Awguri Valletta
Awguri Valletta huwa proġett maħsub u mtella’ mill-Għaqda tal-Pawlini sabiex it-tfal, ġenituri u nanniet Beltin, jiċċelebraw flimkien l-450 sena mit-twaqqif tal-Belt Valletta. L-istudenti ġewwa l-iskola primarja tal-Belt Valletta f’kollaborazzjoni mal-għalliema, pinġew b’mod liberu dak li għalihom tfisser belthom… mill-bini storiku, il-logħob fit-toroq, monumenti, ċelebrazzjonijiet, persunaġġi, sports, simboli, festi u knejjes, fost oħrajn. Il-bċejjeċ kollha maħduma mill-istudenti nġabru sabiex aktar kmieni illum il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju, l-Għaqda tal-Pawlini flimkien mal-istudenti u l-familjari tagħhom, għamlu dimostrazzjoni simbolika matul it-toroq tal-Belt Valletta. Il-bnadar tat-tfal ġew meħjutha f’bandiera kbira kollettiva magħmula minn 156 biċċa li ttellgħat ma’ arblu kbir fiż-żona tal-Arċipierku, ħdejn Dar il-Mediterran. Din il-bandiera ser tibqa’ esposta għall-ġranet li ġejjin.
L-attività kienet akkumpanjata minn marċi brijjużi tradizzjonali u għadd imdaqqas ta’ persuni mill-komunità ħarġu kurjużi sabiex ikunu parti mill-mument tant feliċi. Il-proġett indirizza udjenza ġdida; tista’ tgħid familji sħaħ. It-tfal ġew esposti għal esperjenza ġdida fl-arti u l-kreattività; biċċa xogħol kollettiva kbira u sabiħa (collage) li tathom iċ-ċans jipparteċipaw iżda wkoll isiru protagonisti fiċ-ċelebrazzjonijiet uffiċċjali tal-450 anniversarju mit-twaqqif ta’ Belthom. Dan kollu flimkien man-nanniet li jirrappreżentaw il-passat u mal-ġenituri li huma l-polz u r-ruħ tal-preżent.
Il-proġett jgħinha nistaqsu fejn irridu nieħdu l’din Beltna. Messaġġ ċar, li din hija belt kulturali msawwra u mżejna minn artisti ta’ kull żmien. Permezz tal-kreattività tagħhom, it-tfal jindikaw fejn qed iħabbat il-polz ta’ dawn il-bennejja tal-futur. Permezz tal-proġett Awguri Valletta, l-Għaqda tal-Pawlini tixtieq tesponi l-kwalitajiet kreattivi tal-komunità f’kuntest ikbar u tkompli tressaq lill-komunità eqreb lejn l-arti u l-kultura anki fil-prospettiva tas-sena 2018. L-Għaqda tal-Pawlini mħeġġa wkoll sabiex b’mod parteċipattiv u bħalma dejjem għamlet, twassal il-valuri tal-kultura u l-arti lill-membri tagħha, lill-Beltin u lil dawk li jmissu magħha.
Awguri Valletta huwa organizzat mill-Għaqda tal-Pawlini flimkien mal-iskola Primarja, Kulleġġ San Ġorġ Preca, Valletta u ġie ffinanzjat mill-Fondi tal-Komunitajiet Kreattivi – inizzjattiva tal-Kunsill Malti għall-Arti. Grazzi wkoll lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Fondazzjoni Valletta 2018 u lill-korp tal-pulizija għall-għajnuna li offrew. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-Għaqda tal-Pawlini tirringrazzja lis-Sur Bernardo Riolo, kap tal-iskola kif ukoll lit-tim fil-Kunsill Malti għall-Arti għas-sapport u entużjażmu li offrew tul it-twettiq ta’ dan il-proġett.