Stqarrija Konġunta tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta u l-Għaqda tal-Pawlini, dwar il-Festa ta’ San Pawl Nawfragu 2021
Wara li qisna ċ-ċirkustanzi kollha tas-sitwazzjoni preżenti, u wara li kkonsultajna mal-awtorità ekkleżjastika, nixtiequ ngħarrfu li ninsabu kostretti niċċelebraw il-festa tas-sena 2021 fi skala iżgħar mis-soltu. Dan qegħdin nagħmluh biex insegwu b’responsabbiltà d-direttivi tal-ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa maħruġa mill-Kurja tal-Arċisqof b’rispons għall-pandemija Covid-19.
Għaldaqstant, il-Festa ta’ San Pawl se tkun iċċelebrata bi preparazzjoni spiritwali fil-knisja, u bil-Pontifikal li se jsir fl-10 ta’ Frar 2021 fid-9.30 a.m., ippresedut mill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna, bil-preżenza tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, u mxandar fuq it-televiżjoni. Il-mużika din is-sena, se tkun taħt id-direzzjoni tal-Maestro di Cappella ġdid, Mro Hermann Farrugia Frantz.
L-Għaqda tal-Pawlini se tkun responsabbli biex tarma u żżejjen l-inħawi madwar il-knisja, u se torganizza attivitajiet fil-Barrakka ta’ Isfel fid-9 ta’ Frar, u Taħt il-Qanpiena nhar l-10 ta’ Frar filgħaxija, bil-miżuri kollha ta’ ħarsien tas-saħħa hekk kif mitluba mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Is-sehem tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette ser janima l-festa fil-qafas tal-programm ta’ din is-sena.
Il-pellegrinaġġ bil-vara maestuża ta’ San Pawl ser ikun differit għall-Ħadd 5 ta’ Settembru 2021. Hi t-talba tagħna li sa dakinhar, bis-sehem responsabbli ta’ kulħadd u bil-ħidma tal-awtoritajiet, speċjalment tal-frontliners, din il-pandemija tkun warajna u nkunu nistgħu nroddu ħajr lil Alla tal-għajnuna li tana matulha u talli ħarisna mill-ħsara. Missirijietna kienu għamlu pellegrinaġġ simili fl-1814 wara l-imxija tal-pesta.
Kan. David Cilia – Arċipriet
Kan. David Torpiano – Kanċillier
Mario Cassar – President, Għaqda tal-Pawlini
Douglas Mifsud – Segretarju, Għaqda tal-Pawlini