San Pawl… Sawlu ta’ Tarsu taċ-Ċiliċja; il-Lhudi mnissel mit-tribù ta’ Benjamin u b’ċittadinanza Rumana. Trabba f’kultura mibnija fuq liġijiet Lhud u minkejja li kien jitħadded bil-Lhudi u l-Aramajk, tħarreġ ukoll fil-kultura Griega li fetħitlu l-orizzonti kollha mal-Imperu Ruman. Ġie mħarreġ fil-qari u l-interpretazzjoni tal-Iskrittura mir-rabbi Gamaljel u saħansitra tgħallem is-sengħa tal-bini tat-tined. Iżda minn Fariżew li jippersegwita lill-Insara, ġie msejjaħ mill-Mulej fi triqtu lejn Damasku sabiex jikkonverti.

Wara l-magħmudija minn Ananija, beda jaħdem għal skop wieħed, dak li juri lill-ġnus kollha li Kristu kien il-Messija. Bil-predikazzjoni u l-vjaġġi tiegħu mal-Mediterran, biddel id-destin ta’ Imperu billi xettel il-fidi ta’ Kristu fost il-ġentili. Irnexxielu jgħeleb il-barrikati ta’ kulturi diversi sabiex lil dawk li kkonverta għaqqadhom fi ħdan Knisja waħda. Minn Tarsu erħielha lejn Antijokja fis-Sirja fejn għal tliet darbiet telaq għal vjaġġi twal li matulhom żar bliet diversi, qajjem saħansitra rewwixti bit-tagħlim tiegħu u għadda minn perikli liema bħalhom. Swat, tħaġġir, nawfraġji, ġuħ u għajja… xejn ma qatgħalu qalbu. Kiteb bosta ittri lil dawk li kien ikkonverta sabiex bihom isaħħaħ it-tagħlim li jkun xettel qabel. Spiċċa arrestat f’Ġerusalemm u wara sentejn ħabs f’Ċesarija, ġie mibgħut lejn Ruma sabiex jiġi ġustizzjat.

Mirkeb ħadu Sidon u Mira fejn imbagħad, iċ-ċenturjun Ġulju li għandu kien fdat, għabba liċ-ċorma fuq mirkeb Lixandrin, li minn taħt Kreta, kellu jaqsam il-Mediterran. Iżda l-maltempata li tellfet ir-rotta lill-mirkeb, wasslet biex dan jinkalja fuq xtutna u minn dak inhar Malta u Pawlu twaħħdu f’destin uniku.

Minn Silvio Cutajar B.Ed (Hons) (Membru, Bord Editorjali 2015/16)