Il-kulturi u l-wirt tal-festi tagħna huma festa ta’ kuluri. Kuluri ta’ drawwiet, persunaġġi, ritwali, mużika, armar u logħob tan-nar. Permezz tal-installazzjoni Kuluri Pawlin, l-Għaqda tal-Pawlini tal-Belt Valletta qed tfakkar u tiċċelebra r-rikkezza ta’ dawn il-valuri fl-okkażjoni tal-50 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha nhar is-6 ta’ Novembru 1970 mill-fundatur tagħha t-tenur Pawlu Asciak.
Tul dawn il-ħamsin sena, l-Għaqda tal-Pawlini rawmet saħħa fid-diversità, kif ukoll għaqda ġenwina sabiex tkattar l-imħabba tal-Maltin u l-Għawdxin lejn San Pawl, il-padrun ta’ Malta, permezz tal-festa tan-Nawfraġju tiegħu li tkun ċċelebrata fil-Belt Valletta nhar l-10 ta’ Frar. Dan kollu sar tul is-snin imgħoddija u għadu jseħħ b’impenn għat-tisħiħ spiritwali tal-membri u għall-integrazzjoni tagħhom fil-ħajja soċjali u kulturali tal-Komunità Parrokkjali Pawlina.
Sabiex jiġi mmarkat dan il-ġublew, l-Akkademja Kulturali Pawlina flimkien mal-Kummissjoni Armar fi ħdan l-Għaqda tal-Pawlini, ħejjew installazzjoni artistika fi Triq Santa Luċija bit-titlu Kuluri Pawlini. Kulħadd huwa mistieden iżur din l-installazzjoni kkulurita sal-aħħar ta’ Novembru 2020 u jippubblika tifkira fotografika fuq il-mezzi soċjali billi juża il-hashtag #kuluripawlini.