L-10 ta’ Frar festa dejjem

“Dis-sena San Pawl mhux ħa ssir!” Din kienet frażi li smajtha minn diversi nies, u kull darba kienet għafsa ta’ qalb ikbar minn ta’ qabilha. Imma xi żball kellhom!

Għal darb’oħra l-10 ta’ Frar, il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta, kienet festa unika, li wriet l-imħabba li l-Pawlini għandna lejn l-Appostlu Missierna. Il-qalb tal-parroċċa reġgħet libset libsa ta’ armar mill-isbaħ. Mill-ġdid id-drapp aħmar, bl-isfar sfumat tal-pavaljuni, libsu mill-ġdid libsa eleganti lil Triq Santa Luċija u Strada San Paolo. Nistgħu ngħidu wkoll li dis-sena, Strada San Paolo daħlet ukoll f’darna permezz ta’ programm mill-aktar professjonali, li qanqal diversi memorji sbieħ fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook.

Mill-ġdid inħarġet publikazzjoni ta’ livell għoli, mimlija informazzjoni u tagħrif, li ta’ kull sena sirna inkunu qed nistennew. Xgħelna l-Port il-Kbir, bl-ilwieni u ħsejjes uniċi tal- piroteknika Maltija. Għexna serata mużiko letterarja oħra fejn spikka t-talent Pawlin, li jogħxa fit-tifħir lejn il-patrun. Din kienet wkoll festa fejn iż-żgħażagħ onoraw voluntier ħabrieki, li ma jieqafx jaħdem biex isebbaħ it-tempju tant għażiż tagħna. Dan l-istess tempju li grazzi għall-voluntiera, dis-sena erġajna rajna, knisja armata fil-glorja kollha tagħha, wara tindif estensiv tal-fided li jarrikkixxu lill-knisja tagħna. Dis-sena stajna napprezzaw mill-ġdid il-mużika ta’ Mro Paolo Nani b’eżekuzzjoni mill-aqwa, denja għal din il-festa tant għażiża tagħna.

Din kienet festa ta’ tama għal għada aħjar mil-lum, fejn konna ta’ dawl f’dawn l-inċertezzi li ninsabu fihom, fejn qawwejna qalb kull parruċċan waqt dan iż-żmien tant diffiċli.

Iżda mhux biss! Kif wriena tajjeb l-E.T Mons. Arcisqof Charles J. Scicluna, waqt li kien qed jinseġ b’reqqa l-paniġierku ta’ jum il-Festa, San Pawl għandu jkun ukoll it-tama tal-fejqan tagħna. Fejqan mhux biss spiritwali, imma għanda nduru lejh sabiex jinterċedi għalina bħala Missier u jħarisna minn din il-pandemija.

“Dis-sena San Pawl mhux ħa ssir!” Din kienet frazi li smajtha minn diversi nies, u kull darba kienet għafsa ta’ qalb. Imma r-risposta kienet dejjem soda u l-istess: “l-10 ta’ Frar festa dejjem”.

 

Kitba: Daniel Mangion

San Barnaba

San Barnaba ma kienx wieħed mit-tnax li Ġesù sejjaħ biex ikunu appostli. Imma sa mill-bidu nett ġie msejjaħ appostlu minħabba l-ħidma kbira tiegħu għall-Knisja. Kien Lhudi, twieled f’Ċipru, trabba f’Ġerusalemm, u x’aktarx li studja fl-iskola ta’ Gamaljel, fl-istess żmien ma’ San Pawl.

Kien wieħed minn tal-ewwel li kkonvertew għall-Kristjaneżmu, f’Ġerusalemm, wara Pentekoste. Kien jismu Ġużeppi, imma l-appostli biddlulu ismu f’Barnaba – Bin il-Faraġ. Kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi.(Atti 11:24) Kellu għalqa, u biegħha, u dak li daħħal tagħha tah lill-appostli biex iqassmuh lill-foqra. Meta San Pawl, tliet snin wara li kkonverta, mar Ġerusalemm, kien Barnaba li laqgħu u introduċieh lil San Pietru u lill-Insara li għall-ewwel sabuha bi tqila biex jemmnu kif minn persekutur qalil, sar wieħed minnhom mimli b’ħeġġa l-iktar kbira.

Minn Ġerusalemm, Barnaba mar iżur il-Knisja ta’ Antjokja. Kien f’din il-belt li s-segwaċi ta’ Kristu bdew għall-ewwel darba jiġu msejħa Insara. Darba minnhom Barnaba mar Tarsu, sab lil San Pawl, u wara li stiednu, ħadu miegħu u ħadmu flimkien biex isaħħu l-Komunità ġdida ta’ Antijokja. Meta waqa’ għaks kbir f’Ġerusalemm u l-Insara kienu qed ibatu, San Barnaba u San Pawl ġabulhom l-għajnuna li kienu ġabru minn għand l-Insara ta’ Antjokja. Imbagħad Barnaba ngħaqad ma’ San Pawl u mar miegħu fl-ewwel vjaġġ missjunarju. Magħhom ħadu lil Mark (l-Evanġelista, li kien il-kuġin ta’ Barnaba) li wara telaqhom f’nofs triq.

Meta nqalgħet il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni, Barnaba kien jaqbel ma’ San Pawl u mar miegħu għall-Konċilju ta’ Ġerusalemm. San Barnaba u San Pawl kienu ser jerġgħu jmorru jipprietkaw flimkien iżda ma qablux fuq Mark. Barnaba ried li jeħduh magħhom iżda San Pawl ma riedx. Spiċċaw biex Barnaba ħa lil Mark u mar Ċipru, waqt li San Pawl ħa lil Sila u mar is-Sirja. Wara dan ma nafux x’sar minn Barnaba. Iżda t-tradizzjoni tgħid li miet martri, mħaġġar, f’Salamis, Ċipru, fis-sena 61.

Il-Festa ta’ San Barnaba tiġi ċċelebrata fil-11 ta’ Ġunju.

Il-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu u l-Gran Mastru Pinto

Fost tant u tant benefatturi li taw is-sehem tagħhom biex il-knisja tista’ tgawdi tant privileġġi, tradizzjonijiet u teżori sbieħ, ma nistgħux ma nsemmux wieħed mill-benefatturi ewlenin, il-Gran Mastru Fra Manuel Pinto de Fonseca.

Fra Manuel Pinto de Fonseca twieled fl-1681 u miet fit-23 ta’ Jannar 1773. Kien Kavalier tal-lingwa tal-Portugall fl-Ordni ta’ Malta u sar it-68 Gran Mastru tal-ordni mill-1741 sa mewtu. Kien nobbli Portugiż, bin Miguel Álvaro Pinto da Fonseca, u martu, Ana Pinto Teixeira.

Fl-1762, dan il-Gran Mastru, qabel il-festa tal-10 ta’ Frar, kien talab lill-kapitlu biex jagħmlulu tron fuq il- presbiterju fin-naħa tal-Vanġelju li kellu jibqa’ hemm għal dejjem. Il-Kapitlu wieġbu li minħabba li l-presbiterju kien żgħir dan ma setax isir. Iżda kif inqraw f’dokumenti ikkonservati fl-arkivju kapitulari “għall-imħabba li kellu lejn din il-knisja Kolleġġjata tiegħu, huwa ordna li minn flusu jitwessa’ kemm meħtieġ il-presbiterju.”

Biex aktar ikabbar id-dinjità tal-knisja, l-istess Gran Mastru ried li l-Ġurati jkollhom fil-knisja sedja fissa, li fil-jiem tas-solennitajiet kellha tkun mgħottija minn stratt ta’

damask aħmar. Il-Gran Mastru Pinto kellu devozzjoni speċjali lejn il-festa tan-Nawfraġju u ħalla legat ta’ flus li ssir kull sena. Huwa ħalla wkoll quddiesa li kellha titqaddes fis-sena għall-intenzjoni tiegħu.

Wieħed ma jistax ma jfakkarx li kien dan il-Gran Mastru li rregala lill-knisja il-ġirandra monumentali li tintrama fil-festi ta’ Corpus u tal-Qalb ta’ Ġesù u f’Ħamis ix-Xirka fl-Artal tar-Ripozizzjoni, xogħol l-aktar prezzjuż maħdum fil-fidda, li żgur hija waħda mill-akbar teżori li għandha l-knisja.

X’Mazza Dik!

Il-Mazza Kapitulari tal-fidda, hija simbolu tal-awtorità tal-Kolleġġjata. Din tinġarr fil-purċissjonijiet jew titqiegħed fuq il-presbiterju tal-Knisja kolleġġjata. Il-Privileġġ tal-użu tal-Mazza kien ingħata lill-Kapitlu tal-Kolleġgjata ta’ San Pawl tal-Belt mill-Papa Piju VII fis-6 t’ April 1818. Hija xogħol tal-arġentier Ruman, Filippo Pacetti, xogħol fin fi stil neoklassiku li ħadimha fi tnax-il xahar u kkunsinjaha lill-Kapitlu fl-1820.

Il-Parti ta’ fuq tal-mazza hija mżejna b’erba’ xeni mill-ħajja ta’ San Pawl li huma: (1) San Pawl jipriedka lill-Maltin; (2) il-miraklu tal-lifgħa; (3) San Pawl ifejjaq lill-missier Publju; (4) San Pawl ifejjaq lill-morda tal-gżira. Fiha wkoll erba’ figuri femminili jirrapreżentaw il-virtuijiet, waqt li fil-parti ta’ fuqnett tiddomina statwa fina ta’ San Pawl b’idu mgħollija ’l fuq.

Il-mazza ġġib fuqha l-inizjali FP u l-marki ta’ fidda Rumana magħrufa bħala Argento dell’ Ombrellone u t-teknika hija a Martello b’partijiet a cera persa.