Fost tant u tant benefatturi li taw is-sehem tagħhom biex il-knisja tista’ tgawdi tant privileġġi, tradizzjonijiet u teżori sbieħ, ma nistgħux ma nsemmux wieħed mill-benefatturi ewlenin, il-Gran Mastru Fra Manuel Pinto de Fonseca.
Fra Manuel Pinto de Fonseca twieled fl-1681 u miet fit-23 ta’ Jannar 1773. Kien Kavalier tal-lingwa tal-Portugall fl-Ordni ta’ Malta u sar it-68 Gran Mastru tal-ordni mill-1741 sa mewtu. Kien nobbli Portugiż, bin Miguel Álvaro Pinto da Fonseca, u martu, Ana Pinto Teixeira.
Fl-1762, dan il-Gran Mastru, qabel il-festa tal-10 ta’ Frar, kien talab lill-kapitlu biex jagħmlulu tron fuq il- presbiterju fin-naħa tal-Vanġelju li kellu jibqa’ hemm għal dejjem. Il-Kapitlu wieġbu li minħabba li l-presbiterju kien żgħir dan ma setax isir. Iżda kif inqraw f’dokumenti ikkonservati fl-arkivju kapitulari “għall-imħabba li kellu lejn din il-knisja Kolleġġjata tiegħu, huwa ordna li minn flusu jitwessa’ kemm meħtieġ il-presbiterju.”
Biex aktar ikabbar id-dinjità tal-knisja, l-istess Gran Mastru ried li l-Ġurati jkollhom fil-knisja sedja fissa, li fil-jiem tas-solennitajiet kellha tkun mgħottija minn stratt ta’
damask aħmar. Il-Gran Mastru Pinto kellu devozzjoni speċjali lejn il-festa tan-Nawfraġju u ħalla legat ta’ flus li ssir kull sena. Huwa ħalla wkoll quddiesa li kellha titqaddes fis-sena għall-intenzjoni tiegħu.
Wieħed ma jistax ma jfakkarx li kien dan il-Gran Mastru li rregala lill-knisja il-ġirandra monumentali li tintrama fil-festi ta’ Corpus u tal-Qalb ta’ Ġesù u f’Ħamis ix-Xirka fl-Artal tar-Ripozizzjoni, xogħol l-aktar prezzjuż maħdum fil-fidda, li żgur hija waħda mill-akbar teżori li għandha l-knisja.