L-10 ta’ Frar festa dejjem

“Dis-sena San Pawl mhux ħa ssir!” Din kienet frażi li smajtha minn diversi nies, u kull darba kienet għafsa ta’ qalb ikbar minn ta’ qabilha. Imma xi żball kellhom!

Għal darb’oħra l-10 ta’ Frar, il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta, kienet festa unika, li wriet l-imħabba li l-Pawlini għandna lejn l-Appostlu Missierna. Il-qalb tal-parroċċa reġgħet libset libsa ta’ armar mill-isbaħ. Mill-ġdid id-drapp aħmar, bl-isfar sfumat tal-pavaljuni, libsu mill-ġdid libsa eleganti lil Triq Santa Luċija u Strada San Paolo. Nistgħu ngħidu wkoll li dis-sena, Strada San Paolo daħlet ukoll f’darna permezz ta’ programm mill-aktar professjonali, li qanqal diversi memorji sbieħ fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook.

Mill-ġdid inħarġet publikazzjoni ta’ livell għoli, mimlija informazzjoni u tagħrif, li ta’ kull sena sirna inkunu qed nistennew. Xgħelna l-Port il-Kbir, bl-ilwieni u ħsejjes uniċi tal- piroteknika Maltija. Għexna serata mużiko letterarja oħra fejn spikka t-talent Pawlin, li jogħxa fit-tifħir lejn il-patrun. Din kienet wkoll festa fejn iż-żgħażagħ onoraw voluntier ħabrieki, li ma jieqafx jaħdem biex isebbaħ it-tempju tant għażiż tagħna. Dan l-istess tempju li grazzi għall-voluntiera, dis-sena erġajna rajna, knisja armata fil-glorja kollha tagħha, wara tindif estensiv tal-fided li jarrikkixxu lill-knisja tagħna. Dis-sena stajna napprezzaw mill-ġdid il-mużika ta’ Mro Paolo Nani b’eżekuzzjoni mill-aqwa, denja għal din il-festa tant għażiża tagħna.

Din kienet festa ta’ tama għal għada aħjar mil-lum, fejn konna ta’ dawl f’dawn l-inċertezzi li ninsabu fihom, fejn qawwejna qalb kull parruċċan waqt dan iż-żmien tant diffiċli.

Iżda mhux biss! Kif wriena tajjeb l-E.T Mons. Arcisqof Charles J. Scicluna, waqt li kien qed jinseġ b’reqqa l-paniġierku ta’ jum il-Festa, San Pawl għandu jkun ukoll it-tama tal-fejqan tagħna. Fejqan mhux biss spiritwali, imma għanda nduru lejh sabiex jinterċedi għalina bħala Missier u jħarisna minn din il-pandemija.

“Dis-sena San Pawl mhux ħa ssir!” Din kienet frazi li smajtha minn diversi nies, u kull darba kienet għafsa ta’ qalb. Imma r-risposta kienet dejjem soda u l-istess: “l-10 ta’ Frar festa dejjem”.

 

Kitba: Daniel Mangion

Il-Festa skont Glen Attard, President tal-Fergħa Żgħażagħ Pawlini

Kienet għadha kif għaddiet il-festa tal-2012 meta avviċinani s-Sur Etienne Montfort u ħajjarni nissieħeb fl-Għaqda tal-Pawlini. Kont aċċettajt minnufih. Il-festa minn dejjem kont inħobbha. L-għaxqa tiegħi ngawdi l-qofol tal-marċ tas-siegħa fost xita ta’ karti fin-niżla tal-mażżri u nitfa l-karti mill-gallarija tan-nanna waqt il-purċissjoni f’nhar il-festa meta kont iżgħar.

Matul is-snin involvejt ruħi b’mod aktar dirett fil-festa permezz tal-Fergħa Żgħażagħ Pawlini, l-ewwel bħala membru fil-kumitat u wara bħala President tal-istess Fergħa. Fejn qabel l-festa għalija kienet biss okkażżjoni ta’ tlett ijiem, issa saret proċess kontinwu matul is-sena kollha. Daqqa attività biex nigbru l-fondi, daqqa laqgħa tal-Kumitat, daqqa ħaga u daqqa oħra. Illum il-ġurnata, il-festa hija waħda mill-passatempi prinċipali tiegħi. Nifrekwenta l-maħżen tal-armar b’mod regolari matul is-sena u anke rnexxieli nagħmel ħbieb ġodda. Ħbieb li, għalkemm kollha b’karattru differenti, kollha jaħdmu għal-istess għan, dak li jaraw li festa għażiża tagħna tirnexxi u tkompli tikber.

Dan kollu isir b’mod volontarju iżda b’impenn u responsabbiltà li jiżdied aktar ma joqrob jum il-festa. Kieku ma kienx għall-kontibut li jagħtu u l-ħin li jiddedikaw ċertu membri, fosthom dawk żgħażagħ, matul is-sena biex isiru l-attivitajiet meħtieġa, żgur li ma nkunux nistgħu niċċelebraw festa kif jixraq lill-Appostlu Missierna San Pawl.

Il-festa t-tajba.

Glen waqt diskors nhar it-22 ta’ Jannar 2018 waqt riċeviment mogħti mill-Għaqda tal-Pawlini fid-Domus Pauli u preżentazzjoni tal-Premju San Pawl għas-sena 2017-18 mill-Fergħa Żgħażagħ Pawlini.

Glen Attard f’nhar il-festa!

Glen Attard waqt waħda mill-Carwash organizzata mill-Fergħa Żgħażagħ Pawlini

Sawlu ta’ Tarsu taċ-Ċiliċja

San Pawl… Sawlu ta’ Tarsu taċ-Ċiliċja; il-Lhudi mnissel mit-tribù ta’ Benjamin u b’ċittadinanza Rumana. Trabba f’kultura mibnija fuq liġijiet Lhud u minkejja li kien jitħadded bil-Lhudi u l-Aramajk, tħarreġ ukoll fil-kultura Griega li fetħitlu l-orizzonti kollha mal-Imperu Ruman. Ġie mħarreġ fil-qari u l-interpretazzjoni tal-Iskrittura mir-rabbi Gamaljel u saħansitra tgħallem is-sengħa tal-bini tat-tined. Iżda minn Fariżew li jippersegwita lill-Insara, ġie msejjaħ mill-Mulej fi triqtu lejn Damasku sabiex jikkonverti.

Wara l-magħmudija minn Ananija, beda jaħdem għal skop wieħed, dak li juri lill-ġnus kollha li Kristu kien il-Messija. Bil-predikazzjoni u l-vjaġġi tiegħu mal-Mediterran, biddel id-destin ta’ Imperu billi xettel il-fidi ta’ Kristu fost il-ġentili. Irnexxielu jgħeleb il-barrikati ta’ kulturi diversi sabiex lil dawk li kkonverta għaqqadhom fi ħdan Knisja waħda. Minn Tarsu erħielha lejn Antijokja fis-Sirja fejn għal tliet darbiet telaq għal vjaġġi twal li matulhom żar bliet diversi, qajjem saħansitra rewwixti bit-tagħlim tiegħu u għadda minn perikli liema bħalhom. Swat, tħaġġir, nawfraġji, ġuħ u għajja… xejn ma qatgħalu qalbu. Kiteb bosta ittri lil dawk li kien ikkonverta sabiex bihom isaħħaħ it-tagħlim li jkun xettel qabel. Spiċċa arrestat f’Ġerusalemm u wara sentejn ħabs f’Ċesarija, ġie mibgħut lejn Ruma sabiex jiġi ġustizzjat.

Mirkeb ħadu Sidon u Mira fejn imbagħad, iċ-ċenturjun Ġulju li għandu kien fdat, għabba liċ-ċorma fuq mirkeb Lixandrin, li minn taħt Kreta, kellu jaqsam il-Mediterran. Iżda l-maltempata li tellfet ir-rotta lill-mirkeb, wasslet biex dan jinkalja fuq xtutna u minn dak inhar Malta u Pawlu twaħħdu f’destin uniku.

Minn Silvio Cutajar B.Ed (Hons) (Membru, Bord Editorjali 2015/16)

Imsejħin nixbhu lil Pawlu

FrKarmDebattistaSan Pawl kien il-bniedem li għaraf lil Kristu f’ħajtu, biddillu ħajtu u, sakemm miet, kellu biss skop wieħed: li jxandru ma’ kulħadd.

Sawlu kien bniedem ċert dwar min hu Alla, x’ried Alla fil-liġi tiegħu u ma kien lest li jħalli ’l ħadd ikasbar it-tradizzjonijiet ta’ missirijietu. Allura, meta fit-triq ta’ Damasku sema’ l-vuċi ta’ Ġesù, kollox iddallam. Tfixkel. Dak kollu li kien ċert waqa’ kollu. U l-Fariżew, li kien jobdi l-liġi t’Alla sal-aħħar dettal, beda “jgħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli jagħraf lil Kristu” (Fil. 3:8). Din kienet mixja twila li kienet tfisser mewta nterna tal-bniedem il-qadim, il-bniedem tal-liġi, biex jiskopri l-bniedem il-ġdid “moħbi ma’ Kristu f’Alla” (Kol. 3:3).

Minn dak il-ħin Pawlu kien ixandar lil Kristu u l-ħajja ġdida li tah. Kien jagħmel dan f’kull okkażjoni li jkollu – fi żmienu u barra minn żmienu (2Tim. 4:2). Kristu sar kollox għalih. Kien ir-raġuni għalxiex jgħix u r-raġuni għalxiex imut. Xejn ma kien ser iwaqqfu. Għal Pawlu, Kristu ġab realtà ġdida ta’ għixien u Pawlu ried li jaqsamha ma’ kulħadd. Dak li fehem, b’ħafna diffikultà, issa beda jgħixu, allura seta’ jgħid lil kulħadd: Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu (1Kor. 11:1).

U għax aħna nsejħu lil Pawlu “missierna”, allura, aħna msejħa nixbħuh f’kollox.

Minn Fr.Karm Debattista MSSP (Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl)