Is-Sibt 11 ta’ Jannar 2020 – Bħala parti mill-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 sena mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda tal-Pawlini flimkien mal-Arċipriet Kan. David Cilia u l-Kummissjoni tal-50 sena għamlu żjara lill-President ta’ Malta Dr George Vella u lill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Scicluna.

Fil-Palazz ta’ Sant’Anton huma ltaqgħu mal-President ta’ Malta Dr George Vella fejn is-Sur Mario Cassar, President tal-Għaqda tal-Pawlini spjega x’inhi l-ħidma tal-Għaqda tal-Pawlini fost il-komunità Parrokkjali fil-Belt li tinkludi l-organizzazzjoni tal-Festa tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl kif ukoll ħidma soċjali oħra fil-komunità u l-attivitajiet li se jsiru biex jiċċelebraw dawn il-ħamsin sena. Il-President ta’ Malta min-naħa tiegħu rringrazzja lill-Għaqda tal-Pawlini tal-ħidma tagħha u f’isem il-Maltin irringrazzjaha li baqgħet taħdem biex in-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta jibqa’ jiġi ċċelebrat.

Wara saret żjara lill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Scicluna fil-Kurja ta’ Arċisqof. Is-Sur Mario Cassar tkellem dwar il-ħidma tal-Għaqda tal-Pawlini fi ħdan il-Parroċċa flimkien mal-Arċipriet il-ġdid Dun David Cilia. L-Arċisqof faħħar il-ħidma tal-Għaqda tal-Pawlini matul is-snin u rringrazzjaha tal-ħidma tagħha fil-Parroċċa.

Kemm il-President kif ukoll l-Arċisqof ġew ippreżentati b’ritratt tal-istatwa kapolavur Melchiorre Gafà li tirrappreżenta lil San Pawl jipprietka kif ukoll kopja tal-pubblikazzjonijiet tal-Festa, il-Programm tal-Festa maħruġ mill-Bord Editorjali kif ukoll Leħen iż-Żgħażagħ maħruġ mill-Fergħa Żgħażagħ Pawlini.

Artikli Relatati