Fis-sena 1990 il-Belt ta’ Palazzolo fi Sqallija ċċelebrat it-tielet ċentinarju minn meta l-belt għażlet bħala patrun tagħha lil San Pawl.

Fis-sena 1690 il-Kongregazzjoni tar-Riti laqgħet it-talba tal-kleru u l-poplu ta’ Palazzolo biex il-belt ikollha bħala Patrun u Protettur tagħha lil San Pawl.

Għal dawn il-festi speċjali il-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta ntalbu biex jibagħtu r-relikwija tal-id ta’ San Pawl f’Palazzolo. Fl-imgħoddi din ir-relikwija ittieħdet Spanja, Ruma, Reggio Calabria, Sirakuża u fl-1961 Palazzolo.

Għalhekk telgħu jakkumpanjaw ir-relikwija f’Palazzolo l-Kan. Kantur Dun Ġwann Borg u l-Kan. Pen. Ġużeppi Zammit.

Ir-relikwija ttieħdet bil-vapur sa Sirakuża fejn ġiet milqugħa minn delegazzjoni minn Palazzolo akkumpanjati minn xi Carabinieri Taljani. Fl-14 ta’ Lulju filgħaxija l-Kanonċi u r-relikwija waslu Palazzolo fejn sabu jistennewhom l-Arċisqof ta’ Sirakuża fil-kunċert tal-Kapuċċini ftit ‘l bogħod miċ-ċentru tal-Belt. Ir-relikwija ttieħdet minn Mons. Giuseppe Costanzo, Arċisqof ta’ Sirakuża taħt baldakkin u sar korteo bis-shem tal-kappillani ta’ Palazzolo flimkien mal-membri tal-konfraternitajiet, tal-għaqdiet u l-banda tal-post.

Ir-relikwija ntlaqgħet biċ-ċapċip, tixjir, musketterija u l-entużjażmu kbir tan-nies li fgat il-pjazza prinċipali ta’ Palazzolo. Wara saret quddiesa pontifikali fuq iz-zuntier tal-knisja ddedikata lil San Pawl u wara velja ta’ talb fil-knisja.

L-għada l-Ħadd ir-relikwija tpoġġiet fuq l-altar maġġur għall-venerazzjoni tan-nies. Filgħodur saru diversi quddisiet u filgħaxija sar pontifikal mmexxi fil-Kardinal Francesco Carpino, ċittadin ta’ Palazzolo.

Wara saret purċissjoni solenni bl-istatwa ta’ San Pawl mat-toroq prinċipali tal-belt. Fil-purċissjoni nħarġet ukoll ir-relikwija tal-id ta’ San Pawl fost il-ferħ u ċ-ċapċip tan-nies.

Ir-relikwija f’Palazzolo ngħatat importanza kbira f’Palazzolo hekk kif fit-toroq u l-ħwienet wieħed seta’ jilmaħ posters kbar, stampi u ritratti tal-relikwija tal-id ta’ San Pawl.

Informazzjoni meħuda mill-artiklu “Kanoniċi Maltin għal Festi fi Sqallija, Ir-Relikwija ta’ l-id ta’ San Pawl f’Palazzolo” miktub mill-mibki Kanonku Dun Ġwann Ciarlò fil-Programm tal-Festa ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta tal-1991.