San Pawl u l-Festa l-Kbira
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħabbret il-programm tal-Festa l-Kbira – attività unika fejn l-erba’ festi u ż-żewġ baned tal-Belt Valletta ser jingħaqdu għall-ewwel darba bħala parti mill-programm Kulturali ta’ Valletta 2018. L-Għaqda tal-Pawlini tinsab kburija li ser tkun parti ntegrali minn din il-ġrajja unika għall-poplu Belti u Malti u qed tikkollabora bi ħġarha mal-Fondazzjoni sabiex is-7 ta’ April jibqa’ jum li jħalli legat profond lill-komunità tagħna.
Il-Festa l-Kbira ser tinżamm bejn l-4 u s-7 ta’ April b’attivitajiet fil-Port il-Kbir u tul it-toroq tal-Belt Valletta. Il-qofol tal-Festa l-Kbira ser ikun is-Sibt 7 ta’ April meta wara r-regatta tradizzjonali ta’ Jum il-Ħelsien fil-Port il-Kbir, ser isiru l-erba’ purċissjonijiet bl-istatwi titulari ta’ San Pawl, San Duminku, il-Madonna tal-Karmnu u Santu Wistin wara ċelebrazzjonijet reliġjużi fl-erba’ knejjes rispettivi. L-erba’ statwi ser jiltaqgħu fi Pjazza San Ġorġ fejn l-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna ser imexxi t-talb. Wara, l-istatwi akkumpanjati mill-baned, ser jimxu matul Triq ir-Repubblika lejn Bieb il-Belt qabel ikomplu r-rotta lejn il-knejjes rispettivi tagħhom.
Il-Ġimgħa 6 ta’ April, ser jittella’ marċ u kunċert konġunt bejn il-baned King’s Own u La Valette f’Pjazza San Ġorġ.
Il-programm komplut huwa kif ġej:
L-Erbgha, 4 t’April 2018
6:00pm Konsagrazzjoni tal-Knisja u inawgurazzjoni tal-pavimentar ġdid ġewwa l-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu
Il-Ġimgħa, 6 t’April 2018
7:30pm Il-Banda King’s Own u l-Banda La Valette jibdew marċ minn Pjazza Ħelsien sa Pjazza San Ġorġ. Il-marċ jasal fil-Pjazza fit-8:30pm
9:00pm Il-Banda King’s Own u l-Banda La Valette jtellgħu kunċert konġunt fi Pjazza San Ġorġ. Kull banda ser ittella’ programm ta’ 40 minuta li jinkludi wkoll xi diskors qasir għall-okkażjoni għal total ta’ 100 minuta
Is-Sibt, 7 t’April 2018
11:45am Regatta fil-Port il-Kbir
4:50pm Preżentazzjoni tal-Valletta 2018 Shield ‘Leġġendi tal-Port il-Kbir’
5:00pm Quddiesa fl-erba’ knejjes involuti
5.45pm L-erba’ baned mistiedna jinġabru quddiem il-knejjes rispettivi sabiex isellmu l-vari titulari waqt il-ħruġ
6.00pm Ħruġ tal-vari titulari (Rotot indikati hawn)
6:50pm Il-vari titulari jibdew jaslu fi Pjazza San Ġorġ
7:35pm Ċelebrazzjoni u mument ta’ talb li jinkorpora l-erbgħa festi flimkien. Din tkun mmexxija minn Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna
8:00pm Il-vari titulari flimkien mal-baned jibdew triqthom tul Triq ir-Repubblika lejn Bieb il-Belt
9:10pm Il-vari titulari jibdew jaslu fi Pjazza Ħelsien
9:30pm Il-vari titulari jaqbdu r-rotta lura lejn il-Knisja rispettiva (Rotot indikati hawn)
10:45pm Dħul tal-vari titulari fil-knejjes