Hekk kif nhar is-Sibt saret it-12-il edizzjoni tan-Notte Bianca fil-Belt Valletta, l-Għaqda tal-Pawlini ħadet sehem f’żewġ attivitajiet waħda ‘Ejja kul Ravjul tal-Fjur’ u ‘Il-Festa Żgħar’.
L-atmosfera fi Triq l-Arċisqof bejn Triq San Pawl u Triq Sant’Ursola kienet sabiħa ħafna bin-nies jisimgħu l-mużika live mill-band ta’ Mark Spiteri Lucas filwaqt li jieklu r-ravjul u jixorbu. Kienet attività suċċess b’numru sabiħ ta’ nies li attendew għal din is-serata biex iduqu r-ravjul tradizzjonali Belti, tradizzjoni li reġġgħet tqajment min-Notte Bianca tas-sena li għaddiet.
Filwaqt li numru ta’ nies kielu r-ravjul, oħrajn fosthom tfal kellhom iċ-ċans jerġgħu jesperjenzaw il-Festa l-Kbira li saret f’April li għadda fuq skala iżgħar bl-istatwi tat-tfal. L-istatwi ta’ San Pawl, Santu Wistin, San Duminku u tal-Madonna tal-Karmnu li joħorġu fil-festi tat-tfal rispettivi sabu ruħhom fil-knisja ta’ Sant’Ursola. Għal ħabta tas-6.45pm bdew ħerġin l-istatwi merfugħa mit-tfal bl-istess ordni tal-Festa l-Kbira, l-ewwel San Pawl, Santu Wistin, San Duminku u l-Madonna tal-Karmnu. Akkumpanjati bid-daqq tal-marċi l-istatwi daru għal Triq l-Arċisqof lejn Triq il-Lvant u mbagħad għaddew minn Fuq l-Iljuni għall-Barrakka t’Isfel. L-istatwi ddaħlu fil-Barrakka t’Isfel fil-parti ta’ ġewwa. Wara l-istatwi qabdu t-triq lura għall-knisja rispettiva b’San Pawl jieqaf quddiem id-dar tal-Għaqda fi Triq l-Arċisqof fost il-brijju ta’ dawk preżenti għall-attività tar-ravjul.
Serata oħra suċċess. Inħeġġuk tingħaqad magħna fl-attivitajiet li jmiss. Kellem lil xi membru tal-kumitat.