“Dis-sena San Pawl mhux ħa ssir!” Din kienet frażi li smajtha minn diversi nies, u kull darba kienet għafsa ta’ qalb ikbar minn ta’ qabilha. Imma xi żball kellhom!

Għal darb’oħra l-10 ta’ Frar, il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta, kienet festa unika, li wriet l-imħabba li l-Pawlini għandna lejn l-Appostlu Missierna. Il-qalb tal-parroċċa reġgħet libset libsa ta’ armar mill-isbaħ. Mill-ġdid id-drapp aħmar, bl-isfar sfumat tal-pavaljuni, libsu mill-ġdid libsa eleganti lil Triq Santa Luċija u Strada San Paolo. Nistgħu ngħidu wkoll li dis-sena, Strada San Paolo daħlet ukoll f’darna permezz ta’ programm mill-aktar professjonali, li qanqal diversi memorji sbieħ fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook.

Mill-ġdid inħarġet publikazzjoni ta’ livell għoli, mimlija informazzjoni u tagħrif, li ta’ kull sena sirna inkunu qed nistennew. Xgħelna l-Port il-Kbir, bl-ilwieni u ħsejjes uniċi tal- piroteknika Maltija. Għexna serata mużiko letterarja oħra fejn spikka t-talent Pawlin, li jogħxa fit-tifħir lejn il-patrun. Din kienet wkoll festa fejn iż-żgħażagħ onoraw voluntier ħabrieki, li ma jieqafx jaħdem biex isebbaħ it-tempju tant għażiż tagħna. Dan l-istess tempju li grazzi għall-voluntiera, dis-sena erġajna rajna, knisja armata fil-glorja kollha tagħha, wara tindif estensiv tal-fided li jarrikkixxu lill-knisja tagħna. Dis-sena stajna napprezzaw mill-ġdid il-mużika ta’ Mro Paolo Nani b’eżekuzzjoni mill-aqwa, denja għal din il-festa tant għażiża tagħna.

Din kienet festa ta’ tama għal għada aħjar mil-lum, fejn konna ta’ dawl f’dawn l-inċertezzi li ninsabu fihom, fejn qawwejna qalb kull parruċċan waqt dan iż-żmien tant diffiċli.

Iżda mhux biss! Kif wriena tajjeb l-E.T Mons. Arcisqof Charles J. Scicluna, waqt li kien qed jinseġ b’reqqa l-paniġierku ta’ jum il-Festa, San Pawl għandu jkun ukoll it-tama tal-fejqan tagħna. Fejqan mhux biss spiritwali, imma għanda nduru lejh sabiex jinterċedi għalina bħala Missier u jħarisna minn din il-pandemija.

“Dis-sena San Pawl mhux ħa ssir!” Din kienet frazi li smajtha minn diversi nies, u kull darba kienet għafsa ta’ qalb. Imma r-risposta kienet dejjem soda u l-istess: “l-10 ta’ Frar festa dejjem”.

 

Kitba: Daniel Mangion