Ġrajjietek Ġrajjietna

It-twaħħid tal-istorja mqanqla ta’ Pawlu u dik tal-Gżejjer Maltin, bla dubju ta’ xejn tibqa’ waħda mill-isbaħ mumenti li qatt inkitbu.

Il-paralleliżmu tal-kult u t-twemmin naqqax darba għal dejjem din in-nisġa’ t’avvenimenti f’bixra waħdanija, unika.

Dak li għadda minnu Pawlu meta kien fostna u dak li għexu l-Maltin, kemm waqt u kif ukoll wara li telaq Pawlu minn Malta, sawwar din l-istorja ta’ mħabba fi ġrajja waħda – Tiegħu u tagħna! Inkellmuh b’kunfidenza, għax għalina hu wieħed minna, li jkun magħna kuljum.

#ġrajjietekġrajjietna

Stqarrija dwar il-Pellegrinaġġ ta’ nhar il-Ħadd 5 ta’ Settembru 2021

Stqarrija Konġunta tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta u l-Għaqda tal-Pawlini

Fid-dawl tad-direttivi fis-seħħ, hekk kif stabbiliti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, il-kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta u l-Għaqda tal-Pawlini jixtiequ jgħarrfu li l-pellegrinaġġ bil-vara ta’ San Pawl li kellu jsir il-Ħadd 5 ta’ Settembru 2021 mhux ħa jsir.

Nappellaw biex filwaqt li nħarsu s-saħħa ta’ xulxin, nibqgħu inpoġġu s-saħħa tal-poplu tagħna taħt il-ħarsien tal-Appostlu Missierna San Pawl.

Kan. David Cilia – Arċipriet
Kan. David Torpiano – Kanċillier
Douglas Mifsud – President, Għaqda tal-Pawlini
Edward Bonello – Segretarju, Għaqda tal-Pawlini

L-10 ta’ Frar festa dejjem

“Dis-sena San Pawl mhux ħa ssir!” Din kienet frażi li smajtha minn diversi nies, u kull darba kienet għafsa ta’ qalb ikbar minn ta’ qabilha. Imma xi żball kellhom!

Għal darb’oħra l-10 ta’ Frar, il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta, kienet festa unika, li wriet l-imħabba li l-Pawlini għandna lejn l-Appostlu Missierna. Il-qalb tal-parroċċa reġgħet libset libsa ta’ armar mill-isbaħ. Mill-ġdid id-drapp aħmar, bl-isfar sfumat tal-pavaljuni, libsu mill-ġdid libsa eleganti lil Triq Santa Luċija u Strada San Paolo. Nistgħu ngħidu wkoll li dis-sena, Strada San Paolo daħlet ukoll f’darna permezz ta’ programm mill-aktar professjonali, li qanqal diversi memorji sbieħ fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook.

Mill-ġdid inħarġet publikazzjoni ta’ livell għoli, mimlija informazzjoni u tagħrif, li ta’ kull sena sirna inkunu qed nistennew. Xgħelna l-Port il-Kbir, bl-ilwieni u ħsejjes uniċi tal- piroteknika Maltija. Għexna serata mużiko letterarja oħra fejn spikka t-talent Pawlin, li jogħxa fit-tifħir lejn il-patrun. Din kienet wkoll festa fejn iż-żgħażagħ onoraw voluntier ħabrieki, li ma jieqafx jaħdem biex isebbaħ it-tempju tant għażiż tagħna. Dan l-istess tempju li grazzi għall-voluntiera, dis-sena erġajna rajna, knisja armata fil-glorja kollha tagħha, wara tindif estensiv tal-fided li jarrikkixxu lill-knisja tagħna. Dis-sena stajna napprezzaw mill-ġdid il-mużika ta’ Mro Paolo Nani b’eżekuzzjoni mill-aqwa, denja għal din il-festa tant għażiża tagħna.

Din kienet festa ta’ tama għal għada aħjar mil-lum, fejn konna ta’ dawl f’dawn l-inċertezzi li ninsabu fihom, fejn qawwejna qalb kull parruċċan waqt dan iż-żmien tant diffiċli.

Iżda mhux biss! Kif wriena tajjeb l-E.T Mons. Arcisqof Charles J. Scicluna, waqt li kien qed jinseġ b’reqqa l-paniġierku ta’ jum il-Festa, San Pawl għandu jkun ukoll it-tama tal-fejqan tagħna. Fejqan mhux biss spiritwali, imma għanda nduru lejh sabiex jinterċedi għalina bħala Missier u jħarisna minn din il-pandemija.

“Dis-sena San Pawl mhux ħa ssir!” Din kienet frazi li smajtha minn diversi nies, u kull darba kienet għafsa ta’ qalb. Imma r-risposta kienet dejjem soda u l-istess: “l-10 ta’ Frar festa dejjem”.

 

Kitba: Daniel Mangion

Stqarrija dwar il-Festa ta’ San Pawl Nawfragu 2021

Stqarrija Konġunta tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta u l-Għaqda tal-Pawlini, dwar il-Festa ta’ San Pawl Nawfragu 2021

Wara li qisna ċ-ċirkustanzi kollha tas-sitwazzjoni preżenti, u wara li kkonsultajna mal-awtorità ekkleżjastika, nixtiequ ngħarrfu li ninsabu kostretti niċċelebraw il-festa tas-sena 2021 fi skala iżgħar mis-soltu.  Dan qegħdin nagħmluh biex insegwu b’responsabbiltà d-direttivi tal-ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa maħruġa mill-Kurja tal-Arċisqof b’rispons għall-pandemija Covid-19.

Għaldaqstant, il-Festa ta’ San Pawl se tkun iċċelebrata bi preparazzjoni spiritwali fil-knisja, u bil-Pontifikal li se jsir fl-10 ta’ Frar 2021 fid-9.30 a.m., ippresedut mill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna, bil-preżenza tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, u mxandar fuq it-televiżjoni.  Il-mużika din is-sena, se tkun taħt id-direzzjoni tal-Maestro di Cappella ġdid, Mro Hermann Farrugia Frantz.

L-Għaqda tal-Pawlini se tkun responsabbli biex tarma u żżejjen l-inħawi madwar il-knisja, u se torganizza attivitajiet fil-Barrakka ta’ Isfel fid-9 ta’ Frar, u Taħt il-Qanpiena nhar l-10 ta’ Frar filgħaxija, bil-miżuri kollha ta’ ħarsien tas-saħħa hekk kif mitluba mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.  Is-sehem tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette ser janima l-festa fil-qafas tal-programm ta’ din is-sena.

Il-pellegrinaġġ bil-vara maestuża ta’ San Pawl ser ikun differit għall-Ħadd 5 ta’ Settembru 2021.  Hi t-talba tagħna li sa dakinhar, bis-sehem responsabbli ta’ kulħadd u bil-ħidma tal-awtoritajiet, speċjalment tal-frontliners, din il-pandemija tkun warajna u nkunu nistgħu nroddu ħajr lil Alla tal-għajnuna li tana matulha u talli ħarisna mill-ħsara.  Missirijietna kienu għamlu pellegrinaġġ simili fl-1814 wara l-imxija tal-pesta.

Kan. David Cilia – Arċipriet
Kan. David Torpiano – Kanċillier
Mario Cassar – President, Għaqda tal-Pawlini
Douglas Mifsud – Segretarju, Għaqda tal-Pawlini

50 SENA TAL-GĦAQDA TAL-PAWLINI

Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru 1970 fis-6.00p.m. fl-Anglo Maltese Club, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta saret l-ewwel laqgħa għal nies li kellhom għall-qalbhom il-festa ta’ San Pawl.

Il-Fundatur Pawlu Asciak qal li għandu l-approvazzjoni sħiħa mill-Kapitlu dwar it-twaqqif tal-Għaqda. F’din il-laqgħa ġie approvat l-istatut kif ukoll inħatar l-ewwel kumitat fejn Pawlu Asciak inħatar President.

Minn dakinhar għaddew 50 sena, 50 sena li fihom l-Għaqda tmexxiet minn 10 presidenti kif ukoll numru kbir ta’ persuni involuti fil-Kumitat Ċentrali, Fergħa Żgħażagħ Pawlini, Fergħa Nisa, Akkademja Kulturali Pawlina, Kummissjoni Armar, Kummissjoni Nar u oħrajn b’ammont kbir ta’ voluntiera kollha b’għan wieħed.

“Bl-iskop li l-festi, partikolarment ta’ barra ad unur tal-Kbir Appostlu Missierna San Pawl li jsiru fil-Belt Valletta, fil-Jum Nazzjonali tal-10 ta’ Frar, jieħdu xejra kif tixraq lil din il-Festa li tfakkarna, minn dejjem, fl-aqwa SEBĦ tal-Ġrajja Maltija, meta b’NAWFRAĠJU Provvidenzjali tal-Kbir Alla, il-Ġifen, li fuqu kien ibaħħar l-Appostlu tal-Ġnus fi triqtu lejn Ruma, ġie mitfugħ fuq il-Blat tal-Ġżejjer tagħna Maltin!!” – Minuti tal-ewwel laqgħa tal-Għaqda tal-Pawlini.

Dettall mill-Minuti tal-ewwel laqgħa li saret fis-6 ta’ Novembru 1970

Ċirkulari għall-ewwel laqgħa tal-Għaqda tal-Pawlini

 

Pawlu Axiak – Fundatur

Il-Festa tal-1970 u t-twaqqif tal-Għaqda tal-Pawlini

Kitba tas-Sur Martin Gravina – Dip. Educ.(Adm. & Mangt.)

“…li l-festi partikolarment ta’ barra, ad unur tal-Kbir Appostlu Missierna San Pawl li jsiru fil-Belt Valletta, fil-‘Jum Nazzjonali’ tal-10 ta’ Frar, jieħdu xejra kif tixraq lil din il-festa li tfakkarna, minn dejjem, fl-aqwa SEBĦ tal-Ġrajja Maltija, meta b’Nawfraġju Providenzjali tal-kbir Alla, il-ġifen, li fuqu kien ibaħħar l-Appostlu tal-Ġnus fit-triqtu lejn Ruma, ġie mitfugħ fuq il-blat tal-gżejjer tagħna Maltin.”

Pawlu Axiak – 6 ta’ Novembru 1970

_

Il-Festa tal-1970, tibqa’ mfakkra bħala sena memorabbli għall-Pawlini, għax din il-festa wasslet biex dik is-sena tkun imwaqqfa l-Għaqda tal-Pawlini.

Il-Festa ta’ dik is-sena kienet ġiet trasferita għas-16 ta’ Frar. Dan sar skond id-digriet tal-Papa Ljun XIII fl-1891, li kien ikkonċeda li l-Festa tan-Nawfraġju tkun trasferita bil-privileġġi kollha tagħha għall-ewwel Tnejn tar-Randan, kull meta l-10 ta’ Frar jaħbat fl-erbat ijiem ta’ qabel ir-Randan.

It-tħejjija għall-festa bdiet nhar il-Ħadd 18 ta’ Jannar meta kif kienet l-użanza, fil-kwarta ta’ wara nofsinhar, sar il-ħruġ tal-vara ta’ San Pawl min-niċċa li kienet fil-kappella ta’ San Mikiel. L-Ottavarju kien sar bejn il-25 ta’ Jannar (jum il-konverżjoni ta’ San Pawl) u l-31 ta’ Jannar. Dan kien jikkonsisti minn quddiesa li kienet fis-sitta u nofs, imbagħad prietka u ċelebrazzjoni Ewkaristika. Minħabba l-fatt li l-festa kienet trasferita għas-16 ta’ Frar, it-Tridijiet saru bejn it-tnax u l-erbatax ta’ Frar. Fit-tridijiet, wara l-quddiesa kantata ta’ filgħaxija saret il-prietka minn Patri Bonaventura Camilleri O.F.M. Conv. u kull jum intemm bil-kurunella, l-antifona u ċelebrazzjoni Ewkaristika.

Is-Sibt 14 ta’ Frar filgħodu, l-Arċipriet koadjatur Kan. Dun Anton Galea bierek il-pittura xogħol ta’ Emvin Cremona li nsibu fil-koppla kif ukoll l-apside li hemm fil-kappella tal-Karità. Il-pittura tal-koppla tirrappreżenta l-opri tal-ħniena lejn il-proxxmu filwaqt dik tal-apside turi l-knisja żgħira tal-Fawwara li tappartjeni lill-Konfraternità u x-xbiha tal-fundatriċi. L-Arċikonfraternità tal-Karità kienet ħallset l-ispejjeż ta’ din il-pittura. Fl-istess ġurnata l-istess Arċikonfraternità qassmet 56 hamper lill-foqra.

Waranofsinhar, il-Catholic Tourist Guild bi grupp ta’ 150 turist flimkien ma’ nies li kienu minbarra l-Belt żaru l-knisja li kienet armata għall-okkażjoni. It-translazzjoni solenni tmexxiet mill-Vigarju Ġenerali E.T. Monsinjur Emmanuel Galea, fejn imbagħad wara l-għasar l-Isqof Koadjatur Monsinjur Emmanuel Gerada qaddes quddiesa letta. F’dak li jirrigwardja l-programm tal-festi esterni, lejlet il-festa l-Banda Nazzjonali ‘La Valette’ għamlet marċ minn Strada Rjali sa Triq l-Ibjar.

 

Il-promotur u fundatur tal-Għaqda tal-Pawlini, is-Sur Pawlu Axiak

Jum il-Festa

It-Tnejn 16 ta’ Frar li kien Jum il-Festa, fid-disgħa u kwart ta’ filgħodu kienet iċċelebrata l-Quddiesa Pontifikali min-Nunzju Appostoliku, l-E.T. Mons. J. Moioli fejn il-paniġierku sar mill-Amministratur Appostoliku t’Għawdex, l-E.T. Mons. Nikol Cauchi. Fl-erbgħa ta’ waranofsinhar, saret il-prietka mill-Kanonku Dun Ġwann Ciarlò u segwita bl-għasar fejn wara kellu jsir il-ħruġ tal-purċissjoni bid-driegħ u l-vara ta’ San Pawl. F’dan il-jum filgħodu, delegazzjoni tal-Korp Diplomatiku għamlet vista fil-knisja fejn ma naqasx ukoll li jieħdu ritratt quddiem il-vara ta’ San Pawl.

Għalkemm din il-ġurnata kienet sabiħa b’waqtiet ukoll xemxin, meta l-marċ magħruf bħala tas-siegħa, mill-Banda ‘La Valette’ kien wasal lejn tmiemu għall-ħabta tal-ħamsa u nofs, l-arja bdiet tiksaħ filwaqt li temp beda jikrih fejn anki għamlet ħalba xita. F’dan il-ħin iż-żewġ baned ta’ Ħal Qormi San Ġorġ Martri u Pinto, kif ukoll il-Banda Our Lady of Consolation tal-Gudja waqfu mill-marċi li kienu bdew fl-erbgħa ta’ waranofsinhar minn diversi postijiet. Ix-xita wasslet sabiex in-nies bdiet issib kenn fil-knisja ta’ San Pawl kif ukoll fis-sagristija. Imbagħad it-temp kompla b’ħalbiet ta’ xita fejn aktar tard kienu aktar fil-qrib.

F’dan il-ħin l-Arċipriet il-Kan. Dun Anton Galea, laqqa’ l-kapitlu fis-sagristija ż-żgħira biex tittieħed deċiżjoni dwar jekk issirx il-purċissjoni. Huwa għamel kuntatt mad-dipartiment meterjoloġiku, fejn kien mgħarraf li filgħaxija kienet mistennija aktar xita. Għaldaqstant, il-kapitlu ddeċieda li filwaqt li l-purċissjoni tkun imħassra, jekk it-temp jippermetti, il-purċissjoni bil-vara ta’ San Pawl tkun trasferita għall-Ħadd 22 ta’ Frar. Fil-fatt il-purċissjoni kienet saret f’dak il-Ħadd, fejn anki l-Banda ‘La Valette’ kienet reġgħet għamlet il-marċ tas-siegħa.

Fil-ħin li kienet għaddejja l-laqgħa tal-kapitlu, in-nies bdew jistaqsu jekk il-purċissjoni kinetx ser toħroġ. Qam ħafna storbju fis-sagristija, inkluż tisbit fuq il-bankun il-kbir. F’ħin minnhom meta l-Pawlini bdew jaraw li ma kellhom l-ebda sodisfazzjon dwar x’ser jiġri mill-kumplament tal-festa, Pawlu Asciak flimkien ma’ Pawl Zammit li kienu fost in-nies, bdew jgħidu tagħhom u jipprotestaw. Bdew jgħajtu li jridu jitkellmu mal-kapitlu. Riedu deċiżjoni. F’dan il-ħin meta l-miġemgħa bdiet aktar tisħon, il-Viċi tal-Parroċċa Dun Karm Zammit, beda joħroġ in-nies ’il barra mis-sagristija. In-nies għamlet tentattiv ieħor billi reġgħet daħlet fis-sagristija u kompliet bl-istorbju b’Pawlu Axiak ikompli jgħajjat li jridu jiltaqgħu mal-kapitlu. Anki hawn, Dun Karm Zammit reġa’ ħareġ lill-kulħadd ’il barra mis-sagristija, fejn issuġġerixxa li min hu interessat fil-festa ta’ San Pawl, jista’ jiġi wara l-festa u jitkellmu mal-Arċipriet, biex deċiżjonijiet bħal dawn ma jitħallewx għall-aħħar mument.

L-għada, 17 ta’ Frar fit-tmienja u nofs ta’ filgħodu, Pawlu Axiak b’determinazzjoni li l-objettiv tiegħu jintlaħaq mar fis-sagristija ta’ San Pawl. Hemmhekk huwa ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Dun Karm Zammit fejn b’vuċi soda Pawlu Axiak qallu “Hawn Jien ġejt”. Dun Karm pront staqsih “Għadek bil-ħsieb li twaqqaf l-Għaqda tal-Pawlini?” Pawlu Axiak wieġbu fl-affermattiv u Dun Karm Zammit ħadu għand l-Arċipriet. Dun Karm Zammit qal lill-Arċipriet “dan irid iwaqqaf l-Għaqda tal-Pawlini.” Pawlu Axiak wera mal-Arċipriet ix-xewqa tiegħu li titwaqqaf Għaqda b’forma statutorja bil-għan li tkun tista’ taħdem fuq il-festi u armar ta’ barra. Dun Anton Galea barra li kien qallu li ħa jieħu l-opinjoni tal-kanonċi staqsih ukoll x’kellu f’moħħu, (minħabba l-fatt li Dun Anton Galea ried li l-kapitlu jibqa’ jkollu sehem tiegħu fil-festa kollha).

Dun Anton Galea kien tkellem bix-xewqa ta’ Pawlu Axiak mal-kanonċi, u kemm Dun Ġwann Borg kif ukoll Dun Ġwann Ciarlò fehmu li dan il-ħsieb kien f’waqtu. Dan minħabba l-fatt li miċ-ċelebrazzjoniijiet taċ-ċentinarju tal-1960 il-festa kienet marret lura kif ukoll minħabba li l-prokuratur tal-festa l-Kanonku Dun Ġużepp Zammit, kien imdaħħal fiż-żmien. Kemm Dun Ġwann Borg kif ukoll Dun Ġwann Ciarlò ħassew li kien mument f’waqtu dak li kien qiegħed jipproponi Pawlu Axiak u għalhekk ħeġġew lill-Arċipriet sabiex din l-opportunità ma tintilifx u jagħti sehmu fit-twaqqif ta’ din l-Għaqda. F’laqgħa li l-Arċipriet kellu mal-kapitlu, qalilhom bis-suġġeriment li kellu Pawlu Axiak. Minkejja li l-maġġoranza tal-kapitlu kien favur il-viżjoni ta’ Pawlu Axiak, sa Settembru kien għadu ma seħħ xejn. Imma nhar il-15 ta’ Settembru 1970 il-Kapitlu bi pjaċir ippermetta t-twaqqif tal-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini, kif proposta minn Pawlu Asciak bl-iskop li titkabbar il-Festa Nazzjonali ta’ San Pawl, bil-patt u sakemm jiġu mħarsa, b’kull mezz neċessarju, inkluż ukoll, li jkunu integrati fl-istatut tal-istess Għaqda il-provvedimenti mressqa mill-kapitlu. Hawnhekk il-kapitlu kien ippreżenta numru ta’ proposti, bħala termini ta’ referenza għat-twaqqif tal-Għaqda u l-istatut. Fl-20 ta’ Settembru Dun Anton Galea kien bagħat għal Pawlu Axiak fejn kellmu dwar l-approvazzjoni tal-kapitlu. L-għada ta’ din il-laqgħa, Pawlu Axiak kien kiteb ittra lill-kanonku Dun Salv Cauchi li kien segretarju tal-kumitat tal-organizazzjoni tal-festa ta’ dak iż-żmien. Fit-30 ta’ Settembru Pawlu Axiak kien imbagħad iltaqa’ mar-rappreżentanza tal-kapitlu: Dun Anton Galea bħala l-Arċipriet, Dun Ġwann Borg u Dun Ġwann Ciarlò fejn minn din il-laqgħa, Pawlu Asciak kien muri linji gwida li kienu approvati mill-istess kapitlu biex tkun tista’ titwaqqaf l-Għaqda u jkun imfassal l-istatut. F’din il-laqgħa ħareġ ukoll li kien hemm l-eżistenza ta’ żewġ kumitati li kienu jorganizzaw il-festa. Wieħed minnhom kien jieħu ħsieb it-tmexxija tal-festa mill-knisja parrokkjali (prokuratur Kan. Dun Ġużepp Zammit), filwaqt li l-ieħor (responsabbli minnu Sur Francis Tabone) kien jorganizza l-festa esterna minn Triq San Pawl ’l isfel u dawk l-inħawi. L-istatut li kienu wkoll inkorporati drittijiet mitluba mill-Kapitlu kien tlesta fi żmien xahrejn u rfinut tul is-sentejn ta’ wara.

Jekk mal-kumitat tat-tmexxija tal-festa mill-knisja parrokkjali għal Pawlu Axiak kienet daqsxejn diffiċli, bl-għajnuna ta’ Dun Anton Galea, Pawlu Axiak kien iltaqa’ Francis Tabone fejn flimkien ħadmu biex timxi l-idea li jkunu mistiedna numru ta’ membri minn kull kumitat biex b’hekk setgħet issir l-ewwel laqgħa.

Ċirkulari għall-ewwel laqgħa tal-Għaqda tal-Pawlini

 

Dettall mill-Minuti tal-ewwel laqgħa li saret fis-6 ta’ Novembru 1970

L-ewwel laqgħa

Kien il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru 1970 fis-sitta ta’ filgħaxija, fl-Anglo Maltese Club, Triq Merkanti, fejn inżammet l-ewwel laqgħa għal nies li kellhom għal qalbhom il-festa ta’ San Pawl. F’din il-laqgħa, tal-ewwel kumitat li ngħata l-isem “Għaqda tal-Pawlini”, kien ġie wkoll magħżul l-ewwel kumitat ta’ din l-Għaqda. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Sur Pawlu Axiak li kien il-promotur u fundatur tal-Għaqda, kif ukoll is-sinjuri Paul Degiorgio, Paul Abela, Paul Zammit, Paul Galea, Rev. Patri Pawl Pisani, Emmanuel Axiak, Richard Cremona, Francis Tabone, Carmelo Catania, Duminku Farrugia u Ġużeppi Sultana. Wara li ntqalet talba qasira minn Patri Pawl Pisani, ta bidu għal din il-laqgħa Pawlu Axiak fejn fakkar lill-membri bl-iskop tal-laqgħa, id-diversi kuntatti li kellu ma’ kull individwu preżenti kif ukoll m’oħrajn interessati, kif ukoll b’mod speċjali mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl tal-Belt. Huwa stqarr ukoll li għal din il-laqgħa kellu l-approvazzjoni sħiħa tal-Kapitlu flimkien ma’ ħwejjeġ oħra li kienu konnessi mat-twaqqif tal-Għaqda. Huwa kkonfermalhom li l-Għaqda kellha ssib appoġġ qawwi mhux minn dawk magħrufa għas-sentimenti Pawlini, imma wkoll minn dawk kollha li kellhom għal qalbhom il-Festa tal-Appostlu Missiena speċjalment il-Festa Nazzjonali tal-10 ta’ Frar.

F’din il-laqgħa Pawlu Axiak qara l-istatut li kien ukoll imfassal flimkien mal-kapitlu, fejn issuġġerixxa li f’dik il-laqgħa jkun hemm diskussjoni qabel l-approvazzjoni tiegħu. Fil-fatt dan l-istatut għadda b’tibdil żgħir u xi żieda ta’ klawsoli.

Fl-istess laqgħa saret il-ħatra tal-ewwel kumitat, magħmula minn President, Segretarju, Teżorier u erba’ membri oħra. Kien hemm qbil ukoll li jkun hemm ukoll rappreżentanza ta’ tliet membri tal-Kapitlu li jkunu magħżula mill-istess kapitlu. Fil-fatt, fit-tieni laqgħa l-kapitlu kien rappreżentat mill-Arċipriet Dun Anton Galea, Dun Ġwann Borg u Dun Ġwann Ciarlò.

Għan-nomina ta’ President is-Sur Pawlu Axiak ppropona lis-Sur Francis Tabone, imma l-maġġoranza riedet li bħala President jinħatar Pawlu Axiak. Fost ir-raġunijiet li nġabu kien hemm, li huwa kien il-promotur prinċipali tal-Għaqda, huwa kien il-bniedem li ħadem biex jitfassal l-ewwel statut biex setgħet tkun iffurmata l-Għaqda, kif ukoll il-ħidma ta’ propoganda li kien għamel sabiex dan il-għan jintlaħaq. Għalhekk wara li Pawlu Axiak aċċetta, huwa nħatar bħala l-ewwel President tal-Għaqda tal-Pawlini.

Wara l-President ippropona lir-Rev. Patri Pawl Pisani bħala segretarju tal-Għaqda, fejn il-maġġoranza ssekondat. Patri Pawl Pisani wiegħed li minkejja d-diversi impenji li kellu, kien ser jagħmel ħiltu kollha għall-glorja tal-Appostlu Missierna. Fl-għażla ta’ Teżorier kien intgħażel is-Sur Emanuel Axiak.

Rigward l-għażla tal-erba’ membri l-oħra tal-kumitat, wara proposta fuq sitt persuni, minn dawk preżenti ingħata vot sigriet fejn fuq tnax-il votant ir-riżultat kien:

Is-Sur Francis Tabone 12-il vot, is-Sur Paul Degiorgio 9 voti, is-Sur Carmelo Catania 8 voti, is-Sur Richard Cremona 8 voti, is-Sur Pawl Zammit 7 voti, is-Sur Ġużeppi Sultana 3 voti. Dan ir-riżultat wassal biex l-ewwel erba’ eletti jkunu awtomatikament membri f’dak l-ewwel kumitat. Hawnhekk il-President Pawlu Axiak poġġa osservazzjoni tiegħu fejn ippropona li bħala għajnuna għall-istess Għaqda kien ħass li jkun aħjar li żewġ individwi oħra (li f’dik il-laqgħa ma kienux preżenti minħabba impenn personali li kellhom) jkunu magħżula bħala membri fil-kumitat. Wara li l-assemblea saret taf min kienu dawn iż-żewġ persuni li kien qiegħed jirreferi għalihom il-President, żewġ membri eletti karatteristikament ċedew in-nomina tagħhom. Dan wassal sabiex il-President bl-approvazzjoni tal-assemblea preżenti, talbu sospensjoni tal-istatut, fejn żdiedu żewġ membri oħra, flimkien ma’ dawk magħżula mill-votazzjoni li kienet saret. B’vot unanimu, kienu ġew miżjuda bħala membri Dun Philip Calleja u s-Sur Carmelo Mamo.

Bil-festa tal-1971 dejjem aktar fil-qrib, u l-bżonn ta’ flus biex l-Għaqda tkun tista’ tagħmel tajjeb għall-ispejjeż involuti, fl-istess laqgħa il-President qassam kotba tal-lotterija b’risq il-festa, kif ukoll beda wkoll isir ġbir ta’ flus tal-membership. Sistema oħra bħala għajnuna finanzjarja għall-festa kien il-ġbir ta’ flus mit-toroq, billi jintgħażlu individwi għall-ġbir minn kull triq. Dawn l-individwi kellhom isimhom ippubblikat f’post fis-sagristija tal-knisja ta’ San Pawl, biex b’hekk il-pubbliku jkun jaf lil min jista’ jikkuntattja.

Din l-ewwel laqgħa kienet ġiet aġġornata għall-10 ta’ Novembru fil-5.30pm fis-sagristija jew f’post ieħor b’konnessjoni mal-knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl.

F’dawn il-50 sena l-Għaqda tal-Pawlini kellha għaxar presidenti. Pawlu Asciak Promotur u Fundatur (1970-1972) (1975-1976), Paul J. Galea (1974-1975), Francis Tabone (1972-1974) (1979-1980), Victor Enriquez (1976-1979), Louis Attard (1980-1989), Paul Spiteri (1989-1991), Hector Bruno (1991-1995), Dr. Ray Bondin (1995-1996) (1996-1997), Etienne Montfort Aġent President (1997); President (1999-2014), Mario Cassar (2014-)

Mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda tal-Pawlini baqgħet dejjem tikber u taġġorna maż-żminijiet, l-għan li għalih twaqqfet li dejjem tkabbar l-imħabba u d-devozzjoni lejn il-Festa Nazzjonali tal-Appostlu Missierna San Pawl.

Bibljografija:

Parroċċa San Pawl Nawfragu Valletta Ħarġa speċjali Festa 1970.

Programm San Pawl 1993 p.33.

Programm Festa San Pawl 2000 p.7.

Times of Malta 16th. February 1970 p.2.

Times of Malta 17th. February 1970 p.13.

Times of Malta 23rd. February 1970 p.13.

Leħen is-Sewwa 28 ta’ Frar 1970 p. 6.

Il-Ħajja 17 ta’ Frar 1970 p.1.

Minuti tal-ewwel laqgħa tal-Għaqda tal-Pawlini 6 ta’ Novembru 1970.

 

 

Ħajr lil Kanonku Dun Ġwann Borg u Dun Karm Zammit għall-għajnuna tagħhom.

Imniedi l-programm tal-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Għaqda tal-Pawlini

L-Għaqda tal-Pawlini tal-Belt Valletta din is-sena se tfakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha li seħħ fl-1970 b’inizjattiva ta’ Belti Pawlin kbir u tenur ta’ fama internazzjonali Pawlu Asciak, li fil-fatt baqa’ jkun imfakkar bħala l-fundatur tal-Għaqda. L-ewwel laqgħa preliminari tal-Kumitat tal-Għaqda kienet saret f’Novembru tal-1970 wara li fil-festa ta’ San Pawl ta’ dik is-sena, wara argumenti dwar jekk kellhiex issir il-purċissjoni minħabba l-maltemp, kien hemm ftehim li għandha titwaqqaf din l-Għaqda.

Minn dak iż-żmien ’l hawn, sena wara sena, it-tifkira tan-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta, baqgħet dejjem iżżid fil-prestiġju tagħha fost l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin u barranin li jżuruha u jieħdu sehem fiha, fil-jum tal-10 ta’ Frar, li tkun festa pubblika. Il-qofol tal-festa jkun kull sena l-Pontifikal Solenni fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu li jkun immexxi mill-Arċisqof ta’ Malta u li għalih normalment tattendi kongregazzjoni kbira li tkun immexxija mill-President ta’ Malta.

Il-Kapitlu tal-Kolleġġjata, li minn din is-sena huwa Kapeġġjat minn Arċipriet ġdid, il-WR Kanonku David John Cilia, jifforma parti sħiħa mill-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini permezz ta’ rappreżentanza fil-Kumitat Ċentrali. B’hekk, tul dawn il-ħamsin sena li għaddew, il-programm tal-festa fil-Knisja u barra dejjem kien jikkumplimenta liż-żewġ aspetti.

L-Għaqda tal-Pawlini tħaddan fiha madwar 400 membru u bħalissa hija mmexxija minn Mario Cassar bħala President. L-Għaqda tħaddan fiha wkoll il-Fergħat taż-Żgħażagħ u tan-Nisa, l-Akkademja Kulturali Pawlina u numru ta’ kummissjonijiet li jaħdmu fuq id-diversi aspetti tal-festi ta’ barra f’kollaborazzjoni sħiħa mas-Soċietà Filarmonika Nazzjonali ‘La Valette’ li din is-sena qed tfakkar il-145 anniversarju mit-twaqqif tagħħa.

Għall-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda se torganizza programm ta’ attivitajiet mifrux fuq is-sena d-dieħla bit-tema “Il-Pawlini għat-tisħiħ tal-Parroċċa”. Il-President tal-Għaqda Mario Cassar qal li din it-tema tirrifletti l-impenn fil-viżjoni tal-Għaqda għas-snin li ġejjin biex tkompli tagħti l-kontribut fil-ħajja tal-Parroċċa Pawlina li qed tiffaċċja sfidi differenti ħafna minn dawk li kien hemm ħamsin sena ilu. Is-Sur Cassar qal li l-popolazzjoni tal-Parroċċa qed tkompli tonqos u tixjiħ drastikament. Madankollu hu esprima l-fiduċja tiegħu li f’kollaborazzjoni sħiħa mal-Parroċċa, dawn l-isfidi jistgħu jinbidlu f’opportunitajiet għal ħidmiet ġodda skont iċ-ċirkostanzi. Il-logo uffiċċjali għal dan l-anniversarju ġie iddiżinjat minn Pawlu Mizzi.

Il-programm tal-attivitajiet biex ifakkru l-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Għaqda tal-Pawlini tħejja f’qafas li jgħin jintlaħaq dan l-iskop waqt li l-Għaqda tibqa’ toffri lill-Maltin kollha festa sabiħa, f’ambjent fit-toroq tal-Belt Kapitali jissebbaħ dejjem, biex ikun imfakkar kif xieraq dan l-avveniment importanti fl-istorja millenarja ta’ Malta: it-twelid tal-fidi nisranija permezz tan-Nawfraġju ta’ San Pawl fis-sena 60 WK – ġrajja li tant kellha sehem importanti fi ġrajjiet oħra li seħħew wara.

Programm ta’ Attivitajiet

Is-Sibt 11 ta’ Jannar

10.00 am        Żjara lill-Awtorijtajiet tal-pajjiż u l-aktar persuna anzjana fil-parroċċa.

Is-Sibt 25 ta’ Jannar

9.30 am          Donazzjoni tad-demm fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm, Gwardamangia, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Save a Life fi ħdan l-Għaqda tal-Pawlini.

L-Erbgħa 5 ta’ Frar

6.45 pm          Inawgurazzjoni tal-Pavaljuni fi Triq San Pawl ħdejn id-Domus.

Il-Ħadd 9 ta’ Frar

8.45 pm          Kxif ta’ rħama fi Triq Santa Luċija, bħala tifkira tal-50 sena mit-twaqqif tal-Għaqda tal-Pawlini.

Is-Sibt 21 ta’ Marzu

10.00 am        Żjara lis-Sindku, is-Sur Alfred Zammit.

Is-Sibt 28 ta’ Marzu

6.00 pm          Tqegħid ta’ fjuri fejn hemm l-ewwel ġebla tal-Belt Valletta.

Mill-Ħamis 2 sal-Ġimgħa 10 t’April

7.00 pm          Inawgurazzjoni ta’ wirja fl-Uffiċċju Amministrattiv  8, Triq l-Arċisqof, Il-Belt Valletta.

Il-Ħadd 24 ta’ Mejju

11.45 am        Quddiesa fil-knisja Kolleġġjata San Pawl Nawfragu fl-okkażjoni tal-41 Anniversarju tal-Fergħa Żgħażagħ.

It-Tnejn 29 ta’ Ġunju

Mawra f’Palazzolo Acreide għall-Festa ta’ San Pawl organizzata mill-Għaqda tal-Pawlini.

Il-Ħamis 9 ta’ Lulju

7.00 pm          Laqgħa ta’ Kumitat tat-tfal Pawlini fl-Uffiċċju Amministrattiv  8, Triq l-Arċisqof, Il-Belt Valletta.

Is-Sibt 17 ta’ Ottubru

6.30 pm          Marċ mill-Banda ‘La Valette’ fl-Arċipierku segwit bi tqegħid ta’ fjuri mal-istatwa ta’ San Pawl u diskors dwar persunaġġi bi drawwiet Pawlini.

Il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru

6.00 pm          Quddiesa fil-knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu li timmarka d-data tal-ewwel laqgħa. Wara se jingħata rikonoxximent lil kull min serva fil-Kumitat u jitwaqqaf il-Forum ta’ ex Presidenti u ex Arċiprieti.

Is-Sibt 7 ta’ Novembru

7.00 pm          Serata Mużiko-Letterarja mtella’ mill-Akkademja Kulturali Pawlina. F’din is-serata jkun mniedi l-ktieb dwar l-istorja tal-Għaqda tal-Pawlini fl-ewwel ħamsin sena. Il-post jitħabbar aktar tard.

IL-ĦADD 8 TA’ NOVEMBRU

10.00 am         Tqegħid ta’ fjuri fuq l-oqbra tal-President Fundatur u Presidenti Onorarji tal-Għaqda tal-Pawlini

Is-Sibt 30 ta’ Jannar 2021

7.00 pm           Kunċert mill-Banda ‘La Valette’ fil-knisja Kolleġġjata San Pawl Nawfragu.

Maħtur Arċipriet Ġdid għall-Kolleġġjata

L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Kan. David Cilia bħala arċipriet tal‑Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il‑Belt Valletta.

Il‑Kan. David Cilia twieled fit‑2 ta’ Awwissu 1968. Irċieva l‑edukazzjoni tiegħu fl‑iskola ta’ Ħal Qormi San Ġorġ, fil‑Kulleġġ San Albert il‑Kbir u fl-iskola tas-Seminarju tal-Arċisqof. Studja l‑Filosofija u t‑Teoloġija fil‑Fakultà tat‑Teoloġija tal‑Università ta’ Malta, u d‑Dritt Kanoniku fl‑Università Gregorjana f’Ruma. Ġie ordnat saċerdot fit‑30 ta’ Ġunju 1995.

Dun David beda l‑ħidma pastorali tiegħu bħala viċi kapillan fil‑Parroċċa ta’ Marija Bambina fil‑Mellieħa u fil‑Parroċċa ta’ San Ġorġ Preca fis‑Swatar. Kien membru tal‑Kapitlu fil‑Kolleġġjata ta’ San Pawl, ir‑Rabat, u kap tal‑iskola tas‑Seminarju tal‑Arċisqof. Huwa jservi bħala mħallef fit‑Tribunal Ekkleżjastiku Reġjonali tat‑Tieni Istanza u huwa wkoll delegat tal‑Arċisqof għall‑Fergħa Ewkaristika u Ulied Marija Ewkaristika.

Il‑Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu tiġbor fiha madwar 1,800 persuna f’800 familja.

L-Għaqda tal-Pawlini tifraħ lill-Kan. David John Cilia fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu bħala Arċipriet tal-Kolleġġjata tan-Nawfraġju ta’ San Pawl fil-Belt Valletta.

Filwaqt li nifirħu mal-Kan. Cilia, insellmu b’rispett kbir il-ħidma li għamel magħna il-Kan. Dun Viċenz Borg fl-aħħar snin u nirringrazzjawh tal-qalb kbira u kuraġġ li wera mal-komunità Pawlina bħala Arċipriet.

X’Mazza Dik!

Il-Mazza Kapitulari tal-fidda, hija simbolu tal-awtorità tal-Kolleġġjata. Din tinġarr fil-purċissjonijiet jew titqiegħed fuq il-presbiterju tal-Knisja kolleġġjata. Il-Privileġġ tal-użu tal-Mazza kien ingħata lill-Kapitlu tal-Kolleġgjata ta’ San Pawl tal-Belt mill-Papa Piju VII fis-6 t’ April 1818. Hija xogħol tal-arġentier Ruman, Filippo Pacetti, xogħol fin fi stil neoklassiku li ħadimha fi tnax-il xahar u kkunsinjaha lill-Kapitlu fl-1820.

Il-Parti ta’ fuq tal-mazza hija mżejna b’erba’ xeni mill-ħajja ta’ San Pawl li huma: (1) San Pawl jipriedka lill-Maltin; (2) il-miraklu tal-lifgħa; (3) San Pawl ifejjaq lill-missier Publju; (4) San Pawl ifejjaq lill-morda tal-gżira. Fiha wkoll erba’ figuri femminili jirrapreżentaw il-virtuijiet, waqt li fil-parti ta’ fuqnett tiddomina statwa fina ta’ San Pawl b’idu mgħollija ’l fuq.

Il-mazza ġġib fuqha l-inizjali FP u l-marki ta’ fidda Rumana magħrufa bħala Argento dell’ Ombrellone u t-teknika hija a Martello b’partijiet a cera persa.

Tal-Mażżri – Innu Marċ irregalat mill-Għaqda tal-Pawlini

“Tal-Mażżri” huwa l-isem ta’ marċ ġdid f’ġieħ l-Appostlu Missierna San Pawl li ġie mniedi fit-18 ta’ Jannar mill-Għaqda tal-Pawlini sabiex jibda ċ-ċelebrazzjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tal-istess għaqda.

Is-Sur Roderick Abela offra ġentilment li jirregala dan il-marċ lill-Għaqda u għalhekk ġie avviċinat il-kompożitur bravu l-Mro. Raymond Sciberras sabiex jikkomponi l-mużika.

Aktar ‘l quddiem, is-Sur Stephen Baldacchino, membru tal-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda tal-Pawlini, kiteb il-lirika għal dan il-marċ u s-Sur Stephen Mizzi, Pawlin bħalna, kantah kif inhu tradizzjoni għal marċi popolari Beltin.

It-titlu “Tal-Mażżri” jirreferi għan-niżla li tinsab fi Triq San Pawl bejn Triq Melita u Triq San Ġwann li fiha jilħaq il-qofol tiegħu l-marċ tradizzjonali tal-festa tagħna. Din iż-żona hija magħrufa hekk mill-Pawlini Beltin.

Il-vidjo sar minn Carl Farrugia, membru tal-Fergħa Żgħażagħ, b’filmati tiegħu stess.

Għalhekk l-Għaqda qed tirregala dan l-innu marċ lill-partitarji kollha Pawlini Maltin u Għawdxin, sabiex fil-ġranet li ġejjin ikun jista’ jitgawda matul it-toroq tal-Belt Valletta.

Kull dritt miżmum. © Għaqda tal-Pawlini A.D.1970, 2019

Programm tal-Festa 2019

IS-SIBT, 19 TA’ JANNAR
KONĊELEBRAZZJONI U ĦRUĠ TAL-VARA TA’ SAN PAWL MIN-NIĊĊA
5.30 pm Rużarju
6.00 pm Konċelebrazzjoni Solenni mmexxija mill-Arċipriet, Kan. Pen. Dun Vinċenz Borg. Fi tmiem il-Quddiesa, tiġi esegwita l-Antifona Sancte Paule ta’ Mro. Dott. Paolo Nani. Wara l-konċelebrazzjoni solenni, isir il-ħruġ tal-vara ta’ San Pawl min-niċċa akkumpanjata minn innijiet popolari Pawlini u tingħad il-kurunella mill-Kan. Teżorier Dun Ġwann Ciarlò. Diskors mill-President tal-Għaqda tal-Pawlini, is-Sur Mario Cassar. Diskors mill-Arċipriet fuq il-valur tal-Festa.
9.00 pm Dinner Dance fil-Westin Dragonara organizzat mill-Għaqda tal-Pawlini.
IL-ĦADD, 20 TA’ JANNAR
11.45 am Quddiesa animata miż-żgħażagħ Pawlini. Iqaddes il-Kan. Magister Carmelo Busuttil, Arċipriet tal-Birgu.
6.00 pm Quddiesa għas-suċċess tal-Festa u biex jinkiseb il-frott spiritwali. Issir il-ħatra ta’ kanonċi ġodda.
IT-TNEJN, 21 TA’ JANNAR
6.00 pm Quddiesa bil-prietka mill-Kan. Dun Antoine Borg. Mistiedna speċjali l-letturi tal-Kelma ta’Alla.
IT-TLIETA, 22 TA’ JANNAR
JUM IL-KARITÀ
6.00pm Quddiesa bil-prietka mill-Kan. Dun Stefan Galea. Mistiedna l-membri tal-Arċikonfraternità tal-Madonna tal-Karità u l-membri tas-Soċjetà San Vinċenz de Paul.
L-ERBGĦA, 23 TA’ JANNAR
6.00 pm Quddiesa animata mill-Parroċċa ta’ Ħal Safi li qed tiċċelebra l-175 anniversarju mindu saret u bdiet tiġi meqjuma l-vara ta’ San Pawl ta’ Ħal Safi, li hi kopja ta’ dik tal-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta. Jiċċelebra l-Kan. Dun David Farrugia, Kappillan ta’ Ħal Safi.
IL-ĦAMIS, 24 TA’ JANNAR
6.00 pm Quddiesa
6.30 pm Adorazzjoni għall-Għaqda tal-Knejjes.
IL-ĠIMGĦA, 25 TA’ JANNAR
FESTA TAL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL
6.00 pm Quddiesa letta fl-Oratorju tal-Madonna tal-Karità. Iqaddes il-Kan. Dun Stefan Galea.
6.30 pm Servizz Ekumeniku Nazzjonali. Jippresiedi l-Arċisqof Mons Charles J. Scicluna. Jippriedka l-Kan. Simon Godfrey, Kanċillier tal-Pro-Katidral Anglikan ta’ San Pawl.
IS-SIBT, 26 TA’ JANNAR
6.00 pm Quddiesa animata mill-grupp tal-Mixja Neokatekumenali. Iqaddes il-Kan. Patri Charles Tabone O.P. Mistiedna wkoll il-koppji miżżewġin. Isir it-tiġdid tal-wegħdiet taż-żwieġ.
7.00 pm Il-Vjaġġ – Serata Mużiko-Letterarja imtella’ mill-Akkademja Kulturali Pawlina fil-Knisja Kolleġġjata.
Il-ĦADD, 27 TA’ JANNAR
6.00 pm Quddiesa f’ġieħ Sant’Angela Merici animata mill-Membri tal-Għaqda. Iqaddes il-Kan. Dun Lawrenz Zammit.
8.00 pm Riċeviment mogħti mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
IT-TNEJN, 28 TA’ JANNAR
6.00 pm Quddiesa organizzata mill-Ladies Circle. Iqaddes id-Direttur Spiritwali, il-Kan. Dun Lawrenz Zammit.
IT-TLIETA, 29 TA’ JANNAR
6.00 pm Quddiesa organizzata mill-Irġiel Anzjani. Iqaddes id-Direttur Spirtwali, Patri Ivan Scicluna O.Carm.
L-ERBGĦA, 30 TA’ JANNAR
6.00 pm Quddiesa u Adorazzjoni animata mill-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin. Iqaddes Patri Ivan Scicluna O.Carm
IL-ĦAMIS, 31 TA’ JANNAR
Adorazzjoni mmexxija mill-Grupp Kariżmatiku.
IS-SIBT, 2 TA’ FRAR
FESTA GĦAT-TFAL TA’ MALTA KOLLHA
9.00 am Quddiesa ċċelebrata mill-Kan. Dun Ġwann Ciarlò għat-tfal ta’ Malta kollha fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu. Fil-Quddiesa ssir il-preżentazzjoni tat-trabi u tfal.
10.00 am Manifestazzjoni bl-istatwa ż-żgħira ta’ San Pawl bis-sehem tal-Banda tas-Soc. Fil. Naz ‘La Valette’. Il-Manifestazzjoni tgħaddi minn Triq San Pawl, Triq l-Arċisqof, Triq il-Lvant, Triq San Kristofru, Triq il-Mediterran, Triq San Nikola, Triq San Pawl, Triq l-Arċisqof, Triq il-Merkanti, Triq it-Teatru l-Antik, Triq ir-Repubblika u Triq Santa Luċija. Fl-aħħar tal-manifestazzjoni, l-istatwa tittella’ f’postha fuq il-palk fi Triq Santa Luċija k/m Triq San Pawl fost l-entużjażmu tal-partitarji żgħażagħ Pawlini.
6.00 pm Quddiesa tal-Festa tal-Gandlora. Iqaddes l-Arċipriet il-Kan. Pen. Dun Vinċenz Borg, flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata.
Il-ĦADD, 3 TA’ FRAR
JUM L-GĦAQDA TAL-PAWLINI
6.00pm Quddiesa organizzata mill-membri tal-Għaqda tal-Pawlini. Jiċċelebra l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi.
8.00 pm Riċeviment mogħti mill-President u l-Kumitat tas-Soc. Fil. Naz. ‘La Valette’ fis-sede tas-Società.
IT-TNEJN, 4 TA’ FRAR
6.00pm Quddiesa għat-Tfal tad-Duttrina. Iqaddes il-Kan. Dun Charles Vella.
7.30 pm Kunċert Ġenerali tradizzjonali fis-sede tas-Soc. Fil. Naz. ‘La Valette’. Jiġu esegwiti marċi mill-arkivju tas-Soċjetà u jindaqqu ukoll innijiet popolari fosthom il-Marcia San Paolo ta’ Maestro Cardenio Botti.
IT-TLIETA, 5 TA’ FRAR
JUM L-UNITÀ TAL-PARROĊĊI
6.00 pm Quddiesa. Mistiedna l-Kappillani ta’ San Duminku, Santu Wistin u San Publiju flimkien mar-Retturi tal-Knejjes l-oħra u l-membri tal-Kunsilli Pastorali Parrokkjali. Jippresiedi il-Kan. Pen. Dun Vinċenz Borg, Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu. Jikkonċelebra u jippriedka fil-quddiesa il-Papas Martin Zammit.
8.00 pm Riċeviment mogħti mill-Għaqda tal-Pawlini fid-Domus Pauli u preżentazzjoni tal-Premju San Pawl għas-sena 2018-19 mill-Fergħa Żgħażagħ Pawlini.
L-ERBGĦA, 6 TA’ FRAR
L-EWWEL JUM TAT-TRIDU
5.15 pm Għasar Solenni mmexxi mill-Kan. Dun Frans Perici Calascione.
6.00 pm Quddiesa Kantata solenni. Iqaddes Kan. Dun Ġwann Ciarlò. Wara l-Quddiesa, l-ewwel prietka tat-Tridu minn Mons. Lawrenz Sciberras. Innu, Antifona, u Barka Sagramentali. Jiċċelebra l-Kan. Dun David Farrugia, Kappillan ta’ Ħal Safi.
Wara jsir il-bews tar-relikwija tad-Driegħ Mirakoluż.
8.30 pm Brass Band tas-Soc. Fil. Naz. ‘La Valette’, imtella’ mill-Għaqda tal-Pawlini fis-sede tal-istess Società Mużikali fi Triq ir-Repubblika.
IL-ĦAMIS, 7 TA’ FRAR
IT-TIENI JUM TAT-TRIDU
5.15 pm Għasar Solenni mmexxi mill-Kan. Dun Lawrenz Zammit.
6.00 pm Quddiesa Kantata solenni. Iqaddes Kan. Dun Lawrenz Zammit. Wara l-Quddiesa, it-tieni prietka tat-Tridu minn Mons. Lawrenz Sciberras. Innu, Antifona, u Barka Sagramentali. Jiċċelebra l-Kan. Dun Charles Cini, Arċipriet tal-Furjana. Wara jsir il-bews tar-relikwija tad-Driegħ Mirakoluż.
8.30 pm L-Għaqda tal-Pawlini bis-sehem ta’ Spiteri Lucas Entertainment tippreżenta ‘Lejla Fil-Kapitali’, serata ta’ mużika varjata u kontemporanja fi Triq San Pawl.
IL-ĠIMGĦA, 8 TA’ FRAR
IT-TIELET JUM TAT-TRIDU
9.30 am Adorazzjoni mmexxija mis-Sur Joe Fenech.
5.15 pm Għasar Solenni mmexxi mill-Kan.Teżorier Dun Ġwann Ciarlò.
6.00 pm Quddiesa kantata solenni. Iqaddes il-Kan. Kantur Dun Ġwann Borg. Wara l-Quddiesa, it-tielet prietka tat-Tridu minn Mons. Lawrenz Sciberras. Innu, Antifona, u Barka Sagramentali. Jiċċelebra l-Kan. Magister Carmelo Busuttil, Arċipriet tal-Birgu. Wara jsir il-bews tar-relikwija tad-Driegħ Mirakoluż.
7.00 pm Manifestazzjoni bl-istatwa ta’ San Pawl Nawfragu bil-parteċipazzjoni tal-Għaqda Mużikali Sant’Elena ta’ Birkirkara. Il-marċ jgħaddi minn Triq ir-Repubblika, Triq Santa Luċija, Triq San Pawl, Triq San Nikola, Triq il-Mediterran. Fl-aħħar tal-marċ, l-istatwa tittella’ fuq il-pedestall quddiem il-Barrakka t’Isfel.
IS-SIBT, 9 TA’ FRAR
LEJLET IL-FESTA
10.00 am Quddiesa għall-anzjani u għall-morda li fiha jiġi amministrat is-Sagrament tal-Griżma tal-Morda. Iqaddes l-ex. Arċipriet Kan. Mons. Alex Cordina. Il-qraba ta’ dawk li huma rikoverati f’xi dar tal-Anzjani huma mitluba jġibuhom huma stess.
5.15 pm Transulazzjoni Solenni mmexxija mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna. Għasar solenni bis-sehem tal-kor u l-orkestra.
7.00 pm Quddiesa Kantata ta’ lejlet il-Festa mmexxija mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Pawlu Cremona O.P. Arċisqof Emeritus.
7.00 pm Marċ tradizzjonali u popolari mill-Banda tas-Soc. Fil. Naz. ‘La Valette’ flimkien mal-Banda tal-Għaqda Mużikali Beland taż-Żejtun. Il-Banda  ‘La Valette’ tibda minn Triq ir-Repubblika, Triq San Ġwann, Misraħ San Ġwann, Triq Merkanti, Triq Melita, Triq San Pawl, Triq San Kristofru sa ħdejn il-Monument tal-Qanpiena, filwaqt li l-Banda Beland tibda minn Triq Melita, Triq San Pawl, Triq San Kristofru sa ħdejn il-Monument tal-Qanpiena. Fl-aħħar tal-marċ isir spettaklu pirotekniku tal-art u tal-ajru fil-Port il-Kbir imtella’ mill-Kummissjoni Nar tal-Għaqda tal-Pawlini.
IL-ĦADD, 10 TA’ FRAR
JUM IL-FESTA TAN-NAWFRAĠJU TA’ SAN PAWL
7.00 am Quddiesa ċċelebrata minn Patri Michael Camilleri O.P. Kappillan tal-Parroċċa ta’ Portu Salvu u San Duminku.
8.00 am Quddiesa ċċelebrata minn Patri Deo Debono O.S.A. Kappillan tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin.
Għall-quddies tas-7.00 am u tat-8.00 am mistiedna s-Superjuri u r-Retturi tal-Knejjes tal-Belt Valletta.
9.00 am Jasal l-Eċċ. Tiegħu Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta u l-Eċċ. Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta.
9.15 am Quddiesa Pontifikali mill-Eċċ. Tiegħu Mons Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta. Jinseġ il-Paniġierku l-istess Monsinjur Arċisqof.
11.45 am Quddiesa letta minn.Patri Victor Paul Farrugia O.Carm.
12.00 pm Il-Fondazzjoni Wirt Artna żżomm tradizzjoni antika ta’ sparar mis-Saluting Battery tal-Belt Valletta fl-okkażjoni tal-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, bħala l-Patrun tal-Gżejjer Maltin.
1.00 pm Marċ tradizzjonali u popolari mill-Banda tas-Soc. Fil. Naz. ‘La Valette’ li jgħaddi minn Triq San Pawl, Triq it-Teatru l-Antik, Triq ir-Repubblika, Triq Nofsinhar, Triq Zakkarija, Misraħ San Ġwann, Triq San Ġwann, Triq il-Merkanti, Triq Melita u Triq San Pawl.
3.45 pm Quddiesa bl-Ingliż għall-viżitaturi mill-Kan. Magister Carmelo Busuttil, Arċipriet tal-Parroċċa tal-Birgu.
4.45 pm Għasar Kantat.
5.30 pm Purċissjoni Sinodali bil-vara ta’ San Pawl u r-relikwija tad-Driegħ Mirakoluż. Imexxi l-Kan. Dun Stefan Galea. Takkumpanja l-Purċissjoni sad-dħul tal-vara fil-Knisja, is-Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat li tilqa’ l-vara ta’ San Pawl ħierġa mill-Knisja bl-innu lil San Pawl ta’ Mro. Cardenio Botti.
6.15 pm Is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan ta’ Ħal Qormi tesegwixxi marċ minn Triq ir-Repubblika, Pjazza San Ġwann u tkompli takkumpanja l-vara ta’ San Pawl minn Triq il-Merkanti, Triq Melita u Triq San Pawl sad-dħul tal-vara fil-Knisja.
7.00 pm Stqarrija tal-fidi fi Pjazza San Ġwann immexxija mill-Arċipriet, il-Kan. Pen. Dun Vinċenz Borg.
9.30 pm Dħul tal-purċissjoni, Innu, Antifona u Barka Sagramentali. Matul il-purċissjoni, isir akkumpanjament pirotekniku mtella’ mill-Kummissjoni Nar fi ħdan l-Għaqda tal-Pawlini.
IL-ĦADD, 17 TA’ FRAR
10.00 am Quddiesa ta’ ringrazzjament ’l Alla u lill-Appostlu Missierna San Pawl għas-suċċess tal-Festa. L-Arċipriet u l-Kapitlu jirringrazzjaw lil kull min ħa sehem biex il-Festa kienet suċċess. Dħul tal-Vara lura fin-niċċa.
Noti:
Matul il-ġranet tal-Festa jieħu sehem il-Kor Parrokkjali ‘Saulus’.
Fil-Quddiesa tal-ħruġ tal-vara ta’ San Pawl min-niċċa u mill-Ewwel Jum tat-Tridu ’l quddiem, il-Kor u l-Orkestra jkunu taħt id-direzzjoni tal-Maestro Dr Joseph Gatt Ph.D.
Fid-19 ta’ Jannar l-orkestra hija fuq stedina tal-Għaqda tal-Pawlini.

Il-Festa tal-Maltin

Fi żmien xahar, il-komunità Pawlina f’Malta u Għawdex ser tkun qed tiċċelebra l-wasla providenzjali tal-Appostlu Pawlu fi gżiritna. Fil-Belt Valletta l-Għaqda tal-Pawlini flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl, jagħmlu minn kollox sabiex nhar l-10 ta’ Frar tinżamm it-tradizzjoni antika ta’ festi kbar f’ġieh dan il-qaddis u l-wasla tiegħu fi xtutna.

Din is-sena it-tim li jieħu ħsieb il-komunikazzjoni fi ħdan l-Għaqda tal-Pawlini ħaseb li jfakkar li din mhix il-festa tal-Pawlini jew tal-Beltin biss iżda il-Festa tal-Maltin. Matul din il-festa nixtiequ nħeġġu lil kull Malti u Maltija sabiex jiskopri jew iġedded din il-ġrajja speċjali fl-istorja ta’ Malta u jispira ruħu minn dan il-persunaġġ ta’ rieda soda li wasal hawn skont ir-rieda t’Alla.

L-10 ta’ Frar hija l-Festa tal-Maltin. Hija festa li apparti li ġġorr magħha tradizzjonijiet varji, tixhed ukoll il-kultura reliġjuża tal-Maltin li sa minn sekli mgħoddija ħallew it-tamiet tagħhom fi Kristu hekk kif imxandar lilhom minn San Pawl. Hija festa li tixhed ukoll il-kultura antika tal-festi xitwin li aktar ma għaddew is-snin aktar naqsu. Dan mhux fil-każ tal-festa tan-Nawfraġju li baqgħet qalbiena bħall-baħrin tal-maltemp.

L-10 ta’ Frar hija l-Festa tal-Maltin għax hija tfakkira ta’ memorja li tat identità qawwija lil pajjiżna fuq skala Ewropea u Internazzjonali. Apparti l-valuri Kristjani u Kattoliċi din il-Festa tixhed ukoll kburija għal fatt li pajjiżna u l-Maltin jissemmew fil-Bibbja fost l-ewwel komunitajiet fejn Kristu kien imħabbar lill-umanità.

Huwa għalhekk li din il-Festa hija stedina mhux biss li niċċelebraw dan il-wirt għażiż tagħna bħala poplu iżda wkoll li nħaddnu u nrawwmu b’responsabbiltà dawn il-valuri li għaddilna San Pawl fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Laqgħa Ġenerali Annwali – Ottubru 2018

Nhar il-Ħadd 28 ta’ Ottubru 2018, inżammet il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Għaqda tal-Pawlini ġewwa d-Domus Pauli. Fost attendenza sabiħa, inħasset il-ħeġġa dejjem tikber lejn il-Festa, lejn dak il-jum tant għażiż tal-10 ta’ Frar.

Wara l-introduzzjoni tal-President, is-Sur Mario Cassar u l-qari tal-minuti mis-Segretarju Ġenerali s-Sur Douglas Mifsud, dan tal-aħħar qara rapport amministrattiv dettaljat fejn fih issemmew numru ta’ attivitajiet li organizzat l-Għaqda fl-aħħar xhur.
It-teżorier u viċi-president, is-Sur Mario Bonello ppreżenta r-rapport finanzjarju li ntlaqa’ tajjeb hekk kif ħareġ ċar li l-Għaqda tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja tajba.
Ta’ min isemmi li waqt din il-laqgħa ġiet approvata mozzjoni mressqa mill-kumitat ċentrali li ppropona Emenda fl-Istatut tal-Għaqda (Artiklu 3.b.v) dwar il-mandat ta’ tmexxija tal-Kumitat biex dan jibda jkollu terminu ta’ sentejn minflok sena.
Ġie mħabbar ukoll li s-Sur Pawlu Scerri u s-Sur Dione Montfort aċċettaw il-kariga ta’ Prokuratur tal-Vara u Kolletur Ufficjali rispettivament.

San Pawl u l-Festa l-Kbira

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħabbret il-programm tal-Festa l-Kbira – attività unika fejn l-erba’ festi u ż-żewġ baned tal-Belt Valletta ser jingħaqdu għall-ewwel darba bħala parti mill-programm Kulturali ta’ Valletta 2018. L-Għaqda tal-Pawlini tinsab kburija li ser tkun parti ntegrali minn din il-ġrajja unika għall-poplu Belti u Malti u qed tikkollabora bi ħġarha mal-Fondazzjoni sabiex is-7 ta’ April jibqa’ jum li jħalli legat profond lill-komunità tagħna.

Il-Festa l-Kbira ser tinżamm bejn l-4 u s-7 ta’ April b’attivitajiet fil-Port il-Kbir u tul it-toroq tal-Belt Valletta. Il-qofol tal-Festa l-Kbira ser ikun is-Sibt 7 ta’ April meta wara r-regatta tradizzjonali ta’ Jum il-Ħelsien fil-Port il-Kbir, ser isiru l-erba’ purċissjonijiet bl-istatwi titulari ta’ San Pawl, San Duminku, il-Madonna tal-Karmnu u Santu Wistin wara ċelebrazzjonijet reliġjużi fl-erba’ knejjes rispettivi. L-erba’ statwi ser jiltaqgħu fi Pjazza San Ġorġ fejn l-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna ser imexxi t-talb. Wara, l-istatwi akkumpanjati mill-baned, ser jimxu matul Triq ir-Repubblika lejn Bieb il-Belt qabel ikomplu r-rotta lejn il-knejjes rispettivi tagħhom.

Il-Ġimgħa 6 ta’ April, ser jittella’ marċ u kunċert konġunt bejn il-baned King’s Own u La Valette f’Pjazza San Ġorġ.

Il-programm komplut huwa kif ġej:

 

L-Erbgha, 4 t’April 2018

6:00pm          Konsagrazzjoni tal-Knisja u inawgurazzjoni tal-pavimentar ġdid ġewwa l-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu

Il-Ġimgħa, 6 t’April 2018

7:30pm      Il-Banda King’s Own u l-Banda La Valette jibdew marċ minn Pjazza Ħelsien sa Pjazza San Ġorġ. Il-marċ jasal fil-Pjazza fit-8:30pm

9:00pm      Il-Banda King’s Own u l-Banda La Valette jtellgħu kunċert konġunt fi Pjazza San Ġorġ. Kull banda ser ittella’ programm ta’ 40 minuta li jinkludi wkoll xi diskors qasir għall-okkażjoni għal total ta’ 100 minuta

Is-Sibt, 7 t’April 2018

11:45am     Regatta fil-Port il-Kbir

4:50pm       Preżentazzjoni tal-Valletta 2018 Shield ‘Leġġendi tal-Port il-Kbir’

5:00pm      Quddiesa fl-erba’ knejjes involuti

5.45pm       L-erba’ baned mistiedna jinġabru quddiem il-knejjes rispettivi sabiex isellmu l-vari titulari waqt il-ħruġ

6.00pm      Ħruġ tal-vari titulari (Rotot indikati hawn)

6:50pm      Il-vari titulari jibdew jaslu fi Pjazza San Ġorġ

7:35pm       Ċelebrazzjoni u mument ta’ talb li jinkorpora l-erbgħa festi flimkien. Din tkun mmexxija minn Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna

8:00pm      Il-vari titulari flimkien mal-baned jibdew triqthom tul Triq ir-Repubblika lejn Bieb il-Belt

9:10pm      Il-vari titulari jibdew jaslu fi Pjazza Ħelsien

9:30pm      Il-vari titulari jaqbdu r-rotta lura lejn il-Knisja rispettiva (Rotot indikati hawn)

10:45pm    Dħul tal-vari titulari fil-knejjes

L-1950 sena mill-Martirju tal-Appostlu Missierna San Pawl

Din is-sena jaħbat l-1950 sena mill-martirju tal-Appostlu Missierna San Pawl li seħħ fis-sena 67 f’Ruma. Dan hu anniversarju importanti kemm għall-Knisja fid-dinja u b’mod speċjali fl-Insinji Kolleġġjata Arċipretali u għall-Għaqda tal-Pawlini. Dan għaliex fil-Kolleġġjata tinsab parti mill-kolona li fuqha sar il-martirju ta’ San Pawl li hija relikwija meqjuma flimkien mad-driegħ.

Għalhekk l-Għaqda tal-Pawlini flimkien mar-Reverendissimu Kapitlu tal-Kolleġġjata nħadem programm apposta biex jiġi ċċelebrat dan l-anniversarju b’mod speċjali fix-xahar ta’ Ġunju.

Fil-Laqgħa Ġenerali tal-Għaqda tal-Pawlini li saret fis-6 ta’ Novembru 2017 ġiet inawgurat il-logo uffiċjali għal-festi speċjali sabiex jitfakkar il-Martirju tal-Appostlu Missierna San Pawl. Dan il-logo sar minn Alan Xerri. Il-logo juri l-kolonna li tinsab fil-Kolleġġjata kif ukoll fuq in-naħa tax-xellug il-palma li tissimbolizza l-martirju. Insibu wkoll il-kliem A.D. 67-2017, 1950 Sena mill-Martirju tal-Appostlu Missierna San Pawl, Patrun ta’ Malta u tal-Belt Kapitali, Valletta.