L-Għaqda tal-Pawlini tal-Belt Valletta din is-sena se tfakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha li seħħ fl-1970 b’inizjattiva ta’ Belti Pawlin kbir u tenur ta’ fama internazzjonali Pawlu Asciak, li fil-fatt baqa’ jkun imfakkar bħala l-fundatur tal-Għaqda. L-ewwel laqgħa preliminari tal-Kumitat tal-Għaqda kienet saret f’Novembru tal-1970 wara li fil-festa ta’ San Pawl ta’ dik is-sena, wara argumenti dwar jekk kellhiex issir il-purċissjoni minħabba l-maltemp, kien hemm ftehim li għandha titwaqqaf din l-Għaqda.

Minn dak iż-żmien ’l hawn, sena wara sena, it-tifkira tan-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta, baqgħet dejjem iżżid fil-prestiġju tagħha fost l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin u barranin li jżuruha u jieħdu sehem fiha, fil-jum tal-10 ta’ Frar, li tkun festa pubblika. Il-qofol tal-festa jkun kull sena l-Pontifikal Solenni fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu li jkun immexxi mill-Arċisqof ta’ Malta u li għalih normalment tattendi kongregazzjoni kbira li tkun immexxija mill-President ta’ Malta.

Il-Kapitlu tal-Kolleġġjata, li minn din is-sena huwa Kapeġġjat minn Arċipriet ġdid, il-WR Kanonku David John Cilia, jifforma parti sħiħa mill-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini permezz ta’ rappreżentanza fil-Kumitat Ċentrali. B’hekk, tul dawn il-ħamsin sena li għaddew, il-programm tal-festa fil-Knisja u barra dejjem kien jikkumplimenta liż-żewġ aspetti.

L-Għaqda tal-Pawlini tħaddan fiha madwar 400 membru u bħalissa hija mmexxija minn Mario Cassar bħala President. L-Għaqda tħaddan fiha wkoll il-Fergħat taż-Żgħażagħ u tan-Nisa, l-Akkademja Kulturali Pawlina u numru ta’ kummissjonijiet li jaħdmu fuq id-diversi aspetti tal-festi ta’ barra f’kollaborazzjoni sħiħa mas-Soċietà Filarmonika Nazzjonali ‘La Valette’ li din is-sena qed tfakkar il-145 anniversarju mit-twaqqif tagħħa.

Għall-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda se torganizza programm ta’ attivitajiet mifrux fuq is-sena d-dieħla bit-tema “Il-Pawlini għat-tisħiħ tal-Parroċċa”. Il-President tal-Għaqda Mario Cassar qal li din it-tema tirrifletti l-impenn fil-viżjoni tal-Għaqda għas-snin li ġejjin biex tkompli tagħti l-kontribut fil-ħajja tal-Parroċċa Pawlina li qed tiffaċċja sfidi differenti ħafna minn dawk li kien hemm ħamsin sena ilu. Is-Sur Cassar qal li l-popolazzjoni tal-Parroċċa qed tkompli tonqos u tixjiħ drastikament. Madankollu hu esprima l-fiduċja tiegħu li f’kollaborazzjoni sħiħa mal-Parroċċa, dawn l-isfidi jistgħu jinbidlu f’opportunitajiet għal ħidmiet ġodda skont iċ-ċirkostanzi. Il-logo uffiċċjali għal dan l-anniversarju ġie iddiżinjat minn Pawlu Mizzi.

Il-programm tal-attivitajiet biex ifakkru l-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Għaqda tal-Pawlini tħejja f’qafas li jgħin jintlaħaq dan l-iskop waqt li l-Għaqda tibqa’ toffri lill-Maltin kollha festa sabiħa, f’ambjent fit-toroq tal-Belt Kapitali jissebbaħ dejjem, biex ikun imfakkar kif xieraq dan l-avveniment importanti fl-istorja millenarja ta’ Malta: it-twelid tal-fidi nisranija permezz tan-Nawfraġju ta’ San Pawl fis-sena 60 WK – ġrajja li tant kellha sehem importanti fi ġrajjiet oħra li seħħew wara.

Programm ta’ Attivitajiet

Is-Sibt 11 ta’ Jannar

10.00 am        Żjara lill-Awtorijtajiet tal-pajjiż u l-aktar persuna anzjana fil-parroċċa.

Is-Sibt 25 ta’ Jannar

9.30 am          Donazzjoni tad-demm fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm, Gwardamangia, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Save a Life fi ħdan l-Għaqda tal-Pawlini.

L-Erbgħa 5 ta’ Frar

6.45 pm          Inawgurazzjoni tal-Pavaljuni fi Triq San Pawl ħdejn id-Domus.

Il-Ħadd 9 ta’ Frar

8.45 pm          Kxif ta’ rħama fi Triq Santa Luċija, bħala tifkira tal-50 sena mit-twaqqif tal-Għaqda tal-Pawlini.

Is-Sibt 21 ta’ Marzu

10.00 am        Żjara lis-Sindku, is-Sur Alfred Zammit.

Is-Sibt 28 ta’ Marzu

6.00 pm          Tqegħid ta’ fjuri fejn hemm l-ewwel ġebla tal-Belt Valletta.

Mill-Ħamis 2 sal-Ġimgħa 10 t’April

7.00 pm          Inawgurazzjoni ta’ wirja fl-Uffiċċju Amministrattiv  8, Triq l-Arċisqof, Il-Belt Valletta.

Il-Ħadd 24 ta’ Mejju

11.45 am        Quddiesa fil-knisja Kolleġġjata San Pawl Nawfragu fl-okkażjoni tal-41 Anniversarju tal-Fergħa Żgħażagħ.

It-Tnejn 29 ta’ Ġunju

Mawra f’Palazzolo Acreide għall-Festa ta’ San Pawl organizzata mill-Għaqda tal-Pawlini.

Il-Ħamis 9 ta’ Lulju

7.00 pm          Laqgħa ta’ Kumitat tat-tfal Pawlini fl-Uffiċċju Amministrattiv  8, Triq l-Arċisqof, Il-Belt Valletta.

Is-Sibt 17 ta’ Ottubru

6.30 pm          Marċ mill-Banda ‘La Valette’ fl-Arċipierku segwit bi tqegħid ta’ fjuri mal-istatwa ta’ San Pawl u diskors dwar persunaġġi bi drawwiet Pawlini.

Il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru

6.00 pm          Quddiesa fil-knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu li timmarka d-data tal-ewwel laqgħa. Wara se jingħata rikonoxximent lil kull min serva fil-Kumitat u jitwaqqaf il-Forum ta’ ex Presidenti u ex Arċiprieti.

Is-Sibt 7 ta’ Novembru

7.00 pm          Serata Mużiko-Letterarja mtella’ mill-Akkademja Kulturali Pawlina. F’din is-serata jkun mniedi l-ktieb dwar l-istorja tal-Għaqda tal-Pawlini fl-ewwel ħamsin sena. Il-post jitħabbar aktar tard.

IL-ĦADD 8 TA’ NOVEMBRU

10.00 am         Tqegħid ta’ fjuri fuq l-oqbra tal-President Fundatur u Presidenti Onorarji tal-Għaqda tal-Pawlini

Is-Sibt 30 ta’ Jannar 2021

7.00 pm           Kunċert mill-Banda ‘La Valette’ fil-knisja Kolleġġjata San Pawl Nawfragu.