Sebaħ jum ġdid – il-11 ta’ Frar. Għaddiet festa oħra u nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li kellna festa li ħalliet il-ġid. Festa li wara tant ħidma minn ħafna voluntiera, maħbuba ta’ San Pawl u msieħba fl-Għaqda tal-Pawlini, sarrfet dan kollu fi frott bnin. Ġid li mess il-qalb u r-ruħ ta’ kull min attenda fit-toroq tal-Belt Valletta jew segwa l-festa bil-mezzi tax-xandir.

Aħna l-Pawlini niftaħru li tagħna hija festa kbira – imma kif nistgħu ma ngħidux hekk wara li rajna tant folol joħonqu t-toroq ta’ Beltna? Sa minn kmieni filgħodu ndunajna li kien hemm attendenza ġmielha għall-Pontifikal iżda wkoll ammont kbir ta’ familji tul it-toroq ewlenin. Hekk kif il-Banda tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette bdiet il-marċ tradizzjonali tagħha, dawn bdew jiżdiedu ġmielhom. Ma setax jonqos li fin-niżla tal-Mażżri, aktar ma noqorbu lejn il-bidu tal-purċissjoni, il-folol kibru. Ħafna minnha ammettew li kienu ilhom is-snin ma jħossu tant folla waqt il-ħruġ tal-vara maestuża ta’ San Pawl Nawfragu.

Kienu xeni mill-isbaħ ta’ Beltin, Maltin u turisti jammiraw ir-refgħa qalbiena ta’ sħabna jġorru l-kapulavur tal-Gafà fuq spallithom. Qabel għamlu hekk, l-iskwadra tar-reffiegħa taw tislima xierqa lill-mibki ex-prokuratur tal-vara s-Sur Charlie Grima li ħalliena s-sena li għaddiet u minn hemm, taħt id-direzzjoni tal-bravu Paul Scerri, irħewla għall-ħidma filwaqt li l-aħwa Bonello u Michael Borg, raw li dawn ikollhom l-ilma tul it-triq. Il-Kapitlu akkumpanja l-purċissjoni b’eleganza u fakkarna li huwa Kristu ċ-ċentru ta’ din il-Festa, imwassal lilna minn San Pawl permezz ta’ nawfraġju li Pawlu stess xtaq jevita.

NET TV għoġobhom itellgħu l-programm Forċina u għalhekk numru ta’ membri tal-kumitat fost oħrajn, ħadu l-ħin tagħhom sabiex marru għall-intervista. Sadattant għaqdiet Beltin oħrajn bdew jilqgħu u jsellmu lil San Pawl. Bdew sħabna d-Dumnikani, umbagħad dawk Karmelitani u sa fl-aħħar dawk Agostinjani. Mumenti mill-isbaħ ta’ għaqda li dejjem qed tissaħħaħ bejn il-Beltin.

Forsi kien grazzi għar-ritratti li bdew telgħin fuq Facebook li rrealizzajna li hekk kif saret l-istqarrija tal-Fidi fuq San Ġwann, il-pjazza kienet tassew ippakkjata nies. Xi ħadd ikkummenta li ma kienx hemm post fejn taqa’ labra. Minn hemm San Pawl qabad triqtu lejn il-Kolleġġjata. Ħin li ħafna jkunu qed jistennew sabiex jieħdu refgħa qasira – esperjenza li ħafna Pawlini u mhux, jistennew. Il-Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat, akkumpanjat lil Pawlu sal-bieb tal-Knisja.

Id-dħul kien dħul mill-aqwa. Il-Pawlini kantaw l-antifona ta’ Nani flimkien – qalb memorji, dmugħ ta’ ferħ, taqbiliet u ċapċip tal-idejn. Hemm ħafna persuni li ħadmu bla qatt ma ssemmew jew dehru u li permezz tagħhom ukoll twettaq dan is-suċċess. Diffiċli nagħmlu lista imma nsellmulhom u nirringrazzjawhom minn qiegħ qalbna. Aħna li ħdimna għal dan is-suċċess nittamaw li inti li qed taqra dan l-artiklu kont wieħed jew waħda minn dawk li gawdejt magħna din il-Festa tal-Maltin! Inħeġġuk sabiex tibqa’ ssegwi l-ħidma fuq il-paġni ta’ Facebook u Instagram u tingħaqad bħala membru tal-Għaqda tal-Pawlini. Tista’ tagħmel dan billi tibgħatilna email fuq info@www.sanpawl.com.

Viva l-Appostlu Missierna San Pawl. Bierku lil Mulej li wasslu ġo artna.

 

Ritratti ta’ Carl Farrugia