Tal-Mażżri – Innu Marċ irregalat mill-Għaqda tal-Pawlini

“Tal-Mażżri” huwa l-isem ta’ marċ ġdid f’ġieħ l-Appostlu Missierna San Pawl li ġie mniedi fit-18 ta’ Jannar mill-Għaqda tal-Pawlini sabiex jibda ċ-ċelebrazzjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tal-istess għaqda.

Is-Sur Roderick Abela offra ġentilment li jirregala dan il-marċ lill-Għaqda u għalhekk ġie avviċinat il-kompożitur bravu l-Mro. Raymond Sciberras sabiex jikkomponi l-mużika.

Aktar ‘l quddiem, is-Sur Stephen Baldacchino, membru tal-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda tal-Pawlini, kiteb il-lirika għal dan il-marċ u s-Sur Stephen Mizzi, Pawlin bħalna, kantah kif inhu tradizzjoni għal marċi popolari Beltin.

It-titlu “Tal-Mażżri” jirreferi għan-niżla li tinsab fi Triq San Pawl bejn Triq Melita u Triq San Ġwann li fiha jilħaq il-qofol tiegħu l-marċ tradizzjonali tal-festa tagħna. Din iż-żona hija magħrufa hekk mill-Pawlini Beltin.

Il-vidjo sar minn Carl Farrugia, membru tal-Fergħa Żgħażagħ, b’filmati tiegħu stess.

Għalhekk l-Għaqda qed tirregala dan l-innu marċ lill-partitarji kollha Pawlini Maltin u Għawdxin, sabiex fil-ġranet li ġejjin ikun jista’ jitgawda matul it-toroq tal-Belt Valletta.

Kull dritt miżmum. © Għaqda tal-Pawlini A.D.1970, 2019

Il-Festa tal-Maltin

Fi żmien xahar, il-komunità Pawlina f’Malta u Għawdex ser tkun qed tiċċelebra l-wasla providenzjali tal-Appostlu Pawlu fi gżiritna. Fil-Belt Valletta l-Għaqda tal-Pawlini flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl, jagħmlu minn kollox sabiex nhar l-10 ta’ Frar tinżamm it-tradizzjoni antika ta’ festi kbar f’ġieh dan il-qaddis u l-wasla tiegħu fi xtutna.

Din is-sena it-tim li jieħu ħsieb il-komunikazzjoni fi ħdan l-Għaqda tal-Pawlini ħaseb li jfakkar li din mhix il-festa tal-Pawlini jew tal-Beltin biss iżda il-Festa tal-Maltin. Matul din il-festa nixtiequ nħeġġu lil kull Malti u Maltija sabiex jiskopri jew iġedded din il-ġrajja speċjali fl-istorja ta’ Malta u jispira ruħu minn dan il-persunaġġ ta’ rieda soda li wasal hawn skont ir-rieda t’Alla.

L-10 ta’ Frar hija l-Festa tal-Maltin. Hija festa li apparti li ġġorr magħha tradizzjonijiet varji, tixhed ukoll il-kultura reliġjuża tal-Maltin li sa minn sekli mgħoddija ħallew it-tamiet tagħhom fi Kristu hekk kif imxandar lilhom minn San Pawl. Hija festa li tixhed ukoll il-kultura antika tal-festi xitwin li aktar ma għaddew is-snin aktar naqsu. Dan mhux fil-każ tal-festa tan-Nawfraġju li baqgħet qalbiena bħall-baħrin tal-maltemp.

L-10 ta’ Frar hija l-Festa tal-Maltin għax hija tfakkira ta’ memorja li tat identità qawwija lil pajjiżna fuq skala Ewropea u Internazzjonali. Apparti l-valuri Kristjani u Kattoliċi din il-Festa tixhed ukoll kburija għal fatt li pajjiżna u l-Maltin jissemmew fil-Bibbja fost l-ewwel komunitajiet fejn Kristu kien imħabbar lill-umanità.

Huwa għalhekk li din il-Festa hija stedina mhux biss li niċċelebraw dan il-wirt għażiż tagħna bħala poplu iżda wkoll li nħaddnu u nrawwmu b’responsabbiltà dawn il-valuri li għaddilna San Pawl fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

San Pawl u l-Festa l-Kbira

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħabbret il-programm tal-Festa l-Kbira – attività unika fejn l-erba’ festi u ż-żewġ baned tal-Belt Valletta ser jingħaqdu għall-ewwel darba bħala parti mill-programm Kulturali ta’ Valletta 2018. L-Għaqda tal-Pawlini tinsab kburija li ser tkun parti ntegrali minn din il-ġrajja unika għall-poplu Belti u Malti u qed tikkollabora bi ħġarha mal-Fondazzjoni sabiex is-7 ta’ April jibqa’ jum li jħalli legat profond lill-komunità tagħna.

Il-Festa l-Kbira ser tinżamm bejn l-4 u s-7 ta’ April b’attivitajiet fil-Port il-Kbir u tul it-toroq tal-Belt Valletta. Il-qofol tal-Festa l-Kbira ser ikun is-Sibt 7 ta’ April meta wara r-regatta tradizzjonali ta’ Jum il-Ħelsien fil-Port il-Kbir, ser isiru l-erba’ purċissjonijiet bl-istatwi titulari ta’ San Pawl, San Duminku, il-Madonna tal-Karmnu u Santu Wistin wara ċelebrazzjonijet reliġjużi fl-erba’ knejjes rispettivi. L-erba’ statwi ser jiltaqgħu fi Pjazza San Ġorġ fejn l-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna ser imexxi t-talb. Wara, l-istatwi akkumpanjati mill-baned, ser jimxu matul Triq ir-Repubblika lejn Bieb il-Belt qabel ikomplu r-rotta lejn il-knejjes rispettivi tagħhom.

Il-Ġimgħa 6 ta’ April, ser jittella’ marċ u kunċert konġunt bejn il-baned King’s Own u La Valette f’Pjazza San Ġorġ.

Il-programm komplut huwa kif ġej:

 

L-Erbgha, 4 t’April 2018

6:00pm          Konsagrazzjoni tal-Knisja u inawgurazzjoni tal-pavimentar ġdid ġewwa l-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu

Il-Ġimgħa, 6 t’April 2018

7:30pm      Il-Banda King’s Own u l-Banda La Valette jibdew marċ minn Pjazza Ħelsien sa Pjazza San Ġorġ. Il-marċ jasal fil-Pjazza fit-8:30pm

9:00pm      Il-Banda King’s Own u l-Banda La Valette jtellgħu kunċert konġunt fi Pjazza San Ġorġ. Kull banda ser ittella’ programm ta’ 40 minuta li jinkludi wkoll xi diskors qasir għall-okkażjoni għal total ta’ 100 minuta

Is-Sibt, 7 t’April 2018

11:45am     Regatta fil-Port il-Kbir

4:50pm       Preżentazzjoni tal-Valletta 2018 Shield ‘Leġġendi tal-Port il-Kbir’

5:00pm      Quddiesa fl-erba’ knejjes involuti

5.45pm       L-erba’ baned mistiedna jinġabru quddiem il-knejjes rispettivi sabiex isellmu l-vari titulari waqt il-ħruġ

6.00pm      Ħruġ tal-vari titulari (Rotot indikati hawn)

6:50pm      Il-vari titulari jibdew jaslu fi Pjazza San Ġorġ

7:35pm       Ċelebrazzjoni u mument ta’ talb li jinkorpora l-erbgħa festi flimkien. Din tkun mmexxija minn Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna

8:00pm      Il-vari titulari flimkien mal-baned jibdew triqthom tul Triq ir-Repubblika lejn Bieb il-Belt

9:10pm      Il-vari titulari jibdew jaslu fi Pjazza Ħelsien

9:30pm      Il-vari titulari jaqbdu r-rotta lura lejn il-Knisja rispettiva (Rotot indikati hawn)

10:45pm    Dħul tal-vari titulari fil-knejjes

Nagħmlu Festa – L-induratura

L-Għaqda tal-Pawlini bis-sapport tal-Fondazzjoni Save a Life u l-Onorevoli Claudio Grech, illum negħdiet serje ta’ seminars immirati lejn żgħażagħ ta’ etajiet varji, dwar il-ħidma u s-snajja li huma meħtieġa biex tittella’ festa Maltija. Huma snajja li jiffurmaw il-mużajk li hija l-festa f’komunità b’saħħitha u li tħares ‘l quddiem. L-ewwel laqgħa llum inżammet fid-dar tal-Għaqda fi Triq l-Arċisqof u kienet immexxija mis-Sur Neville Farrugia, induratur. Is-Sur Farrugia spjega bir-reqqa x’jinvolvi l-proċess tal-induratura sakemm lejn it-tieni parti tas-sessjoni, stieden lill-parteċipanti sabiex imiddu idejhom u jippruvaw jinduraw xi labardi tal-festa bil-folji tal-aluminju. Milli rajna, il-parteċipanti ħadu pjaċir jiskopru d-dettall ta’ dak li jgawdu matul il-ġranet tal-festi.

L-attendenza kienet tajba iżda nħeġġu lil kulħadd sabiex iħajjru liż-żgħar, subien u bniet, sabiex jingħaqdu magħna fis-sessjonijiet li ġejjin. Esperjenza ġdida u unika. Ibbukkjaw fuq 79204432.

Ritratti ta’ Carl Farrugia