Derha ġdida għall-Għaqda tal-Pawlini
Wieħed mill-proġetti ambizzjużi li daħlet għalih l-Għaqda tal-Pawlini fis-sena 2015/16 kien bla dubju dak li permezz tiegħu l-istess Għaqda qed tibda tilbes libsa ġdida fuq livell ta’ komunikazzjoni. Dan kollu sar fuq inizzjattiva tal-Kummissjoni għall-Komunikazzjoni.
L-ewwel xewqa kienet dik li nerġgħu nibnu d-disinn oriġinali tal-emblema uffiċjali tal-Għaqda, xogħol tal-1971 mill-artist George Fenech. Dan għaliex tul is-snin, ir-riferenza lejn id-disinn oriġinali kien intilef kif ukoll sabiex l-emblema tkun tista’ tiġi riprodotta f’kuntesti varji tal-komunikazzjoni moderna.
Fil-bidu ta’ dan il-proċess, saret konsultazzjoni mal-artist Belti s-Sur Alfred Camilleri li bl-esperjenza tiegħu għaraf l-importanza ta’ dan il-proċess. Filwaqt li apprezza t-tradizzjoni twila li ġġorr magħha din l-emblema, huwa ssuġġerixxa wkoll disinn ġdid li jgħati iktar prominenza lill-Kelma. Kien proċess ta’ għarfien fejn l-elementi li jikkomponu din l-emblema ġew diskussi u meqjusa b’għajnejn ġodda u kritika nfurmata.
It-tieni fażi tal-proċess kien dak li fih l-artist, diżinjatur u illustratur mill-Kalkara, is-Sur Julian Mallia, ġie kkummisjonat sabiex bi programmi diġitali moderni, jfassal mill-ġdid id-disinn ta’ George Fenech. Kien proċess twil fejn anki d-diskursati ma’ Alfred Camilleri, offrew sfond għal konsiderazzjonijiet varji u dettaljati. Distinzjoni ċara huwa l-mod iktar b’saħħtu kif kliem San Pawl ġie mogħti l-prominenza xierqa meta kkumparat mal-preżenza tal-lifgħa. Ix-xabla ġiet ukoll aġġornata għall-istil Ruman kif dettat minn Melchiorre Gafà fl-istatwa tal-Kolleġġjata. Filwaqt li d-disinn oriġinali ġie rrispettat, Mallia rnexxielu jirfina d-disinn għall-kuntest kontemporanju fejn ir-riproduzzjoni grafika titlob ċertu attenzjoni.
It-tieni xewqa mwettqa din is-sena kienet kemmxejn aktar ambizzjuża. Id-disinn u inawgurazzjoni ta’ sit elettroniku ġdid. Ġie kkummisjonat id-diżinjatur tas-siti s-Sur Gabriel Bajada. Bl-għajnuna tal-kummissjoni, s-Sur Bajada rnexxielu jibni sit ġdid li ser ikun faċilment użat minn kul min ikollu r-responsabbiltà tiegħu tul is-snin futuri. Is-sit www.sanpawl.com huwa wieħed li jadatta ruħu awtomatikament għal screens tal-komputers, tablets kif ukoll mobiles. Is-sit joffri faċilitajiet varji fosthom insemmu l-aġġornamenti u l-aċċess għall-midja soċjali tal-Għaqda.
Flimkien ma’ Bajada, ħassejna bżonn li ntejbu jew nwaffqu servizzi ta’ midja soċjali sabiex nilħqu dejjem aktar Pawlini. Ġie mtejjeb il-profil tagħna fuq YouTube u Facebook filwaqt li ġew inawgurati profili ġodda fuq SoundCloud u Instagram. Il-konkorrenza għal dawn il-paġni, qegħda, kull ma jmur, tiżdied.
Ħsibna wkoll li ninawguraw l-użu ta’ hashtags sabiex niffaċilitaw il-ġbir ta’ ritratti relatati mal-festa li jkunu qegħdin jittellgħu mill-Pawlini kif ukoll mill-udjenza ġenerali. Il-hashtags #sanpawl2016, #festasanpawl u #pawlini2016 kienu suċċess immedjat u diġà nistgħu naraw kollezzjoni ġmielha ta’ ritratti minn sorsi varji!
Grazzi kbira tmur lis-Sur Paul Lapira li mill-ewwel għoġbu joffri sostenn finanzjarju għal dan il-proġett.
Bħal f’kuntesti oħra, l-Għaqda tal-Pawlini rnexxielha tkun minn ta’ quddiem sabiex tibda taġġorna ruħha mal-midja moderna sabiex il-komunikazzjoni b’risq il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, il-komunità Pawlina u l-kult Pawlin, tkompli tissaħħaħ.