiv ta’ ħidma għall-perjodu Novembru 2021 – April 2022.

 

Festa 2022 – Nhar l-Għaxra ta’ Frar

 

Il-Festa ta’ din is-sena kienet waħda li żgur ser tibqa’ fil-memorja tagħna lkoll. Kienet festa li ġiet f’baħar ta’ sfidi u inċertezza, madanakollu il-Pawlini Beltin għal darb’oħra wrejna lil Malta kollha li aħna tassew baħrin tal-maltemp, u dawwarna l-isfidi f’suċċess. Hawn ser nagħti rendikont fil-qosor dwar il-preparamenti li ħejja l-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda bi preparazzjoni għall-festa.

Filfatt l-Għaqda tal-Pawlini applikat sabiex torganizza festa ridotta fid-dawl taċ-ċirkostanzi li kien għaddej minnhom il-pajjiż, liema programm kien jinkludi attivitajiet bilqiegħda minflok marċi, u l-Purċissjoni ridotta – jiġifieri b’ferm inqas nies minn dawk li imdorrijin bihom sabiex jiffurmaw bubbles skont il-liġi.

Din l-applikazzjoni sfortunatament ma ġietx milquha mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, u għalhekk xtaqna li nitkellmu ma’ tali awtoritajiet sabiex nispjegaw il-miżuri li kellna f’moħħna li nattwaw sabiex nipproteġu s-saħħa pubblika. Tali talba qatt ma ntlaqgħet. Għalhekk għamilna applikazzjoni oħra, din id-darba sabiex issir funzjoni Reliġjuża fi Pjazza San Ġwann, li għaliha jkun hemm il-vara preżenti ukoll, però din xortawaħda ġiet rifjutata mingħajr spjegazzjoni. Sadantittant sar kuntatt mal-Kurja tal-Arċisqof li tatna s-sostenn tagħha.

Għalhekk saret applikazzjoni oħra, din id-darba sabiex issir attività bilqiegħda fi Triq San Pawl bis-sehem tal-vara u tal-Banda La Valette, tali permess ħareġ nhar is-7 ta’ Frar 2022 fost il-ferħ u l-emozzjonijiet ġenwini tal-Pawlini.

Kienet festa li rrikediet impenn enormi – hekk kif konna responsabbli minn protokolli u loġistika estensiva. Mingħajr l-impenn u d-dedikazzjoni tal-membri ma konniex naslu.

M’aħna ser ninsew qatt il-mument li San Pawl tfaċċa fil-bieb tal-Kolleġġjata, wara sentejn nistennew dak il-mument, u għan-noti ta’ Cardenio Botti tal-Marcia San Paolo, ħareġ fosta u għall-ewwel darba fl-istorja dar l-isfel lejn il-wita tat-triq li ġġib ismu għall-attività li ħejjejna.

Kienet attività li ntlaqgħet tajjjeb – iżda iktar important minn hekk, rajna lil San Pawl fit-triq fostna – u ftaħna it-tieqa beraħ sabiex ħaddiehor issa jista’ jiċċelebra. Għal darb’oħra konna pijunieri u ktibna l-istorja.

San Pawl kien l-aħħar li ħareg fl-2020 – u San Pawl kien l-ewwel li reġa’ ħareġ fl-2022!

 

Festi ta’ Ġewwa

 

Il-festa naturalment kienet diġà laħqet qofol mill-isbah bil-festi rikki u imprezzabbli ta’ ġewwa, li jien inħobb insejhilhom ħamest ijiem ta’ Ġenna fl-Art!

Ta’ min jinnota li waqt il-Pontifikal Solenni kenna l-privileġġ li nilqgħu fostna lill-President tal-Parlament Ewropew Dr Roberta Metsola li għażlet proprju l-Festa tagħna sabiex tagħmel l-ewwel żjara uffiċjali tagħha wara li kienet għadha kif ġiet eletta fil-kariga tagħha ftit jiem qabel.

Nibqgħu niftakru din is-sena ukoll għax kien propju waqt il-Pontifikal Solenni ukoll li ġiet ikkonfermata iż-żjara Pastorali ta’ Papa Franġisku li għadha kif intemmet f’pajjiżna. Tassew kienet sena ta’ memorji kbar.

Il-kumitat din is-sena ħaseb li jagħżel tema ewlenijja għal din il-festa li kienet ‘Ġrajjietek Ġrajjietna’, tema li intużat fuq il-mezzi kollha. Din it-tema nebbħet l-organizzazzjoni tal-festa kollha sabiex jintlaħaq l-għan ewlieni tal-festa ta’ ġid spiritwali u għaqda fost il-Pawlini.

 

Festi ta’ Barra

 

Intant kif diġa għedna, il-Kumitat ħaseb li jeżerċita responsabbilità u kawtela kbira fl-organizzazzjoni tal-festa tant li minflok marċi organizza attivitajiet seated li għalihom tat is-sehem tagħha il-Banda La Vallette b’mod esklussiv.

Madanakollu, xortawaħda il-Kummissjoni Armar ħadet ħsieb li żżejjen it-toroq tal-Kapitali bl-isbaħ armar kif jixraq. Hawn ta’ min jinnota li għal din is-sena kellna t-triq tal-Knisja armata minn Triq Melita sas-Suq bil-pavaljuni l-ġodda – triq kapulavur uniku li issa lest mill-ħjata u sfumar kollu sabiex titgawda fil-festa tagħna.

Din is-sena komplejna nżanżnu ukoll proġett ieħor li miexi b’ritmu sabiħ – il-bandalori ta’ Misraħ San Ġwann li jġibu x-xbiegħat tal-Gran Mastri tal-Ordni. Baqa’ ħafna enerġija u ideat sabiex nagħmlu ħafna iżjed proġetti sbiħ – għalhekk nappella għas-sostenn tagħkom il-membri biex inkomplu naħdmu!

Bl-istess mod, l-Għaqda permezz tal-Kummissjoni Nar xortawaħda ħejjiet programm tan-nar sabiħ sabiex jakkumpanja l-mumenti tradizzjonali tal-festa.

Il-festa però ma bdietx mal-attivitajiet – kienet ilha titwassal fid-djar tal-Pawlini permezz tal-programm online li tellgħet il-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni – Strada San Paolo.

Għal darb’oħra dan il-programm xeħet dawl fuq aspetti oħra tal-festa permezz ta’ intervisti u features maħdumin għall-okkażjoni – programm li reġa’ ntlaqa’ tajjeb u kien imfaħħar ħafna – grazzi mill-qalb lil dawk kollha li kienu involuti fil-produzzjoni.

Ftit jiem qabel iltqajna f’dan it-tempju ghal edizzjoni oħra suċċess tas-Serata Musico-Letterarja – din id-darba bit-tema ‘il-Ġrajja’, li għal darb’oħra tatna esperjenza mill-isbah ta’ arti u letteratura bit-tema Pawlina imtella’ b’tant professjonalita mill-Akkademja Kulturali Pawlina tal-Għaqda tagħna.

Hawn ukoll, iċċelebrajna flimkien mat-tfal tagħna, il-Festa tat-tfal, bil-purċissjoni bil-vara ż-żgħira ta’ San Pawl li għal din is-sena saret minn taħt in-navi tal-Knisja !

Il-Kumitat għal darb’oħra organizza ukoll żjara sal-Bank tad-Demm f’tal-Pietà fejn numru sabiħ ta’ membri taw id-demm – tradizzjoni li issa daħlet tajjeb fil-kalendarju tagħna.

Ma kienetx tkun festa kompluta kieku ma ħrigniex il-pubblikazzjoni tal-festa annwali tagħna li l-Board Editorjali għal darb’oħra ħa ħsieb bi professjonalità kbira.

L-istess nistgħu ngħidu għall-pubblikazzjoni li tiħu ħsieb il-Fergħa Żgħażagħ ‘Leħen iż-Żgħażagħ’ kif ukoll il-Flokk tal-festa – li it-tnejn intlaqgħu tajjeb ferm.

 

Xogħol ta’ matul is-sena

 

Issa nixtieq nagħti ħarsa lejn ix-xogħol estensiv li l-Għaqda għamlet permezz tal-Kumissjonijiet u l-Fergħat tagħha matul is-sena u li mhux neċessarjament direttament għandu x’jaqsam mal-Festa.

 

Proprjetajiet tal-Għaqda

 

Nibda b’numru ta’ proġetti importanti li bħalissa għaddejjin b’rabta mal-proprjetajiet tal-Għaqda. L-Għaqda għandha bi prijorità li tiħu ħsieb il-proprjetà tagħha sabiex inkunu f’pożizzjoni li nagħmlu użu dejjem aħjar minnha.

Filfatt il-Kumitat, bl-għajnuna tal-Arċipriet u l-Kapitlu irnexxielu jottjeni titlu iktar b’saħħtu ta’ Ċens fuq il-Maħżen ta’ Triq Sant’Ursola mill-Arċikonfraternità tal-Karitá – proprjetà li sa issa l-Għaqda kienet tuża b’titlu li ma kienx sod legalment. Dan il-maħżen għalhekk issa jgħajjat lill-Għaqda b’garanzija ta’ tul ta’ snin u għalhekk issa beda xogħol ta’ manutenzjoni u restawr fih sabiex ikun jista jintuża b’mod iżjed effiċjenti.

Intant ix-xogħol li jinvolvi tindif tal-ġebla, dawl u ilma ġdid, issa miexi b’ritmu b’saħħtu u daqt inkunu nistgħu nistivaw l-armar tagħna fih. Dan il-proġett qed isir bil-fondi miksuba mill-Kunsill Malti ghall-Arti u l-Kultura u bis-suppport tal-Perit Andrew Ellul li nirringrazzjawh.

Sadanittant għaddej xogħol ieħor bħalissa – din id-darba xogħol fuq il-faċċata tad-Dar tal-Pawlini fejn qed isir restawr taż-ħewġ gallariji tal-injam u l-aperturi u l-bieb. Dan qed isir b’fondi oħrajn li l-Għaqda kisbet b’suċċess mill-Planning Authority.

 

Riforma Shubija

 

Fl-aħħar xhur, implimentajna ukoll ir-Riforma tas-Sħubija wara li intom tajtuna l-mandat waqt l-aħħar Laqgħa Ġenerali li għamilna f’dan il-post. Illum filfatt ser inkunu qed inqassmu l-cards skont il-livelli tas-sħubija li għażiltu intom – Magnus, Ħuġġieġa, Lifgħa, Sejf u Pawlini. Din ir-riforma ntlaqgħet tajjeb ħafna u l-membri rrikorrew bi ħġarhom. Nappella lil dawk li għadhom ma għażlux livell ta’ sħubija sabiex jagħmlu dan mill-iżjed fiss sabiex jibqgħu membri tal-Għaqda tagħna.

 

Armar

 

Fl-aħħar xhur l-Għaqda tagħna permezz tal-Kummissjoni Armar sebbaħna it-triq tal-Knisja bl-armar tagħna f’ħafna okkażjonijiet – speċjalment il-festi li jiġu ċċelbrati fil-Kolleġġjata tagħna bħal San Mikiel, San Martin, San Omobonu u San Krispin u San Krispinjanu, kif ukoll il-Milied u okkażjonijiet oħrajn.

Dan kollu sar fl-istess waqt li kienet għaddejja ħidma ta’ riorganizzazzjoni estensiva tal-imħażen sabiex dejjem nibżgħu għall-wirt tal-armar tagħna, kif ukoll xoghol ta’ kirjiet kummerċjali.

 

Komunikazzjoni

 

Naqleb issa għall-ħidma fil-qasam tal-komunikazzjoni, fejn l-Għaqda ħadet il-messaġġ tagħha, u l-mod ta’ kif twasslu, bis-serjetà iżjed minn qatt qabel. Illum nistgħu ngħidu li l-Għaqda tagħmel użu eċċellenti mill-pjattaformi kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, kemm diġitali soċjali kif ukoll tradizzjonali. Dwar l-użu tas-Social Media nistgħu ngħidu li llum l-Għaqda twassal leħinha b’mod frisk u attwali u regolari. Dan kien impenn li intlaqa’ tajjeb ferm tant li illum nikkalkulaw li l-interazzjonijiet mal-paġna tal-Għaqda fl-aħħar xhur żdied b’25%.

Ma abbandunajniex il-mezzi tradizzjonali tant li żammejna preżenza anke fuq mezzi bħat-televiżjoni u r-radju meta kellna bżonn inħabbru jew inniedu proġetti ġodda u attivitajiet speċjali.

 

Attivitajiet

 

Ngħaddi issa sabiex nitkellem dwar in-numru sabiħ ta’ attivitajiet li organizzajna sabiex nibqgħu inżommu l-kuntatt, filwaqt li niġbru fondi b’risq il-festa.

Fil-jiem tal-Milied saret attività bl-isem ‘Il-Banda tal-GranMastru’ b’kollaborazzjoni mas-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Valette fis-sede tagħhom. Din l-attività kompliet tgħaqqad iż-żewġ entitajiet u l-membri rispettivi.

Saret ukoll bibita għall-membri tal-Għaqda sabiex ningħaqdu qabel il-Milied kif ukoll id-Dinnerdance tal-Festa ġewwa l-Lukanda Westin f’San Ġiljan bis-support tal-Fondazzjoni Save a Life.

Il-Fergħa Żgħażagħ ħadu ħsieb li jżommu lill-Pawlini ċkejknin attivi permezz tal-attività ta’ żmien il-Milied ‘Nagħmlu Grotta’ kif ukoll il-Bake Sale filwaqt li l-Fergħa Nisa għamlu numru sabiħ ta’ attivitajiet bħal Coffee Mornings li dejjem iħallu qligħ sabiħ.

Fl-aħħar u mhux l-inqas ma nistax ma nsemmiex proġett ambizzjuż li għamilna wisq kburin – il-ktieb tal-50 sena. ‘L-Għaqda tal-Pawlini – L-Ewwel Ħamsin Sena’ filfatt kien proġett li sar fuq numru ta’ snin u li kien jinvolvi riċerka estensiva minn grupp ta’ voluntiera membri professjonali li taw lill-Għaqda ġojjell imprezzabbli.

F’dan il-ktieb insibu l-istorja kollha tal-Għaqda għażiża tagħna fid-dettall tal-kumitati differenti, l-attivitajiet li organizzajna, il-ġrajjiet u l-festi li ċċelebrajna – żgur li ktieb li kull min għandu l-Għaqda tagħna jew il-festa għal qalbu żgur għandu jkollu.

Minn qalbi nirringrazzja lil Martin Gravina, Pawlu Mizzi u Carl Farrugia tax-xogħol imprezzabbli li huma taw f’dan il-proġett. Min għadu ma akkwistax kopja, jista’ jagħmel dan illum wara din il-laqgħa.

 

Ringrazzjamenti / konklużjoni

 

Ma nistax nagħlaq dan ir-Rapport Amministrattiv mingħajr ma nagħmel ftit ringrazzjamenti. L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lill-Arċipriet ħabrieki tagħna, Kan. David John Cilia li l-għaqal u d-determinazzjoni tiegħu huma dejjem gwida għalina f’kull mument tal-ħidma tagħna.

Nirringrazzja ukoll lill-Viċi Arċipriet Kan. David Torpiano li dejjem insibuh ta’ spalla magħna, dejjem b’kelma ta’ kuraġġ.

Il-President Douglas Mifsud li mexxa l-ewwel Festa tiegħu b’determinazzjoni u viżjoni għaqlija. Douglas wera mill-ewwel li huwa President kapaċi jgħaqqad lill-Pawlini flimkien u jmexxihom anke meta jinqalgħu l-isfidi – u dan għamlu b’suċċess!

Sħabi kollha tal-Kumitat li ħdimna kollha flimkien katina waħda – kulħadd tista’ tgħid espert fil-qasam tiegħu u b’energija sabiħa.

Fl-aħħar u mhux l-inqas nirringrazzja lill-membri kollha tal-Għaqda tagħna, kemm dawk li huma magħna llum, kif ukoll dawk li marru jgawdu lill-Appostlu tal-Ġnus mill-viċin.

L-Għaqda tagħna għandha l-kariżma li iktar ma taffaċċja sfidi iktar tissoda u iktar tikber! Din xi ħaġa li rajniha sseħħ quddiemna din is-sena. Ejja nkomplu ningħaqdu flimkien u nkomplu naħdmu, sabiex niċċelebraw flimkien u nikbru flimkien.

 

Għax San Pawl magħna!

 

***

 

Dan ir-Rapport Amministrattiv kien moqrij, approvat u ffirmati llum, il-5 ta’ April 2022.

 

Douglas Mifsud                                                                  Edward Bonello

President                                                                               Segretarju Ġenerali