Stqarrija dwar il-Pellegrinaġġ ta’ nhar il-Ħadd 5 ta’ Settembru 2021

Stqarrija Konġunta tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta u l-Għaqda tal-Pawlini

Fid-dawl tad-direttivi fis-seħħ, hekk kif stabbiliti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, il-kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta u l-Għaqda tal-Pawlini jixtiequ jgħarrfu li l-pellegrinaġġ bil-vara ta’ San Pawl li kellu jsir il-Ħadd 5 ta’ Settembru 2021 mhux ħa jsir.

Nappellaw biex filwaqt li nħarsu s-saħħa ta’ xulxin, nibqgħu inpoġġu s-saħħa tal-poplu tagħna taħt il-ħarsien tal-Appostlu Missierna San Pawl.

Kan. David Cilia – Arċipriet
Kan. David Torpiano – Kanċillier
Douglas Mifsud – President, Għaqda tal-Pawlini
Edward Bonello – Segretarju, Għaqda tal-Pawlini

Stqarrija dwar il-Festa ta’ San Pawl Nawfragu 2021

Stqarrija Konġunta tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta u l-Għaqda tal-Pawlini, dwar il-Festa ta’ San Pawl Nawfragu 2021

Wara li qisna ċ-ċirkustanzi kollha tas-sitwazzjoni preżenti, u wara li kkonsultajna mal-awtorità ekkleżjastika, nixtiequ ngħarrfu li ninsabu kostretti niċċelebraw il-festa tas-sena 2021 fi skala iżgħar mis-soltu.  Dan qegħdin nagħmluh biex insegwu b’responsabbiltà d-direttivi tal-ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa maħruġa mill-Kurja tal-Arċisqof b’rispons għall-pandemija Covid-19.

Għaldaqstant, il-Festa ta’ San Pawl se tkun iċċelebrata bi preparazzjoni spiritwali fil-knisja, u bil-Pontifikal li se jsir fl-10 ta’ Frar 2021 fid-9.30 a.m., ippresedut mill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna, bil-preżenza tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, u mxandar fuq it-televiżjoni.  Il-mużika din is-sena, se tkun taħt id-direzzjoni tal-Maestro di Cappella ġdid, Mro Hermann Farrugia Frantz.

L-Għaqda tal-Pawlini se tkun responsabbli biex tarma u żżejjen l-inħawi madwar il-knisja, u se torganizza attivitajiet fil-Barrakka ta’ Isfel fid-9 ta’ Frar, u Taħt il-Qanpiena nhar l-10 ta’ Frar filgħaxija, bil-miżuri kollha ta’ ħarsien tas-saħħa hekk kif mitluba mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.  Is-sehem tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette ser janima l-festa fil-qafas tal-programm ta’ din is-sena.

Il-pellegrinaġġ bil-vara maestuża ta’ San Pawl ser ikun differit għall-Ħadd 5 ta’ Settembru 2021.  Hi t-talba tagħna li sa dakinhar, bis-sehem responsabbli ta’ kulħadd u bil-ħidma tal-awtoritajiet, speċjalment tal-frontliners, din il-pandemija tkun warajna u nkunu nistgħu nroddu ħajr lil Alla tal-għajnuna li tana matulha u talli ħarisna mill-ħsara.  Missirijietna kienu għamlu pellegrinaġġ simili fl-1814 wara l-imxija tal-pesta.

Kan. David Cilia – Arċipriet
Kan. David Torpiano – Kanċillier
Mario Cassar – President, Għaqda tal-Pawlini
Douglas Mifsud – Segretarju, Għaqda tal-Pawlini

Pawlini ta’ Vera – Messaġġ mill-Arċipriet

ArċiprietFl-10 ta’ Frar aħna l-Maltin irridu nieqfu ftit mill-ħajja mgħaġġla tal-lum u ngħidu  “Grazzi” mill-qalb lil Alla li bagħtilna lil San Pawl fuq din il-gżira ċkejkna biex jagħmilna l-ulied adottivi tiegħu. Fit-tislima tal-bidu tal-quddiesa, is-saċerdot juża l-kliem ta’ San Pawl “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba t’Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu tkun magħkom ilkoll”.

Din is-sena, il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl kellha tiġi trasferita għas-Sibt 30 ta’ Jannar għall-fatt li din is-sena l-Festa tal-Għid il-Kbir, ser tiġi ċċelebrata kmieni. Il-Festa tal-Għid hija l-akbar festa li tiċċelebra l-Knisja Kattolika, u bħalma jiġri kull tant snin minħabba tibdil fil-kalendarju liturġiku l-Festa tan-Nawfraġju ikollha tiġi trasferita bil-prerogattivi kollha tagħha għal data oħra. Filfatt l-10 ta’ Frar 2016 – festa kmandata u pubblika – ser ikun Ras ir-Randan.

Ngħidu “grazzi” ukoll lil San Pawl li kien hu li nissilna fil-fidi. San Pawl iddedika ruħu u ġismu biex iwassal il-fidi fi Kristu, l-Iben t’Alla magħmul bniedem għalina biex isalvana mid-dnub u jagħmilna ħbieb m’Alla. Kif qal lill-komunitajiet oħra, San Pawl lilna l-Maltin jgħidilna “Jien il-missier tagħkom. Ġrejt u batejt biex intom issiru nsara”.

Biex lil San Pawl ngħidulu “grazzi” mill-qalb, bir-raġun inħossu li għandna niċċelebraw b’solennità kbira t-tifkira tan-nawfraġju tiegħu fuq ix-xtut tagħna. Mhux ta’ b’xejn li magħna l-Pawlini tal-Belt jingħaqdu ħutna l-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Biex il-festa tħalli ħafna ġid spiritwali aħna norganizzaw il-Priedki, it-Tridu, biex nitgħallmu minn dak li għamel, ippriedka u kiteb San Pawl. Allura kull wieħed u waħda minna irid iqabbel dak li qal San Pawl ma’ dak li qed ngħixu aħna. Nistaqsu lilna nfusna kemm qegħdin naħfru lil xulxin, kemm qegħdin ngħożżu l-familja – raġel wieħed ma’ mara waħda mingħajr divorzju jew partners, kemm qegħdin ngħallmu t-tfal iħobbu lil Kristu u lill-Knisja bl-eżempji tajbin li nagħtuhom minn jum għal ieħor.

Waqt il-maltempata San Pawl iċċelebra l-Ewkaristija għax kien persważ li s-salvazzjoni tiġi biss minn Alla. Il-baħar kien periklu kbir, però Alla qallu “persuna waħda ma tintilifx”. Fuq l-art kien hemm il-lifgħa velenuża li heddet il-ħajja ta’ San Pawl. Kien Alla li ħeles lill-ekwipaġġ mill-għarqa żgura u lil San Pawl mill-velenu tal-lifgħa.

Aħna kemm qegħdin infittxu ’l Alla billi nitolbu ftit kuljum u nirċievu l-Ewkaristija spiss? J’Alla din il-festa sservina biex insiru nixbħu iżjed lil San Pawl u nkunu verament Pawlini. San Pawl stess jgħidilna“Imitaw lili kif jiena nimita lil Kristu” Imitatores mei estote, sicut et ego Christi.
Bħala l-Arċipriet il-ġdid, nixtieq nirringrazzja lil sħabi l-kanonċi u lil dawk kollha li jħabirku, spiritwalment u materjalment fil-knisja u l-parroċċa. Għandna bżonn ħafna Pawlini “impenjati” li jgħinu lil oħrajn biex isiru tajbin u qaddisin. Grazzi lill-benefatturi u lil Pawlini, kbar u żgħażagħ, li b’dedikazzjoni u b’entużjażmu jħabirku għat-tiżjin, u fl-organizzazzjoni tal-festa.

Minn Dun Vinċenz Borg