It-Tielet Tridu mir-Rev. P. Victor Paul Farrugia O.Carm.
Sawlu ta’ Tarsu taċ-Ċiliċja
San Pawl… Sawlu ta’ Tarsu taċ-Ċiliċja; il-Lhudi mnissel mit-tribù ta’ Benjamin u b’ċittadinanza Rumana. Trabba f’kultura mibnija fuq liġijiet Lhud u minkejja li kien jitħadded bil-Lhudi u l-Aramajk, tħarreġ ukoll fil-kultura Griega li fetħitlu l-orizzonti kollha mal-Imperu Ruman. Ġie mħarreġ fil-qari u l-interpretazzjoni tal-Iskrittura mir-rabbi Gamaljel u saħansitra tgħallem is-sengħa tal-bini tat-tined. Iżda minn Fariżew li jippersegwita lill-Insara, ġie msejjaħ mill-Mulej fi triqtu lejn Damasku sabiex jikkonverti.
Wara l-magħmudija minn Ananija, beda jaħdem għal skop wieħed, dak li juri lill-ġnus kollha li Kristu kien il-Messija. Bil-predikazzjoni u l-vjaġġi tiegħu mal-Mediterran, biddel id-destin ta’ Imperu billi xettel il-fidi ta’ Kristu fost il-ġentili. Irnexxielu jgħeleb il-barrikati ta’ kulturi diversi sabiex lil dawk li kkonverta għaqqadhom fi ħdan Knisja waħda. Minn Tarsu erħielha lejn Antijokja fis-Sirja fejn għal tliet darbiet telaq għal vjaġġi twal li matulhom żar bliet diversi, qajjem saħansitra rewwixti bit-tagħlim tiegħu u għadda minn perikli liema bħalhom. Swat, tħaġġir, nawfraġji, ġuħ u għajja… xejn ma qatgħalu qalbu. Kiteb bosta ittri lil dawk li kien ikkonverta sabiex bihom isaħħaħ it-tagħlim li jkun xettel qabel. Spiċċa arrestat f’Ġerusalemm u wara sentejn ħabs f’Ċesarija, ġie mibgħut lejn Ruma sabiex jiġi ġustizzjat.
Mirkeb ħadu Sidon u Mira fejn imbagħad, iċ-ċenturjun Ġulju li għandu kien fdat, għabba liċ-ċorma fuq mirkeb Lixandrin, li minn taħt Kreta, kellu jaqsam il-Mediterran. Iżda l-maltempata li tellfet ir-rotta lill-mirkeb, wasslet biex dan jinkalja fuq xtutna u minn dak inhar Malta u Pawlu twaħħdu f’destin uniku.
Minn Silvio Cutajar B.Ed (Hons) (Membru, Bord Editorjali 2015/16)
Derha ġdida għall-Għaqda tal-Pawlini
Wieħed mill-proġetti ambizzjużi li daħlet għalih l-Għaqda tal-Pawlini fis-sena 2015/16 kien bla dubju dak li permezz tiegħu l-istess Għaqda qed tibda tilbes libsa ġdida fuq livell ta’ komunikazzjoni. Dan kollu sar fuq inizzjattiva tal-Kummissjoni għall-Komunikazzjoni.
L-ewwel xewqa kienet dik li nerġgħu nibnu d-disinn oriġinali tal-emblema uffiċjali tal-Għaqda, xogħol tal-1971 mill-artist George Fenech. Dan għaliex tul is-snin, ir-riferenza lejn id-disinn oriġinali kien intilef kif ukoll sabiex l-emblema tkun tista’ tiġi riprodotta f’kuntesti varji tal-komunikazzjoni moderna.
Fil-bidu ta’ dan il-proċess, saret konsultazzjoni mal-artist Belti s-Sur Alfred Camilleri li bl-esperjenza tiegħu għaraf l-importanza ta’ dan il-proċess. Filwaqt li apprezza t-tradizzjoni twila li ġġorr magħha din l-emblema, huwa ssuġġerixxa wkoll disinn ġdid li jgħati iktar prominenza lill-Kelma. Kien proċess ta’ għarfien fejn l-elementi li jikkomponu din l-emblema ġew diskussi u meqjusa b’għajnejn ġodda u kritika nfurmata.
It-tieni fażi tal-proċess kien dak li fih l-artist, diżinjatur u illustratur mill-Kalkara, is-Sur Julian Mallia, ġie kkummisjonat sabiex bi programmi diġitali moderni, jfassal mill-ġdid id-disinn ta’ George Fenech. Kien proċess twil fejn anki d-diskursati ma’ Alfred Camilleri, offrew sfond għal konsiderazzjonijiet varji u dettaljati. Distinzjoni ċara huwa l-mod iktar b’saħħtu kif kliem San Pawl ġie mogħti l-prominenza xierqa meta kkumparat mal-preżenza tal-lifgħa. Ix-xabla ġiet ukoll aġġornata għall-istil Ruman kif dettat minn Melchiorre Gafà fl-istatwa tal-Kolleġġjata. Filwaqt li d-disinn oriġinali ġie rrispettat, Mallia rnexxielu jirfina d-disinn għall-kuntest kontemporanju fejn ir-riproduzzjoni grafika titlob ċertu attenzjoni.
It-tieni xewqa mwettqa din is-sena kienet kemmxejn aktar ambizzjuża. Id-disinn u inawgurazzjoni ta’ sit elettroniku ġdid. Ġie kkummisjonat id-diżinjatur tas-siti s-Sur Gabriel Bajada. Bl-għajnuna tal-kummissjoni, s-Sur Bajada rnexxielu jibni sit ġdid li ser ikun faċilment użat minn kul min ikollu r-responsabbiltà tiegħu tul is-snin futuri. Is-sit www.sanpawl.com huwa wieħed li jadatta ruħu awtomatikament għal screens tal-komputers, tablets kif ukoll mobiles. Is-sit joffri faċilitajiet varji fosthom insemmu l-aġġornamenti u l-aċċess għall-midja soċjali tal-Għaqda.
Flimkien ma’ Bajada, ħassejna bżonn li ntejbu jew nwaffqu servizzi ta’ midja soċjali sabiex nilħqu dejjem aktar Pawlini. Ġie mtejjeb il-profil tagħna fuq YouTube u Facebook filwaqt li ġew inawgurati profili ġodda fuq SoundCloud u Instagram. Il-konkorrenza għal dawn il-paġni, qegħda, kull ma jmur, tiżdied.
Ħsibna wkoll li ninawguraw l-użu ta’ hashtags sabiex niffaċilitaw il-ġbir ta’ ritratti relatati mal-festa li jkunu qegħdin jittellgħu mill-Pawlini kif ukoll mill-udjenza ġenerali. Il-hashtags #sanpawl2016, #festasanpawl u #pawlini2016 kienu suċċess immedjat u diġà nistgħu naraw kollezzjoni ġmielha ta’ ritratti minn sorsi varji!
Grazzi kbira tmur lis-Sur Paul Lapira li mill-ewwel għoġbu joffri sostenn finanzjarju għal dan il-proġett.
Bħal f’kuntesti oħra, l-Għaqda tal-Pawlini rnexxielha tkun minn ta’ quddiem sabiex tibda taġġorna ruħha mal-midja moderna sabiex il-komunikazzjoni b’risq il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, il-komunità Pawlina u l-kult Pawlin, tkompli tissaħħaħ.
It-Tieni Tridu mir-Rev. P. Victor Paul Farrugia O.Carm.
L-Ewwel Tridu mir-Rev. P. Victor Paul Farrugia O.Carm.
Un augurio da Palazzolo
Durante questi anni il comitato dei festeggiamenti di Palazzolo si è fatto promotore di incontri ecumenici e gemellaggi di indubbio valore culturale e religioso. Basti pensare agli incontri con le comunità ortodosse, i gemellaggi con le comunità paoline di Malta e Grecia e gli scambi culturali con Cocullo e Fratta Polesine.
Con i Paolini di Malta in particolar modo abbiamo avuto modo di conoscerci di presenza e di partecipare alle rispettive feste con gioia e devozione. Recentemente i Maltesi hanno collaborato ai festeggiamenti a Palazzolo tramite la Società Filarmonica Nazionale “La Valette”, il comitato dei Paolini e giovani Paolini a Valletta, il Dr. Angelo Farrugia – Presidente del Parlamento maltese, il Prof. Alexiei Dingli – sindaco di Valletta e il Dr. Ray Bondin – esperto Unesco per il Patrimonio mondiale. Nel 2006 arriva a Palazzolo il gruppo storico “In guardia”, mentre nel 2003 è il corpo bandistico “Conte Ruggiero” di Rabat – Malta e il Gruppo Ricostruzioni Storiche Maltesi del Malta Tourism Autority a partecipare ai nostri festeggiamenti.
Ma il momento più toccante per i devoti palazzolesi e maltesi è stato sicuramente quando, nel 1990, in occasione del terzo Centenario della Confermazione di San Paolo a Patrono Principale di Palazzolo Acreide, il Sacro Braccio di S.Paolo custodito nella Chiesa di San Paolo a Valletta-Malta, viene ospitato e venerato dalla comunità palazzolese. Un evento che rimarrà nella storia e che da quel momento ha rafforzato ancora di più i rapporti tra i devoti palazzolesi e quelli di Malta. In questi anni il comitato palazzolese ha partecipato con gioia e profonda devozione ai festeggiamenti maltesi, affinchè questo legame, all’insegna della fede e della devozione per l’ Apostolo delle genti, diventi ogni giorno più grande.
Un augurio di buona festa da tutti i palazzolesi ai maltesi Paolini.
Maurizio Aiello – Comitato Festa Palazzolo Acreide
Mill-maħżen
Pawlini ta’ Vera – Messaġġ mill-Arċipriet
Fl-10 ta’ Frar aħna l-Maltin irridu nieqfu ftit mill-ħajja mgħaġġla tal-lum u ngħidu “Grazzi” mill-qalb lil Alla li bagħtilna lil San Pawl fuq din il-gżira ċkejkna biex jagħmilna l-ulied adottivi tiegħu. Fit-tislima tal-bidu tal-quddiesa, is-saċerdot juża l-kliem ta’ San Pawl “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba t’Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu tkun magħkom ilkoll”.
Din is-sena, il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl kellha tiġi trasferita għas-Sibt 30 ta’ Jannar għall-fatt li din is-sena l-Festa tal-Għid il-Kbir, ser tiġi ċċelebrata kmieni. Il-Festa tal-Għid hija l-akbar festa li tiċċelebra l-Knisja Kattolika, u bħalma jiġri kull tant snin minħabba tibdil fil-kalendarju liturġiku l-Festa tan-Nawfraġju ikollha tiġi trasferita bil-prerogattivi kollha tagħha għal data oħra. Filfatt l-10 ta’ Frar 2016 – festa kmandata u pubblika – ser ikun Ras ir-Randan.
Ngħidu “grazzi” ukoll lil San Pawl li kien hu li nissilna fil-fidi. San Pawl iddedika ruħu u ġismu biex iwassal il-fidi fi Kristu, l-Iben t’Alla magħmul bniedem għalina biex isalvana mid-dnub u jagħmilna ħbieb m’Alla. Kif qal lill-komunitajiet oħra, San Pawl lilna l-Maltin jgħidilna “Jien il-missier tagħkom. Ġrejt u batejt biex intom issiru nsara”.
Biex lil San Pawl ngħidulu “grazzi” mill-qalb, bir-raġun inħossu li għandna niċċelebraw b’solennità kbira t-tifkira tan-nawfraġju tiegħu fuq ix-xtut tagħna. Mhux ta’ b’xejn li magħna l-Pawlini tal-Belt jingħaqdu ħutna l-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Biex il-festa tħalli ħafna ġid spiritwali aħna norganizzaw il-Priedki, it-Tridu, biex nitgħallmu minn dak li għamel, ippriedka u kiteb San Pawl. Allura kull wieħed u waħda minna irid iqabbel dak li qal San Pawl ma’ dak li qed ngħixu aħna. Nistaqsu lilna nfusna kemm qegħdin naħfru lil xulxin, kemm qegħdin ngħożżu l-familja – raġel wieħed ma’ mara waħda mingħajr divorzju jew partners, kemm qegħdin ngħallmu t-tfal iħobbu lil Kristu u lill-Knisja bl-eżempji tajbin li nagħtuhom minn jum għal ieħor.
Waqt il-maltempata San Pawl iċċelebra l-Ewkaristija għax kien persważ li s-salvazzjoni tiġi biss minn Alla. Il-baħar kien periklu kbir, però Alla qallu “persuna waħda ma tintilifx”. Fuq l-art kien hemm il-lifgħa velenuża li heddet il-ħajja ta’ San Pawl. Kien Alla li ħeles lill-ekwipaġġ mill-għarqa żgura u lil San Pawl mill-velenu tal-lifgħa.
Aħna kemm qegħdin infittxu ’l Alla billi nitolbu ftit kuljum u nirċievu l-Ewkaristija spiss? J’Alla din il-festa sservina biex insiru nixbħu iżjed lil San Pawl u nkunu verament Pawlini. San Pawl stess jgħidilna“Imitaw lili kif jiena nimita lil Kristu” Imitatores mei estote, sicut et ego Christi.
Bħala l-Arċipriet il-ġdid, nixtieq nirringrazzja lil sħabi l-kanonċi u lil dawk kollha li jħabirku, spiritwalment u materjalment fil-knisja u l-parroċċa. Għandna bżonn ħafna Pawlini “impenjati” li jgħinu lil oħrajn biex isiru tajbin u qaddisin. Grazzi lill-benefatturi u lil Pawlini, kbar u żgħażagħ, li b’dedikazzjoni u b’entużjażmu jħabirku għat-tiżjin, u fl-organizzazzjoni tal-festa.
Minn Dun Vinċenz Borg
Marcia San Paolo № 5
Għaqda ambizzjuża – Messaġġ mill-President
Kultant il-ħajja għandha mod kif fl-għawġ taħbi t-tajjeb. Minn episodju qares li diffiċli tara s-sabiħ fih, kultant joħroġ frott li lanqas tkun tista’ tkejlu. Hekk jinnota Mario Cassar President tal-Għaqda tal-Pawlini waqt li jirrakkonta kif jiftakar it-twelid tal-Għaqda f’ċirkostanzi tassew speċjali.
“Fl-1970 il-festa ma kinetx saret, minħabba l-maltemp. Xi ħaġa li żgur ma kinetx l-ewwel darba, u lanqas ma kienet ser tkun tal-aħħar. Hekk kellu jkun il-verdett kiefer tal-festa tax-xitwa, li l-Pawlini huma mdorrijin għalih” jgħid Mario Cassar. Tiġri kemm-il darba tiġri, madanakollu, qatt ma tkun faċli li taċċetta li s-sena ħidma tisfa fix-xejn, u li ma tarax lill-Magnus idur mat-toroq tal-Kapitali. U dik is-sena kien inqalgħet kommozzjoni sħiħa fis-sagristija, hekk kif kien ġie deċiż li l-kapulavur tal-Gafà kien ser jibqa’ taħt in-nava.
“Dak inhar kont abbati, iżda x-xena niftakarha qisha lbieraħ. Fis-sagristija, in-naħa tal-Bieb il-Falz, kienu nġabru numru ta’ rġiel, kollha ddispjaċuti li tħassret il-Festa. Minn ta’ quddiem kien Pawlu Asciak u l-Arċipriet tal-ġurnata il-Kan. Galea” jiftakar Mario. Kien f’dawk il-mumenti li l-Pawlini ddeċidew li jeħtieġ li jwaqqfu Għaqda li tieħu f’idha l-organizzazzjoni tal-Festa, u tieħu r-responsabbilità tad-deċiżjonijiet ibsin. Pawlu Asciak sar l-ewwel President tal-Għaqda, ħadd ma ħares lura iżjed minn hemm.
Mario Cassar jinnota li l-festa telqet tiġri b’pass mgħaġġel. Fl-1975 flimkien ma’ numru ta’ delettanti, huwa waqqaf il-Kummissjoni tal-Armar li ngħatalha l-inkarigu li tindokra l-armar antik eżistenti tal-festa, filwaqt li tagħmel armar ġdid. Minn dakinhar ’l hawn tista’ tgħid li saret rivoluzzjoni fl-armar tal-festa hekk kif l-Għaqda daħlet għal proġetti ambizzjużi kbar, bħalma huma settijiet ta’ pavaljuni, bandalori, pedestalli, il-palk ta’ triq Santa Luċija u l-monument lil San Pawl fil-Konverżjoni li jintrama quddiem il-Qorti u ħafna u ħafna iżjed xogħol.
“Fl-24 ta’ Mejju 1979 flimkien ma’ Hector Bruno, waqqafna l-Fergħa żgħażagħ li bħala fergħa statutorja hija waħda mill-ewwel f’Malta” ikompli Cassar. Din il-Fergħa immedjatament bdiet taħdem b’riżq il-Festa, iżda wkoll biex ixxerred id-devozzjoni u l-kult Pawlin fost iż-żgħażagħ permezz ta’ attivitajiet u rappreżentazzjonijiet tat-teatru b’temi Pawlini.
Illum bħala President tal-Għaqda Mario Cassar jinnota b’sodisfazzjon li l-Fergħa Żgħażagħ tal-Għaqda hija waħda attiva u qed twettaq xogħol imprezzabbli. “Kull sena l-Fergħa qed jirnexxiela tiġbed lejha uċuħ ġodda, u enerġija ġdida li tant hija bżonjuża għall-Għaqda”
L-istess nistgħu ngħidu għall-kumplament tal-Għaqda. “Il-ħidma fl-aħħar sena ma waqfitx minuta, u baqgħet għaddejja bla nifs. L-Għaqda daħlet għal proġetti ambizzjużi, li trid twassal sal-festa b’suċċess. Dan kollu fi żmien meta iktar ma jmur kulħadd huwa mpenjat, bix-xogħol, u elf ħaġa oħra.”
Din il-ħidma timxi id f’id mal-organizzazzjoni ta’ numru sabiħ ta’ attivitajiet. Mid-Dinner Dance tal-festa, sal-BBQ Notte di San Lorenzo, il-Classic Cars show, u oħrajn, dawn l-attivitajiet kollha għandhom l-għan li jlaqqgħu l-Pawlini flimkien, filwaqt li jipprovdu dak l-introjtu tant neċessarju biex norganizzaw festa kbira għal ġieħ l-Appostlu Missierna.
Dan kollu xogħol li jiġbor fih il-Fergħat, il-Kummissjonijiet, u l-bordijiet kollha tal-Għaqda li jirnexxielhom jiġbdu ħabel wieħed b’suċċess.
“Ninsab tassew kburi bix-xogħol ta’ kulħadd” jiddikjara Mario Cassar. “Aħna mberkin li għandna grupp sabiħ ta’ voluntiera li jagħtu kelmithom li ser jgħinu fil-festa u dan jagħmluh bl-aqwa mod possibbli. Fl-aħħar sena għamilna xogħol kbir, u l-apprezzament tal-parruċċani jimliena b’sodisfazzjon, u enerġija li nkomplu naħdmu fil-futur”.
“Il-Festa hija xi ħaġa li tkun fik” jgħid Mario Cassar. “Jekk tkun delettant, iddedikat, tagħti saħħtek għall-festa, u dan tagħmlu bil-qalb, mingħajr ma tistenna xejn lura. Kif għamlu d-disa’ Presidenti l-oħra ta’ qabli, hekk ser nibqa’ nagħmel jien sakemm nibqa’ f’din il-kariga li fiha ġejt fdat. J’Alla nibqgħu nwettqu ħidma f’dan is-sens f’ġieħ l-Appostlu Missierna”.
“Fl-aħħar nixtieq nistieden lill-parruċċani u lill-Pawlini kollha biex jattendu bi ħġarhom għall-festa, u jagħtu l-appoġġ tagħhom fl-attivitajiet u l-festi li ser jiġu organizzati” appella l-President. “Nirringrazzja lil kulħadd għal sena ħidma mill-aqwa – J’Alla ngawdu festa ta’ ġieħ u kif tixraq” temm jgħid Mario Cassar.
Rappurtaġġ ta’ Edward Bonello
Pablito (1999)
Grazzja – Fr Karm Debattista MSSP
Imsejħin nixbhu lil Pawlu
San Pawl kien il-bniedem li għaraf lil Kristu f’ħajtu, biddillu ħajtu u, sakemm miet, kellu biss skop wieħed: li jxandru ma’ kulħadd.
Sawlu kien bniedem ċert dwar min hu Alla, x’ried Alla fil-liġi tiegħu u ma kien lest li jħalli ’l ħadd ikasbar it-tradizzjonijiet ta’ missirijietu. Allura, meta fit-triq ta’ Damasku sema’ l-vuċi ta’ Ġesù, kollox iddallam. Tfixkel. Dak kollu li kien ċert waqa’ kollu. U l-Fariżew, li kien jobdi l-liġi t’Alla sal-aħħar dettal, beda “jgħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli jagħraf lil Kristu” (Fil. 3:8). Din kienet mixja twila li kienet tfisser mewta nterna tal-bniedem il-qadim, il-bniedem tal-liġi, biex jiskopri l-bniedem il-ġdid “moħbi ma’ Kristu f’Alla” (Kol. 3:3).
Minn dak il-ħin Pawlu kien ixandar lil Kristu u l-ħajja ġdida li tah. Kien jagħmel dan f’kull okkażjoni li jkollu – fi żmienu u barra minn żmienu (2Tim. 4:2). Kristu sar kollox għalih. Kien ir-raġuni għalxiex jgħix u r-raġuni għalxiex imut. Xejn ma kien ser iwaqqfu. Għal Pawlu, Kristu ġab realtà ġdida ta’ għixien u Pawlu ried li jaqsamha ma’ kulħadd. Dak li fehem, b’ħafna diffikultà, issa beda jgħixu, allura seta’ jgħid lil kulħadd: Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu (1Kor. 11:1).
U għax aħna nsejħu lil Pawlu “missierna”, allura, aħna msejħa nixbħuh f’kollox.
Minn Fr.Karm Debattista MSSP (Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl)
Marcia San Paolo
Pussess tal-Arċipriet Dun Vinċenz Borg
Effetto Sabato – Il-Festa fuq dokumentarju RAI
Antifona ‘Sancte Paule’
Programm tal-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl – Valletta 2015
Il-Festi Ċentinarji ta’ San Pawl fl-1960
Dan li jidher f’din il-paġna huwa l-programm tal-festi ta’ barra li kienu saru fl-1960, is-sena ċentinarja li fiha tfakkru mitt sena oħra mill-miġja ta’ San Pawl f’Malta fis-sittin sena W.K. L-aħħar festi ċentinarji allura kienu saru mitt sena qabel u cioe’ fl-1860, li skond tagħrif li jeżisti wkoll kienu festi kbar li fihom ipparteċipaw il-Maltin u l-Għawdxin kollha. Ta’ min isemmi li l-festi ċentinarji li jmiss għandhom isiru fis-sena 2060 – 61 sena oħra.
Mid-djarju ta’ George Waring
Dan jirrizulta minn ittra li Waring kien baghat lil habib tieghu li ggib id-data ta l-1 ta’ Marzu 1843 fejn jirrakontalu li fis-16 tax-xahar ta’ qabel kien prezenti ghal din il-festa. Huwa jghid li fuq quddiem tal-purcissjoni kienu jakkumpanjaw il-fratellanzi b’ghadd, gmielu ta’ fratelli lebsin il-konfratija, filwaqt li jispecifika l-ghaqdiet bhal ta’ l-iskrapan, tal-hajjata, tal-haxix, u ta’ l-argenterija fost l-ohrajn. Ghall-kuntrarju ta’ llum, dawn il-fratellanzi jakkumpanjaw biss l-istandard, l-anterni u s-salib.
Aktar ‘il quddiem huwa jsemmi wkoll l-akkumpanjament tar-Religjuzi, fosthom il-patrijiet Kapuccini, il-Frangiskani Minuri, il-Karmelitani, l-Agostinjani, u d-Dumnikani. Illum nistaw nghidu li s-sehem ta’ dawn l-Ordnijiet spicca wkoll ghajr ghal ftit religjuzi li tghoddhom fuq subghajk. L-awtur isemmi wkoll il-vara ta’ San Pawl fejn jiddeskrivi l-istatwa b’mod perfett. Ta’ interess partikolari li jsemmi dan l-awtur dwar l-istatwa huwa t-tizjin tal-fjuri. Fortunatament irnexxielna nsibu ritratt antic hafna fejn jidher sew dan il-bukkett tal-fjuri, u wkoll li r-reffiegha kienu jilbsu barnuza f’rashom li hija evidenti fir-ritratt li qed jidher.
Dwar ir-reffiegha ta’ l-istatwa, dan l-awtur isemmi li r-reffiegha kienu jlahhqu madwar ghoxrin u dan ghall-fatt li triq tal-purcissjoni kienet twila aktar minn dik ta’ llum. Huwa jkompli jzid li wara l-vaa kien hemm jakkumpanjaw il-kleru, l-abbatini, studenti, is-sehem tal-Kapitlu u fl-ahhar tal-purcissjoni l-Isqof ta’ Malta.
Jissemma ukoll hafna xemgha li kienet tingarr minn dawk kollha li akkumpanjaw fil-purcissjoni li skong George waring kienu jammontaw ghal madwar 300 ruh. Hawnhekk nistghu ninnotaw li l-vara ma kenitx timxi fl-ahhar tal-purcissjoni imma f’nofs il-purcissjoni. Dan ifisser li din kienet issir bhala pellegrinagg. Illum il-kleru flimkien mal-kanonci naqas ukoll kif spicca wkoll is-sehem ta’ l-isqof waqt il-purcissjoni.
Minn din id-deskrizzjoni jidher car kemm il-festa ta’ San Pawl inbidlet minn dik li nafuha llum b’mod partikolari l-purcissjoni. Min-naha l-ohra, ma jidhirx li kien hemm xi forma ta’ manifestazzjoni esterna ohra bhal loghob tan-nar, program tal-baned, u dak kollu li jsir llum.
Intant minn dak li rajna fejn tidhol il-festa interna nistghu nghidu li t-tibdil sar fid-dawl tar-riforma li Knisja taghmel minn zmien ghal zmien. Minkejja dan it-tibdil fil-format tal-purcissjoni, xorta nghid li l-purcissjoni kif issir illum hija wahda accetabbli, ghalkemm il-partecipazzjoni fil-purcissjoni hija ferm anqas minn dik li ddeskriva dan l-awtur. Iz-zmien jinbidel u hafna drabi ma tistax taghmel paraguni ma’ l-affarijiet ta’ l-imghoddi.
Lura ghall-istorja naraw li George Waring aktar ‘il quddiem jiddeskrivi li l-ghada tal-festa kienet gurnata ta’ maltemp kbir li qabbilha ma ‘euroclydon’, kelma Latina li tfisser zewg irjihat li flimkien issarraf fi grigal, propju l-gurnata karaterizzata ta’ meta San Pawl u shabu inkaljaw bil-gifen li kienu fuqu fuq din il-grira taghna Malta.
Mill-informazzjoni li ksibt, jidher li dan l-awtur kien ippubblika ktieb bl-isem ‘Letters from Malta and Sicily’ ghaxar snin wara fejn hemm imnizzel dan ir-rakkont. Dan il-ktieb gie stampat fl-Ingilterra, f’Londra, minn Harvey and Darton. Grazzi ghal din il-pubblikazzjoni illum nafu kif kienet issir il-Festa ta’ San Pawl u b’accenn partikolari dwar l-istess purcissjoni daqshekk dettaljata minn dan l-awtur.