San Barnaba ma kienx wieħed mit-tnax li Ġesù sejjaħ biex ikunu appostli. Imma sa mill-bidu nett ġie msejjaħ appostlu minħabba l-ħidma kbira tiegħu għall-Knisja. Kien Lhudi, twieled f’Ċipru, trabba f’Ġerusalemm, u x’aktarx li studja fl-iskola ta’ Gamaljel, fl-istess żmien ma’ San Pawl.
Kien wieħed minn tal-ewwel li kkonvertew għall-Kristjaneżmu, f’Ġerusalemm, wara Pentekoste. Kien jismu Ġużeppi, imma l-appostli biddlulu ismu f’Barnaba – Bin il-Faraġ. Kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi.(Atti 11:24) Kellu għalqa, u biegħha, u dak li daħħal tagħha tah lill-appostli biex iqassmuh lill-foqra. Meta San Pawl, tliet snin wara li kkonverta, mar Ġerusalemm, kien Barnaba li laqgħu u introduċieh lil San Pietru u lill-Insara li għall-ewwel sabuha bi tqila biex jemmnu kif minn persekutur qalil, sar wieħed minnhom mimli b’ħeġġa l-iktar kbira.
Minn Ġerusalemm, Barnaba mar iżur il-Knisja ta’ Antjokja. Kien f’din il-belt li s-segwaċi ta’ Kristu bdew għall-ewwel darba jiġu msejħa Insara. Darba minnhom Barnaba mar Tarsu, sab lil San Pawl, u wara li stiednu, ħadu miegħu u ħadmu flimkien biex isaħħu l-Komunità ġdida ta’ Antijokja. Meta waqa’ għaks kbir f’Ġerusalemm u l-Insara kienu qed ibatu, San Barnaba u San Pawl ġabulhom l-għajnuna li kienu ġabru minn għand l-Insara ta’ Antjokja. Imbagħad Barnaba ngħaqad ma’ San Pawl u mar miegħu fl-ewwel vjaġġ missjunarju. Magħhom ħadu lil Mark (l-Evanġelista, li kien il-kuġin ta’ Barnaba) li wara telaqhom f’nofs triq.
Meta nqalgħet il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni, Barnaba kien jaqbel ma’ San Pawl u mar miegħu għall-Konċilju ta’ Ġerusalemm. San Barnaba u San Pawl kienu ser jerġgħu jmorru jipprietkaw flimkien iżda ma qablux fuq Mark. Barnaba ried li jeħduh magħhom iżda San Pawl ma riedx. Spiċċaw biex Barnaba ħa lil Mark u mar Ċipru, waqt li San Pawl ħa lil Sila u mar is-Sirja. Wara dan ma nafux x’sar minn Barnaba. Iżda t-tradizzjoni tgħid li miet martri, mħaġġar, f’Salamis, Ċipru, fis-sena 61.
Il-Festa ta’ San Barnaba tiġi ċċelebrata fil-11 ta’ Ġunju.