Fl-10 ta’ Frar aħna l-Maltin irridu nieqfu ftit mill-ħajja mgħaġġla tal-lum u ngħidu “Grazzi” mill-qalb lil Alla li bagħtilna lil San Pawl fuq din il-gżira ċkejkna biex jagħmilna l-ulied adottivi tiegħu. Fit-tislima tal-bidu tal-quddiesa, is-saċerdot juża l-kliem ta’ San Pawl “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba t’Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu tkun magħkom ilkoll”.
Din is-sena, il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl kellha tiġi trasferita għas-Sibt 30 ta’ Jannar għall-fatt li din is-sena l-Festa tal-Għid il-Kbir, ser tiġi ċċelebrata kmieni. Il-Festa tal-Għid hija l-akbar festa li tiċċelebra l-Knisja Kattolika, u bħalma jiġri kull tant snin minħabba tibdil fil-kalendarju liturġiku l-Festa tan-Nawfraġju ikollha tiġi trasferita bil-prerogattivi kollha tagħha għal data oħra. Filfatt l-10 ta’ Frar 2016 – festa kmandata u pubblika – ser ikun Ras ir-Randan.
Ngħidu “grazzi” ukoll lil San Pawl li kien hu li nissilna fil-fidi. San Pawl iddedika ruħu u ġismu biex iwassal il-fidi fi Kristu, l-Iben t’Alla magħmul bniedem għalina biex isalvana mid-dnub u jagħmilna ħbieb m’Alla. Kif qal lill-komunitajiet oħra, San Pawl lilna l-Maltin jgħidilna “Jien il-missier tagħkom. Ġrejt u batejt biex intom issiru nsara”.
Biex lil San Pawl ngħidulu “grazzi” mill-qalb, bir-raġun inħossu li għandna niċċelebraw b’solennità kbira t-tifkira tan-nawfraġju tiegħu fuq ix-xtut tagħna. Mhux ta’ b’xejn li magħna l-Pawlini tal-Belt jingħaqdu ħutna l-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Biex il-festa tħalli ħafna ġid spiritwali aħna norganizzaw il-Priedki, it-Tridu, biex nitgħallmu minn dak li għamel, ippriedka u kiteb San Pawl. Allura kull wieħed u waħda minna irid iqabbel dak li qal San Pawl ma’ dak li qed ngħixu aħna. Nistaqsu lilna nfusna kemm qegħdin naħfru lil xulxin, kemm qegħdin ngħożżu l-familja – raġel wieħed ma’ mara waħda mingħajr divorzju jew partners, kemm qegħdin ngħallmu t-tfal iħobbu lil Kristu u lill-Knisja bl-eżempji tajbin li nagħtuhom minn jum għal ieħor.
Waqt il-maltempata San Pawl iċċelebra l-Ewkaristija għax kien persważ li s-salvazzjoni tiġi biss minn Alla. Il-baħar kien periklu kbir, però Alla qallu “persuna waħda ma tintilifx”. Fuq l-art kien hemm il-lifgħa velenuża li heddet il-ħajja ta’ San Pawl. Kien Alla li ħeles lill-ekwipaġġ mill-għarqa żgura u lil San Pawl mill-velenu tal-lifgħa.
Aħna kemm qegħdin infittxu ’l Alla billi nitolbu ftit kuljum u nirċievu l-Ewkaristija spiss? J’Alla din il-festa sservina biex insiru nixbħu iżjed lil San Pawl u nkunu verament Pawlini. San Pawl stess jgħidilna“Imitaw lili kif jiena nimita lil Kristu” Imitatores mei estote, sicut et ego Christi.
Bħala l-Arċipriet il-ġdid, nixtieq nirringrazzja lil sħabi l-kanonċi u lil dawk kollha li jħabirku, spiritwalment u materjalment fil-knisja u l-parroċċa. Għandna bżonn ħafna Pawlini “impenjati” li jgħinu lil oħrajn biex isiru tajbin u qaddisin. Grazzi lill-benefatturi u lil Pawlini, kbar u żgħażagħ, li b’dedikazzjoni u b’entużjażmu jħabirku għat-tiżjin, u fl-organizzazzjoni tal-festa.