Awguri Valletta huwa proġett maħsub u mtella’ mill-Għaqda tal-Pawlini sabiex it-tfal, ġenituri u nanniet Beltin, jiċċelebraw flimkien l-450 sena mit-twaqquf tal-Belt Valletta. Fil-bidu tqassmu biċċiet ta’ drapp abjad ma’ kull student ġewwa l-iskola primarja tal-Belt. Dawn l-istudenti ġew imħeġġa permezz ta’ kollaborazzjoni mal-għalliema, sabiex ipenġu b’mod liberu dak li għalihom tfisser belthom… mill-bini storiku, il-logħob fit-toroq, monumenti, ċelebrazzjonijiet, persunaġġi, sports, simboli, festi u knejjes, fost oħrajn. Il-bċejjeċ kollha maħduma mill-istudenti nġabru sabiex nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju 2016, fl-10:00 ta’ filgħodu, l-Għaqda tal-Pawlini flimkien mal-istudenti u l-familjari tagħhom, jgħamlu dimostrazzjoni simbolika b’bandiera kbira ffurmata mill-bnadar kollha maħluqa mit-tfal. Din tibda mill-istess skola fi Triq Merkanti. Il-ġenituri u n-nanniet flimkien mat-tfal, ser jirrappreżentaw il-ġenerazzjonijiet tal-bierah u t’għada. Il-bandiera ser tittella’ bi brijju ma’ arblu kbir fiż-żona tal-Arċipierku.
Dan il-progett kien maħsub sabiex fih jieħdu sehem għadd imdaqqas ta’ persuni minn kull qasam tal-ħajja. Proġett li ser jindirizza udjenza ġdida; tista’ tgħid familji sħaħ. Ser inkunu qed inlaqqaw lit-tfal ma esperjenza ġdida fl-arti u l-kreattività; biċċa xogħol kollettiva kbira u sabiħa (collage) li mhux biss jistgħu jiftaħru dwar il-parteċipazzjoni tagħhom iżda ser ikollhom iċ-ċans jimxu kburin biha matul it-toroq tal-Belt Valletta.
It-tfal bħala artisti protagonisti fil-proġett u l-futur ta’ din il-Belt, ser iwassluna għat-tragward ġdid ta’ din Beltna għażiża; dak tal-450 anniversarju mit-twaqqif. Flimkien man-nanniet li wassluha s’hawn u mal-ġenituri li huma l-polz u r-ruħ tal-preżent.
Il-proġett ser jgħinha nistaqsu fejn irridu nieħdu l’ din Beltna. Messaġġ ċar, li din hija belt kulturali msawwra u mżejna minn artisti ta’ kull żmien. Permezz tal-kreattività tagħhom, it-tfal jindikaw fejn qed iħabbat il-polz ta’ dawn il-bennejja tal-futur. Il-bandiera tista’ tibqa tintuża għal attivitajiet oħra tat-tfal, jew tiġi esibita f’xi sala jew mużew kontemporanju bħala opra artistika.
Permezz tal-proġett Awguri Valletta, l-Għaqda tal-Pawlini tixtieq tesponi l-kwalitajiet kreattivi tal-komunità f’kuntest ikbar u tkompli tressaq lill-komunità eqreb lejn l-arti u l-kultura anki fil-prospettiva tas-sena 2018. L-Għaqda tal-Pawlini mħeġġa wkoll sabiex b’mod parteċipattiv u bħalma dejjem għamlet, twassal il-valuri tal-kultura u l-arti lill-membri tagħha, lill-Beltin u lil dawk li jmissu magħha.
Awguri Valletta huwa organizzat mill-Għaqda tal-Pawlini flimkien mal-iskola Primarja, Kulleġġ San Ġorġ Preca, Valletta u ġie ffinanzjat mill-Fondi tal-Komunitajiet Kreattivi – inizzjattiva tal-Kunsill Malti għall-Arti. L-Għaqda tal-Pawlini tirringrazzja lis-Sur Bernardo Riolo, kap tal-iskola kif ukoll lit-tim fil-Kunsill Malti għall-Arti għas-sapport li offrew tul it-twettiq ta’ dan il-proġett.