Kultant il-ħajja għandha mod kif fl-għawġ taħbi t-tajjeb. Minn episodju qares li diffiċli tara s-sabiħ fih, kultant joħroġ frott li lanqas tkun tista’ tkejlu. Hekk jinnota Mario Cassar President tal-Għaqda tal-Pawlini waqt li jirrakkonta kif jiftakar it-twelid tal-Għaqda f’ċirkostanzi tassew speċjali.
“Fl-1970 il-festa ma kinetx saret, minħabba l-maltemp. Xi ħaġa li żgur ma kinetx l-ewwel darba, u lanqas ma kienet ser tkun tal-aħħar. Hekk kellu jkun il-verdett kiefer tal-festa tax-xitwa, li l-Pawlini huma mdorrijin għalih” jgħid Mario Cassar. Tiġri kemm-il darba tiġri, madanakollu, qatt ma tkun faċli li taċċetta li s-sena ħidma tisfa fix-xejn, u li ma tarax lill-Magnus idur mat-toroq tal-Kapitali. U dik is-sena kien inqalgħet kommozzjoni sħiħa fis-sagristija, hekk kif kien ġie deċiż li l-kapulavur tal-Gafà kien ser jibqa’ taħt in-nava.
“Dak inhar kont abbati, iżda x-xena niftakarha qisha lbieraħ. Fis-sagristija, in-naħa tal-Bieb il-Falz, kienu nġabru numru ta’ rġiel, kollha ddispjaċuti li tħassret il-Festa. Minn ta’ quddiem kien Pawlu Asciak u l-Arċipriet tal-ġurnata il-Kan. Galea” jiftakar Mario. Kien f’dawk il-mumenti li l-Pawlini ddeċidew li jeħtieġ li jwaqqfu Għaqda li tieħu f’idha l-organizzazzjoni tal-Festa, u tieħu r-responsabbilità tad-deċiżjonijiet ibsin. Pawlu Asciak sar l-ewwel President tal-Għaqda, ħadd ma ħares lura iżjed minn hemm.
Mario Cassar jinnota li l-festa telqet tiġri b’pass mgħaġġel. Fl-1975 flimkien ma’ numru ta’ delettanti, huwa waqqaf il-Kummissjoni tal-Armar li ngħatalha l-inkarigu li tindokra l-armar antik eżistenti tal-festa, filwaqt li tagħmel armar ġdid. Minn dakinhar ’l hawn tista’ tgħid li saret rivoluzzjoni fl-armar tal-festa hekk kif l-Għaqda daħlet għal proġetti ambizzjużi kbar, bħalma huma settijiet ta’ pavaljuni, bandalori, pedestalli, il-palk ta’ triq Santa Luċija u l-monument lil San Pawl fil-Konverżjoni li jintrama quddiem il-Qorti u ħafna u ħafna iżjed xogħol.
“Fl-24 ta’ Mejju 1979 flimkien ma’ Hector Bruno, waqqafna l-Fergħa żgħażagħ li bħala fergħa statutorja hija waħda mill-ewwel f’Malta” ikompli Cassar. Din il-Fergħa immedjatament bdiet taħdem b’riżq il-Festa, iżda wkoll biex ixxerred id-devozzjoni u l-kult Pawlin fost iż-żgħażagħ permezz ta’ attivitajiet u rappreżentazzjonijiet tat-teatru b’temi Pawlini.
Illum bħala President tal-Għaqda Mario Cassar jinnota b’sodisfazzjon li l-Fergħa Żgħażagħ tal-Għaqda hija waħda attiva u qed twettaq xogħol imprezzabbli. “Kull sena l-Fergħa qed jirnexxiela tiġbed lejha uċuħ ġodda, u enerġija ġdida li tant hija bżonjuża għall-Għaqda”
L-istess nistgħu ngħidu għall-kumplament tal-Għaqda. “Il-ħidma fl-aħħar sena ma waqfitx minuta, u baqgħet għaddejja bla nifs. L-Għaqda daħlet għal proġetti ambizzjużi, li trid twassal sal-festa b’suċċess. Dan kollu fi żmien meta iktar ma jmur kulħadd huwa mpenjat, bix-xogħol, u elf ħaġa oħra.”
Din il-ħidma timxi id f’id mal-organizzazzjoni ta’ numru sabiħ ta’ attivitajiet. Mid-Dinner Dance tal-festa, sal-BBQ Notte di San Lorenzo, il-Classic Cars show, u oħrajn, dawn l-attivitajiet kollha għandhom l-għan li jlaqqgħu l-Pawlini flimkien, filwaqt li jipprovdu dak l-introjtu tant neċessarju biex norganizzaw festa kbira għal ġieħ l-Appostlu Missierna.
Dan kollu xogħol li jiġbor fih il-Fergħat, il-Kummissjonijiet, u l-bordijiet kollha tal-Għaqda li jirnexxielhom jiġbdu ħabel wieħed b’suċċess.
“Ninsab tassew kburi bix-xogħol ta’ kulħadd” jiddikjara Mario Cassar. “Aħna mberkin li għandna grupp sabiħ ta’ voluntiera li jagħtu kelmithom li ser jgħinu fil-festa u dan jagħmluh bl-aqwa mod possibbli. Fl-aħħar sena għamilna xogħol kbir, u l-apprezzament tal-parruċċani jimliena b’sodisfazzjon, u enerġija li nkomplu naħdmu fil-futur”.
“Il-Festa hija xi ħaġa li tkun fik” jgħid Mario Cassar. “Jekk tkun delettant, iddedikat, tagħti saħħtek għall-festa, u dan tagħmlu bil-qalb, mingħajr ma tistenna xejn lura. Kif għamlu d-disa’ Presidenti l-oħra ta’ qabli, hekk ser nibqa’ nagħmel jien sakemm nibqa’ f’din il-kariga li fiha ġejt fdat. J’Alla nibqgħu nwettqu ħidma f’dan is-sens f’ġieħ l-Appostlu Missierna”.
“Fl-aħħar nixtieq nistieden lill-parruċċani u lill-Pawlini kollha biex jattendu bi ħġarhom għall-festa, u jagħtu l-appoġġ tagħhom fl-attivitajiet u l-festi li ser jiġu organizzati” appella l-President. “Nirringrazzja lil kulħadd għal sena ħidma mill-aqwa – J’Alla ngawdu festa ta’ ġieħ u kif tixraq” temm jgħid Mario Cassar.
Rappurtaġġ ta’ Edward Bonello