Kitba tas-Sur Martin Gravina – Dip. Educ.(Adm. & Mangt.)

“…li l-festi partikolarment ta’ barra, ad unur tal-Kbir Appostlu Missierna San Pawl li jsiru fil-Belt Valletta, fil-‘Jum Nazzjonali’ tal-10 ta’ Frar, jieħdu xejra kif tixraq lil din il-festa li tfakkarna, minn dejjem, fl-aqwa SEBĦ tal-Ġrajja Maltija, meta b’Nawfraġju Providenzjali tal-kbir Alla, il-ġifen, li fuqu kien ibaħħar l-Appostlu tal-Ġnus fit-triqtu lejn Ruma, ġie mitfugħ fuq il-blat tal-gżejjer tagħna Maltin.”

Pawlu Axiak – 6 ta’ Novembru 1970

_

Il-Festa tal-1970, tibqa’ mfakkra bħala sena memorabbli għall-Pawlini, għax din il-festa wasslet biex dik is-sena tkun imwaqqfa l-Għaqda tal-Pawlini.

Il-Festa ta’ dik is-sena kienet ġiet trasferita għas-16 ta’ Frar. Dan sar skond id-digriet tal-Papa Ljun XIII fl-1891, li kien ikkonċeda li l-Festa tan-Nawfraġju tkun trasferita bil-privileġġi kollha tagħha għall-ewwel Tnejn tar-Randan, kull meta l-10 ta’ Frar jaħbat fl-erbat ijiem ta’ qabel ir-Randan.

It-tħejjija għall-festa bdiet nhar il-Ħadd 18 ta’ Jannar meta kif kienet l-użanza, fil-kwarta ta’ wara nofsinhar, sar il-ħruġ tal-vara ta’ San Pawl min-niċċa li kienet fil-kappella ta’ San Mikiel. L-Ottavarju kien sar bejn il-25 ta’ Jannar (jum il-konverżjoni ta’ San Pawl) u l-31 ta’ Jannar. Dan kien jikkonsisti minn quddiesa li kienet fis-sitta u nofs, imbagħad prietka u ċelebrazzjoni Ewkaristika. Minħabba l-fatt li l-festa kienet trasferita għas-16 ta’ Frar, it-Tridijiet saru bejn it-tnax u l-erbatax ta’ Frar. Fit-tridijiet, wara l-quddiesa kantata ta’ filgħaxija saret il-prietka minn Patri Bonaventura Camilleri O.F.M. Conv. u kull jum intemm bil-kurunella, l-antifona u ċelebrazzjoni Ewkaristika.

Is-Sibt 14 ta’ Frar filgħodu, l-Arċipriet koadjatur Kan. Dun Anton Galea bierek il-pittura xogħol ta’ Emvin Cremona li nsibu fil-koppla kif ukoll l-apside li hemm fil-kappella tal-Karità. Il-pittura tal-koppla tirrappreżenta l-opri tal-ħniena lejn il-proxxmu filwaqt dik tal-apside turi l-knisja żgħira tal-Fawwara li tappartjeni lill-Konfraternità u x-xbiha tal-fundatriċi. L-Arċikonfraternità tal-Karità kienet ħallset l-ispejjeż ta’ din il-pittura. Fl-istess ġurnata l-istess Arċikonfraternità qassmet 56 hamper lill-foqra.

Waranofsinhar, il-Catholic Tourist Guild bi grupp ta’ 150 turist flimkien ma’ nies li kienu minbarra l-Belt żaru l-knisja li kienet armata għall-okkażjoni. It-translazzjoni solenni tmexxiet mill-Vigarju Ġenerali E.T. Monsinjur Emmanuel Galea, fejn imbagħad wara l-għasar l-Isqof Koadjatur Monsinjur Emmanuel Gerada qaddes quddiesa letta. F’dak li jirrigwardja l-programm tal-festi esterni, lejlet il-festa l-Banda Nazzjonali ‘La Valette’ għamlet marċ minn Strada Rjali sa Triq l-Ibjar.

 

Il-promotur u fundatur tal-Għaqda tal-Pawlini, is-Sur Pawlu Axiak

Jum il-Festa

It-Tnejn 16 ta’ Frar li kien Jum il-Festa, fid-disgħa u kwart ta’ filgħodu kienet iċċelebrata l-Quddiesa Pontifikali min-Nunzju Appostoliku, l-E.T. Mons. J. Moioli fejn il-paniġierku sar mill-Amministratur Appostoliku t’Għawdex, l-E.T. Mons. Nikol Cauchi. Fl-erbgħa ta’ waranofsinhar, saret il-prietka mill-Kanonku Dun Ġwann Ciarlò u segwita bl-għasar fejn wara kellu jsir il-ħruġ tal-purċissjoni bid-driegħ u l-vara ta’ San Pawl. F’dan il-jum filgħodu, delegazzjoni tal-Korp Diplomatiku għamlet vista fil-knisja fejn ma naqasx ukoll li jieħdu ritratt quddiem il-vara ta’ San Pawl.

Għalkemm din il-ġurnata kienet sabiħa b’waqtiet ukoll xemxin, meta l-marċ magħruf bħala tas-siegħa, mill-Banda ‘La Valette’ kien wasal lejn tmiemu għall-ħabta tal-ħamsa u nofs, l-arja bdiet tiksaħ filwaqt li temp beda jikrih fejn anki għamlet ħalba xita. F’dan il-ħin iż-żewġ baned ta’ Ħal Qormi San Ġorġ Martri u Pinto, kif ukoll il-Banda Our Lady of Consolation tal-Gudja waqfu mill-marċi li kienu bdew fl-erbgħa ta’ waranofsinhar minn diversi postijiet. Ix-xita wasslet sabiex in-nies bdiet issib kenn fil-knisja ta’ San Pawl kif ukoll fis-sagristija. Imbagħad it-temp kompla b’ħalbiet ta’ xita fejn aktar tard kienu aktar fil-qrib.

F’dan il-ħin l-Arċipriet il-Kan. Dun Anton Galea, laqqa’ l-kapitlu fis-sagristija ż-żgħira biex tittieħed deċiżjoni dwar jekk issirx il-purċissjoni. Huwa għamel kuntatt mad-dipartiment meterjoloġiku, fejn kien mgħarraf li filgħaxija kienet mistennija aktar xita. Għaldaqstant, il-kapitlu ddeċieda li filwaqt li l-purċissjoni tkun imħassra, jekk it-temp jippermetti, il-purċissjoni bil-vara ta’ San Pawl tkun trasferita għall-Ħadd 22 ta’ Frar. Fil-fatt il-purċissjoni kienet saret f’dak il-Ħadd, fejn anki l-Banda ‘La Valette’ kienet reġgħet għamlet il-marċ tas-siegħa.

Fil-ħin li kienet għaddejja l-laqgħa tal-kapitlu, in-nies bdew jistaqsu jekk il-purċissjoni kinetx ser toħroġ. Qam ħafna storbju fis-sagristija, inkluż tisbit fuq il-bankun il-kbir. F’ħin minnhom meta l-Pawlini bdew jaraw li ma kellhom l-ebda sodisfazzjon dwar x’ser jiġri mill-kumplament tal-festa, Pawlu Asciak flimkien ma’ Pawl Zammit li kienu fost in-nies, bdew jgħidu tagħhom u jipprotestaw. Bdew jgħajtu li jridu jitkellmu mal-kapitlu. Riedu deċiżjoni. F’dan il-ħin meta l-miġemgħa bdiet aktar tisħon, il-Viċi tal-Parroċċa Dun Karm Zammit, beda joħroġ in-nies ’il barra mis-sagristija. In-nies għamlet tentattiv ieħor billi reġgħet daħlet fis-sagristija u kompliet bl-istorbju b’Pawlu Axiak ikompli jgħajjat li jridu jiltaqgħu mal-kapitlu. Anki hawn, Dun Karm Zammit reġa’ ħareġ lill-kulħadd ’il barra mis-sagristija, fejn issuġġerixxa li min hu interessat fil-festa ta’ San Pawl, jista’ jiġi wara l-festa u jitkellmu mal-Arċipriet, biex deċiżjonijiet bħal dawn ma jitħallewx għall-aħħar mument.

L-għada, 17 ta’ Frar fit-tmienja u nofs ta’ filgħodu, Pawlu Axiak b’determinazzjoni li l-objettiv tiegħu jintlaħaq mar fis-sagristija ta’ San Pawl. Hemmhekk huwa ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Dun Karm Zammit fejn b’vuċi soda Pawlu Axiak qallu “Hawn Jien ġejt”. Dun Karm pront staqsih “Għadek bil-ħsieb li twaqqaf l-Għaqda tal-Pawlini?” Pawlu Axiak wieġbu fl-affermattiv u Dun Karm Zammit ħadu għand l-Arċipriet. Dun Karm Zammit qal lill-Arċipriet “dan irid iwaqqaf l-Għaqda tal-Pawlini.” Pawlu Axiak wera mal-Arċipriet ix-xewqa tiegħu li titwaqqaf Għaqda b’forma statutorja bil-għan li tkun tista’ taħdem fuq il-festi u armar ta’ barra. Dun Anton Galea barra li kien qallu li ħa jieħu l-opinjoni tal-kanonċi staqsih ukoll x’kellu f’moħħu, (minħabba l-fatt li Dun Anton Galea ried li l-kapitlu jibqa’ jkollu sehem tiegħu fil-festa kollha).

Dun Anton Galea kien tkellem bix-xewqa ta’ Pawlu Axiak mal-kanonċi, u kemm Dun Ġwann Borg kif ukoll Dun Ġwann Ciarlò fehmu li dan il-ħsieb kien f’waqtu. Dan minħabba l-fatt li miċ-ċelebrazzjoniijiet taċ-ċentinarju tal-1960 il-festa kienet marret lura kif ukoll minħabba li l-prokuratur tal-festa l-Kanonku Dun Ġużepp Zammit, kien imdaħħal fiż-żmien. Kemm Dun Ġwann Borg kif ukoll Dun Ġwann Ciarlò ħassew li kien mument f’waqtu dak li kien qiegħed jipproponi Pawlu Axiak u għalhekk ħeġġew lill-Arċipriet sabiex din l-opportunità ma tintilifx u jagħti sehmu fit-twaqqif ta’ din l-Għaqda. F’laqgħa li l-Arċipriet kellu mal-kapitlu, qalilhom bis-suġġeriment li kellu Pawlu Axiak. Minkejja li l-maġġoranza tal-kapitlu kien favur il-viżjoni ta’ Pawlu Axiak, sa Settembru kien għadu ma seħħ xejn. Imma nhar il-15 ta’ Settembru 1970 il-Kapitlu bi pjaċir ippermetta t-twaqqif tal-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini, kif proposta minn Pawlu Asciak bl-iskop li titkabbar il-Festa Nazzjonali ta’ San Pawl, bil-patt u sakemm jiġu mħarsa, b’kull mezz neċessarju, inkluż ukoll, li jkunu integrati fl-istatut tal-istess Għaqda il-provvedimenti mressqa mill-kapitlu. Hawnhekk il-kapitlu kien ippreżenta numru ta’ proposti, bħala termini ta’ referenza għat-twaqqif tal-Għaqda u l-istatut. Fl-20 ta’ Settembru Dun Anton Galea kien bagħat għal Pawlu Axiak fejn kellmu dwar l-approvazzjoni tal-kapitlu. L-għada ta’ din il-laqgħa, Pawlu Axiak kien kiteb ittra lill-kanonku Dun Salv Cauchi li kien segretarju tal-kumitat tal-organizazzjoni tal-festa ta’ dak iż-żmien. Fit-30 ta’ Settembru Pawlu Axiak kien imbagħad iltaqa’ mar-rappreżentanza tal-kapitlu: Dun Anton Galea bħala l-Arċipriet, Dun Ġwann Borg u Dun Ġwann Ciarlò fejn minn din il-laqgħa, Pawlu Asciak kien muri linji gwida li kienu approvati mill-istess kapitlu biex tkun tista’ titwaqqaf l-Għaqda u jkun imfassal l-istatut. F’din il-laqgħa ħareġ ukoll li kien hemm l-eżistenza ta’ żewġ kumitati li kienu jorganizzaw il-festa. Wieħed minnhom kien jieħu ħsieb it-tmexxija tal-festa mill-knisja parrokkjali (prokuratur Kan. Dun Ġużepp Zammit), filwaqt li l-ieħor (responsabbli minnu Sur Francis Tabone) kien jorganizza l-festa esterna minn Triq San Pawl ’l isfel u dawk l-inħawi. L-istatut li kienu wkoll inkorporati drittijiet mitluba mill-Kapitlu kien tlesta fi żmien xahrejn u rfinut tul is-sentejn ta’ wara.

Jekk mal-kumitat tat-tmexxija tal-festa mill-knisja parrokkjali għal Pawlu Axiak kienet daqsxejn diffiċli, bl-għajnuna ta’ Dun Anton Galea, Pawlu Axiak kien iltaqa’ Francis Tabone fejn flimkien ħadmu biex timxi l-idea li jkunu mistiedna numru ta’ membri minn kull kumitat biex b’hekk setgħet issir l-ewwel laqgħa.

Ċirkulari għall-ewwel laqgħa tal-Għaqda tal-Pawlini

 

Dettall mill-Minuti tal-ewwel laqgħa li saret fis-6 ta’ Novembru 1970

L-ewwel laqgħa

Kien il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru 1970 fis-sitta ta’ filgħaxija, fl-Anglo Maltese Club, Triq Merkanti, fejn inżammet l-ewwel laqgħa għal nies li kellhom għal qalbhom il-festa ta’ San Pawl. F’din il-laqgħa, tal-ewwel kumitat li ngħata l-isem “Għaqda tal-Pawlini”, kien ġie wkoll magħżul l-ewwel kumitat ta’ din l-Għaqda. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Sur Pawlu Axiak li kien il-promotur u fundatur tal-Għaqda, kif ukoll is-sinjuri Paul Degiorgio, Paul Abela, Paul Zammit, Paul Galea, Rev. Patri Pawl Pisani, Emmanuel Axiak, Richard Cremona, Francis Tabone, Carmelo Catania, Duminku Farrugia u Ġużeppi Sultana. Wara li ntqalet talba qasira minn Patri Pawl Pisani, ta bidu għal din il-laqgħa Pawlu Axiak fejn fakkar lill-membri bl-iskop tal-laqgħa, id-diversi kuntatti li kellu ma’ kull individwu preżenti kif ukoll m’oħrajn interessati, kif ukoll b’mod speċjali mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl tal-Belt. Huwa stqarr ukoll li għal din il-laqgħa kellu l-approvazzjoni sħiħa tal-Kapitlu flimkien ma’ ħwejjeġ oħra li kienu konnessi mat-twaqqif tal-Għaqda. Huwa kkonfermalhom li l-Għaqda kellha ssib appoġġ qawwi mhux minn dawk magħrufa għas-sentimenti Pawlini, imma wkoll minn dawk kollha li kellhom għal qalbhom il-Festa tal-Appostlu Missiena speċjalment il-Festa Nazzjonali tal-10 ta’ Frar.

F’din il-laqgħa Pawlu Axiak qara l-istatut li kien ukoll imfassal flimkien mal-kapitlu, fejn issuġġerixxa li f’dik il-laqgħa jkun hemm diskussjoni qabel l-approvazzjoni tiegħu. Fil-fatt dan l-istatut għadda b’tibdil żgħir u xi żieda ta’ klawsoli.

Fl-istess laqgħa saret il-ħatra tal-ewwel kumitat, magħmula minn President, Segretarju, Teżorier u erba’ membri oħra. Kien hemm qbil ukoll li jkun hemm ukoll rappreżentanza ta’ tliet membri tal-Kapitlu li jkunu magħżula mill-istess kapitlu. Fil-fatt, fit-tieni laqgħa l-kapitlu kien rappreżentat mill-Arċipriet Dun Anton Galea, Dun Ġwann Borg u Dun Ġwann Ciarlò.

Għan-nomina ta’ President is-Sur Pawlu Axiak ppropona lis-Sur Francis Tabone, imma l-maġġoranza riedet li bħala President jinħatar Pawlu Axiak. Fost ir-raġunijiet li nġabu kien hemm, li huwa kien il-promotur prinċipali tal-Għaqda, huwa kien il-bniedem li ħadem biex jitfassal l-ewwel statut biex setgħet tkun iffurmata l-Għaqda, kif ukoll il-ħidma ta’ propoganda li kien għamel sabiex dan il-għan jintlaħaq. Għalhekk wara li Pawlu Axiak aċċetta, huwa nħatar bħala l-ewwel President tal-Għaqda tal-Pawlini.

Wara l-President ippropona lir-Rev. Patri Pawl Pisani bħala segretarju tal-Għaqda, fejn il-maġġoranza ssekondat. Patri Pawl Pisani wiegħed li minkejja d-diversi impenji li kellu, kien ser jagħmel ħiltu kollha għall-glorja tal-Appostlu Missierna. Fl-għażla ta’ Teżorier kien intgħażel is-Sur Emanuel Axiak.

Rigward l-għażla tal-erba’ membri l-oħra tal-kumitat, wara proposta fuq sitt persuni, minn dawk preżenti ingħata vot sigriet fejn fuq tnax-il votant ir-riżultat kien:

Is-Sur Francis Tabone 12-il vot, is-Sur Paul Degiorgio 9 voti, is-Sur Carmelo Catania 8 voti, is-Sur Richard Cremona 8 voti, is-Sur Pawl Zammit 7 voti, is-Sur Ġużeppi Sultana 3 voti. Dan ir-riżultat wassal biex l-ewwel erba’ eletti jkunu awtomatikament membri f’dak l-ewwel kumitat. Hawnhekk il-President Pawlu Axiak poġġa osservazzjoni tiegħu fejn ippropona li bħala għajnuna għall-istess Għaqda kien ħass li jkun aħjar li żewġ individwi oħra (li f’dik il-laqgħa ma kienux preżenti minħabba impenn personali li kellhom) jkunu magħżula bħala membri fil-kumitat. Wara li l-assemblea saret taf min kienu dawn iż-żewġ persuni li kien qiegħed jirreferi għalihom il-President, żewġ membri eletti karatteristikament ċedew in-nomina tagħhom. Dan wassal sabiex il-President bl-approvazzjoni tal-assemblea preżenti, talbu sospensjoni tal-istatut, fejn żdiedu żewġ membri oħra, flimkien ma’ dawk magħżula mill-votazzjoni li kienet saret. B’vot unanimu, kienu ġew miżjuda bħala membri Dun Philip Calleja u s-Sur Carmelo Mamo.

Bil-festa tal-1971 dejjem aktar fil-qrib, u l-bżonn ta’ flus biex l-Għaqda tkun tista’ tagħmel tajjeb għall-ispejjeż involuti, fl-istess laqgħa il-President qassam kotba tal-lotterija b’risq il-festa, kif ukoll beda wkoll isir ġbir ta’ flus tal-membership. Sistema oħra bħala għajnuna finanzjarja għall-festa kien il-ġbir ta’ flus mit-toroq, billi jintgħażlu individwi għall-ġbir minn kull triq. Dawn l-individwi kellhom isimhom ippubblikat f’post fis-sagristija tal-knisja ta’ San Pawl, biex b’hekk il-pubbliku jkun jaf lil min jista’ jikkuntattja.

Din l-ewwel laqgħa kienet ġiet aġġornata għall-10 ta’ Novembru fil-5.30pm fis-sagristija jew f’post ieħor b’konnessjoni mal-knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl.

F’dawn il-50 sena l-Għaqda tal-Pawlini kellha għaxar presidenti. Pawlu Asciak Promotur u Fundatur (1970-1972) (1975-1976), Paul J. Galea (1974-1975), Francis Tabone (1972-1974) (1979-1980), Victor Enriquez (1976-1979), Louis Attard (1980-1989), Paul Spiteri (1989-1991), Hector Bruno (1991-1995), Dr. Ray Bondin (1995-1996) (1996-1997), Etienne Montfort Aġent President (1997); President (1999-2014), Mario Cassar (2014-)

Mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda tal-Pawlini baqgħet dejjem tikber u taġġorna maż-żminijiet, l-għan li għalih twaqqfet li dejjem tkabbar l-imħabba u d-devozzjoni lejn il-Festa Nazzjonali tal-Appostlu Missierna San Pawl.

Bibljografija:

Parroċċa San Pawl Nawfragu Valletta Ħarġa speċjali Festa 1970.

Programm San Pawl 1993 p.33.

Programm Festa San Pawl 2000 p.7.

Times of Malta 16th. February 1970 p.2.

Times of Malta 17th. February 1970 p.13.

Times of Malta 23rd. February 1970 p.13.

Leħen is-Sewwa 28 ta’ Frar 1970 p. 6.

Il-Ħajja 17 ta’ Frar 1970 p.1.

Minuti tal-ewwel laqgħa tal-Għaqda tal-Pawlini 6 ta’ Novembru 1970.

 

 

Ħajr lil Kanonku Dun Ġwann Borg u Dun Karm Zammit għall-għajnuna tagħhom.