Rapport Amministrattiv

Rapport Amministrattiv, April 2022

ippreżentat mis-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda tal-Pawlini, Edward Bonello.

 

Introduzzjoni

 

F’isem il-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda tal-Pawlini, qed nippreżenta dan ir-Rapport Amministrattiv ta’ ħidma għall-perjodu Novembru 2021 – April 2022.

 

Festa 2022 – Nhar l-Għaxra ta’ Frar

 

Il-Festa ta’ din is-sena kienet waħda li żgur ser tibqa’ fil-memorja tagħna lkoll. Kienet festa li ġiet f’baħar ta’ sfidi u inċertezza, madanakollu il-Pawlini Beltin għal darb’oħra wrejna lil Malta kollha li aħna tassew baħrin tal-maltemp, u dawwarna l-isfidi f’suċċess. Hawn ser nagħti rendikont fil-qosor dwar il-preparamenti li ħejja l-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda bi preparazzjoni għall-festa.

Filfatt l-Għaqda tal-Pawlini applikat sabiex torganizza festa ridotta fid-dawl taċ-ċirkostanzi li kien għaddej minnhom il-pajjiż, liema programm kien jinkludi attivitajiet bilqiegħda minflok marċi, u l-Purċissjoni ridotta – jiġifieri b’ferm inqas nies minn dawk li imdorrijin bihom sabiex jiffurmaw bubbles skont il-liġi.

Din l-applikazzjoni sfortunatament ma ġietx milquha mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, u għalhekk xtaqna li nitkellmu ma’ tali awtoritajiet sabiex nispjegaw il-miżuri li kellna f’moħħna li nattwaw sabiex nipproteġu s-saħħa pubblika. Tali talba qatt ma ntlaqgħet. Għalhekk għamilna applikazzjoni oħra, din id-darba sabiex issir funzjoni Reliġjuża fi Pjazza San Ġwann, li għaliha jkun hemm il-vara preżenti ukoll, però din xortawaħda ġiet rifjutata mingħajr spjegazzjoni. Sadantittant sar kuntatt mal-Kurja tal-Arċisqof li tatna s-sostenn tagħha.

Għalhekk saret applikazzjoni oħra, din id-darba sabiex issir attività bilqiegħda fi Triq San Pawl bis-sehem tal-vara u tal-Banda La Valette, tali permess ħareġ nhar is-7 ta’ Frar 2022 fost il-ferħ u l-emozzjonijiet ġenwini tal-Pawlini.

Kienet festa li rrikediet impenn enormi – hekk kif konna responsabbli minn protokolli u loġistika estensiva. Mingħajr l-impenn u d-dedikazzjoni tal-membri ma konniex naslu.

M’aħna ser ninsew qatt il-mument li San Pawl tfaċċa fil-bieb tal-Kolleġġjata, wara sentejn nistennew dak il-mument, u għan-noti ta’ Cardenio Botti tal-Marcia San Paolo, ħareġ fosta u għall-ewwel darba fl-istorja dar l-isfel lejn il-wita tat-triq li ġġib ismu għall-attività li ħejjejna.

Kienet attività li ntlaqgħet tajjjeb – iżda iktar important minn hekk, rajna lil San Pawl fit-triq fostna – u ftaħna it-tieqa beraħ sabiex ħaddiehor issa jista’ jiċċelebra. Għal darb’oħra konna pijunieri u ktibna l-istorja.

San Pawl kien l-aħħar li ħareg fl-2020 – u San Pawl kien l-ewwel li reġa’ ħareġ fl-2022!

 

Festi ta’ Ġewwa

 

Il-festa naturalment kienet diġà laħqet qofol mill-isbah bil-festi rikki u imprezzabbli ta’ ġewwa, li jien inħobb insejhilhom ħamest ijiem ta’ Ġenna fl-Art!

Ta’ min jinnota li waqt il-Pontifikal Solenni kenna l-privileġġ li nilqgħu fostna lill-President tal-Parlament Ewropew Dr Roberta Metsola li għażlet proprju l-Festa tagħna sabiex tagħmel l-ewwel żjara uffiċjali tagħha wara li kienet għadha kif ġiet eletta fil-kariga tagħha ftit jiem qabel.

Nibqgħu niftakru din is-sena ukoll għax kien propju waqt il-Pontifikal Solenni ukoll li ġiet ikkonfermata iż-żjara Pastorali ta’ Papa Franġisku li għadha kif intemmet f’pajjiżna. Tassew kienet sena ta’ memorji kbar.

Il-kumitat din is-sena ħaseb li jagħżel tema ewlenijja għal din il-festa li kienet ‘Ġrajjietek Ġrajjietna’, tema li intużat fuq il-mezzi kollha. Din it-tema nebbħet l-organizzazzjoni tal-festa kollha sabiex jintlaħaq l-għan ewlieni tal-festa ta’ ġid spiritwali u għaqda fost il-Pawlini.

 

Festi ta’ Barra

 

Intant kif diġa għedna, il-Kumitat ħaseb li jeżerċita responsabbilità u kawtela kbira fl-organizzazzjoni tal-festa tant li minflok marċi organizza attivitajiet seated li għalihom tat is-sehem tagħha il-Banda La Vallette b’mod esklussiv.

Madanakollu, xortawaħda il-Kummissjoni Armar ħadet ħsieb li żżejjen it-toroq tal-Kapitali bl-isbaħ armar kif jixraq. Hawn ta’ min jinnota li għal din is-sena kellna t-triq tal-Knisja armata minn Triq Melita sas-Suq bil-pavaljuni l-ġodda – triq kapulavur uniku li issa lest mill-ħjata u sfumar kollu sabiex titgawda fil-festa tagħna.

Din is-sena komplejna nżanżnu ukoll proġett ieħor li miexi b’ritmu sabiħ – il-bandalori ta’ Misraħ San Ġwann li jġibu x-xbiegħat tal-Gran Mastri tal-Ordni. Baqa’ ħafna enerġija u ideat sabiex nagħmlu ħafna iżjed proġetti sbiħ – għalhekk nappella għas-sostenn tagħkom il-membri biex inkomplu naħdmu!

Bl-istess mod, l-Għaqda permezz tal-Kummissjoni Nar xortawaħda ħejjiet programm tan-nar sabiħ sabiex jakkumpanja l-mumenti tradizzjonali tal-festa.

Il-festa però ma bdietx mal-attivitajiet – kienet ilha titwassal fid-djar tal-Pawlini permezz tal-programm online li tellgħet il-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni – Strada San Paolo.

Għal darb’oħra dan il-programm xeħet dawl fuq aspetti oħra tal-festa permezz ta’ intervisti u features maħdumin għall-okkażjoni – programm li reġa’ ntlaqa’ tajjeb u kien imfaħħar ħafna – grazzi mill-qalb lil dawk kollha li kienu involuti fil-produzzjoni.

Ftit jiem qabel iltqajna f’dan it-tempju ghal edizzjoni oħra suċċess tas-Serata Musico-Letterarja – din id-darba bit-tema ‘il-Ġrajja’, li għal darb’oħra tatna esperjenza mill-isbah ta’ arti u letteratura bit-tema Pawlina imtella’ b’tant professjonalita mill-Akkademja Kulturali Pawlina tal-Għaqda tagħna.

Hawn ukoll, iċċelebrajna flimkien mat-tfal tagħna, il-Festa tat-tfal, bil-purċissjoni bil-vara ż-żgħira ta’ San Pawl li għal din is-sena saret minn taħt in-navi tal-Knisja !

Il-Kumitat għal darb’oħra organizza ukoll żjara sal-Bank tad-Demm f’tal-Pietà fejn numru sabiħ ta’ membri taw id-demm – tradizzjoni li issa daħlet tajjeb fil-kalendarju tagħna.

Ma kienetx tkun festa kompluta kieku ma ħrigniex il-pubblikazzjoni tal-festa annwali tagħna li l-Board Editorjali għal darb’oħra ħa ħsieb bi professjonalità kbira.

L-istess nistgħu ngħidu għall-pubblikazzjoni li tiħu ħsieb il-Fergħa Żgħażagħ ‘Leħen iż-Żgħażagħ’ kif ukoll il-Flokk tal-festa – li it-tnejn intlaqgħu tajjeb ferm.

 

Xogħol ta’ matul is-sena

 

Issa nixtieq nagħti ħarsa lejn ix-xogħol estensiv li l-Għaqda għamlet permezz tal-Kumissjonijiet u l-Fergħat tagħha matul is-sena u li mhux neċessarjament direttament għandu x’jaqsam mal-Festa.

 

Proprjetajiet tal-Għaqda

 

Nibda b’numru ta’ proġetti importanti li bħalissa għaddejjin b’rabta mal-proprjetajiet tal-Għaqda. L-Għaqda għandha bi prijorità li tiħu ħsieb il-proprjetà tagħha sabiex inkunu f’pożizzjoni li nagħmlu użu dejjem aħjar minnha.

Filfatt il-Kumitat, bl-għajnuna tal-Arċipriet u l-Kapitlu irnexxielu jottjeni titlu iktar b’saħħtu ta’ Ċens fuq il-Maħżen ta’ Triq Sant’Ursola mill-Arċikonfraternità tal-Karitá – proprjetà li sa issa l-Għaqda kienet tuża b’titlu li ma kienx sod legalment. Dan il-maħżen għalhekk issa jgħajjat lill-Għaqda b’garanzija ta’ tul ta’ snin u għalhekk issa beda xogħol ta’ manutenzjoni u restawr fih sabiex ikun jista jintuża b’mod iżjed effiċjenti.

Intant ix-xogħol li jinvolvi tindif tal-ġebla, dawl u ilma ġdid, issa miexi b’ritmu b’saħħtu u daqt inkunu nistgħu nistivaw l-armar tagħna fih. Dan il-proġett qed isir bil-fondi miksuba mill-Kunsill Malti ghall-Arti u l-Kultura u bis-suppport tal-Perit Andrew Ellul li nirringrazzjawh.

Sadanittant għaddej xogħol ieħor bħalissa – din id-darba xogħol fuq il-faċċata tad-Dar tal-Pawlini fejn qed isir restawr taż-ħewġ gallariji tal-injam u l-aperturi u l-bieb. Dan qed isir b’fondi oħrajn li l-Għaqda kisbet b’suċċess mill-Planning Authority.

 

Riforma Shubija

 

Fl-aħħar xhur, implimentajna ukoll ir-Riforma tas-Sħubija wara li intom tajtuna l-mandat waqt l-aħħar Laqgħa Ġenerali li għamilna f’dan il-post. Illum filfatt ser inkunu qed inqassmu l-cards skont il-livelli tas-sħubija li għażiltu intom – Magnus, Ħuġġieġa, Lifgħa, Sejf u Pawlini. Din ir-riforma ntlaqgħet tajjeb ħafna u l-membri rrikorrew bi ħġarhom. Nappella lil dawk li għadhom ma għażlux livell ta’ sħubija sabiex jagħmlu dan mill-iżjed fiss sabiex jibqgħu membri tal-Għaqda tagħna.

 

Armar

 

Fl-aħħar xhur l-Għaqda tagħna permezz tal-Kummissjoni Armar sebbaħna it-triq tal-Knisja bl-armar tagħna f’ħafna okkażjonijiet – speċjalment il-festi li jiġu ċċelbrati fil-Kolleġġjata tagħna bħal San Mikiel, San Martin, San Omobonu u San Krispin u San Krispinjanu, kif ukoll il-Milied u okkażjonijiet oħrajn.

Dan kollu sar fl-istess waqt li kienet għaddejja ħidma ta’ riorganizzazzjoni estensiva tal-imħażen sabiex dejjem nibżgħu għall-wirt tal-armar tagħna, kif ukoll xoghol ta’ kirjiet kummerċjali.

 

Komunikazzjoni

 

Naqleb issa għall-ħidma fil-qasam tal-komunikazzjoni, fejn l-Għaqda ħadet il-messaġġ tagħha, u l-mod ta’ kif twasslu, bis-serjetà iżjed minn qatt qabel. Illum nistgħu ngħidu li l-Għaqda tagħmel użu eċċellenti mill-pjattaformi kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, kemm diġitali soċjali kif ukoll tradizzjonali. Dwar l-użu tas-Social Media nistgħu ngħidu li llum l-Għaqda twassal leħinha b’mod frisk u attwali u regolari. Dan kien impenn li intlaqa’ tajjeb ferm tant li illum nikkalkulaw li l-interazzjonijiet mal-paġna tal-Għaqda fl-aħħar xhur żdied b’25%.

Ma abbandunajniex il-mezzi tradizzjonali tant li żammejna preżenza anke fuq mezzi bħat-televiżjoni u r-radju meta kellna bżonn inħabbru jew inniedu proġetti ġodda u attivitajiet speċjali.

 

Attivitajiet

 

Ngħaddi issa sabiex nitkellem dwar in-numru sabiħ ta’ attivitajiet li organizzajna sabiex nibqgħu inżommu l-kuntatt, filwaqt li niġbru fondi b’risq il-festa.

Fil-jiem tal-Milied saret attività bl-isem ‘Il-Banda tal-GranMastru’ b’kollaborazzjoni mas-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Valette fis-sede tagħhom. Din l-attività kompliet tgħaqqad iż-żewġ entitajiet u l-membri rispettivi.

Saret ukoll bibita għall-membri tal-Għaqda sabiex ningħaqdu qabel il-Milied kif ukoll id-Dinnerdance tal-Festa ġewwa l-Lukanda Westin f’San Ġiljan bis-support tal-Fondazzjoni Save a Life.

Il-Fergħa Żgħażagħ ħadu ħsieb li jżommu lill-Pawlini ċkejknin attivi permezz tal-attività ta’ żmien il-Milied ‘Nagħmlu Grotta’ kif ukoll il-Bake Sale filwaqt li l-Fergħa Nisa għamlu numru sabiħ ta’ attivitajiet bħal Coffee Mornings li dejjem iħallu qligħ sabiħ.

Fl-aħħar u mhux l-inqas ma nistax ma nsemmiex proġett ambizzjuż li għamilna wisq kburin – il-ktieb tal-50 sena. ‘L-Għaqda tal-Pawlini – L-Ewwel Ħamsin Sena’ filfatt kien proġett li sar fuq numru ta’ snin u li kien jinvolvi riċerka estensiva minn grupp ta’ voluntiera membri professjonali li taw lill-Għaqda ġojjell imprezzabbli.

F’dan il-ktieb insibu l-istorja kollha tal-Għaqda għażiża tagħna fid-dettall tal-kumitati differenti, l-attivitajiet li organizzajna, il-ġrajjiet u l-festi li ċċelebrajna – żgur li ktieb li kull min għandu l-Għaqda tagħna jew il-festa għal qalbu żgur għandu jkollu.

Minn qalbi nirringrazzja lil Martin Gravina, Pawlu Mizzi u Carl Farrugia tax-xogħol imprezzabbli li huma taw f’dan il-proġett. Min għadu ma akkwistax kopja, jista’ jagħmel dan illum wara din il-laqgħa.

 

Ringrazzjamenti / konklużjoni

 

Ma nistax nagħlaq dan ir-Rapport Amministrattiv mingħajr ma nagħmel ftit ringrazzjamenti. L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lill-Arċipriet ħabrieki tagħna, Kan. David John Cilia li l-għaqal u d-determinazzjoni tiegħu huma dejjem gwida għalina f’kull mument tal-ħidma tagħna.

Nirringrazzja ukoll lill-Viċi Arċipriet Kan. David Torpiano li dejjem insibuh ta’ spalla magħna, dejjem b’kelma ta’ kuraġġ.

Il-President Douglas Mifsud li mexxa l-ewwel Festa tiegħu b’determinazzjoni u viżjoni għaqlija. Douglas wera mill-ewwel li huwa President kapaċi jgħaqqad lill-Pawlini flimkien u jmexxihom anke meta jinqalgħu l-isfidi – u dan għamlu b’suċċess!

Sħabi kollha tal-Kumitat li ħdimna kollha flimkien katina waħda – kulħadd tista’ tgħid espert fil-qasam tiegħu u b’energija sabiħa.

Fl-aħħar u mhux l-inqas nirringrazzja lill-membri kollha tal-Għaqda tagħna, kemm dawk li huma magħna llum, kif ukoll dawk li marru jgawdu lill-Appostlu tal-Ġnus mill-viċin.

L-Għaqda tagħna għandha l-kariżma li iktar ma taffaċċja sfidi iktar tissoda u iktar tikber! Din xi ħaġa li rajniha sseħħ quddiemna din is-sena. Ejja nkomplu ningħaqdu flimkien u nkomplu naħdmu, sabiex niċċelebraw flimkien u nikbru flimkien.

 

Għax San Pawl magħna!

 

***

 

Dan ir-Rapport Amministrattiv kien moqrij, approvat u ffirmati llum, il-5 ta’ April 2022.

 

Douglas Mifsud                                                                  Edward Bonello

President                                                                               Segretarju Ġenerali

Ġrajjietek Ġrajjietna

It-twaħħid tal-istorja mqanqla ta’ Pawlu u dik tal-Gżejjer Maltin, bla dubju ta’ xejn tibqa’ waħda mill-isbaħ mumenti li qatt inkitbu.

Il-paralleliżmu tal-kult u t-twemmin naqqax darba għal dejjem din in-nisġa’ t’avvenimenti f’bixra waħdanija, unika.

Dak li għadda minnu Pawlu meta kien fostna u dak li għexu l-Maltin, kemm waqt u kif ukoll wara li telaq Pawlu minn Malta, sawwar din l-istorja ta’ mħabba fi ġrajja waħda – Tiegħu u tagħna! Inkellmuh b’kunfidenza, għax għalina hu wieħed minna, li jkun magħna kuljum.

#ġrajjietekġrajjietna

Kull Qatra Tgħodd

GĦOTI TAD-DEMM
Kunu magħna! Nhar is-Sibt 28 t’Awwissu 2021.
Ejja niċċelebraw festa ta’ mħabba lejn min l-aktar li għandu bżonn!

Attivita mtella flimkien mal-Fondazzjoni ‘Save a Life’.

Irreġistra: 79447674

Stqarrija dwar il-Pellegrinaġġ ta’ nhar il-Ħadd 5 ta’ Settembru 2021

Stqarrija Konġunta tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta u l-Għaqda tal-Pawlini

Fid-dawl tad-direttivi fis-seħħ, hekk kif stabbiliti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, il-kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta u l-Għaqda tal-Pawlini jixtiequ jgħarrfu li l-pellegrinaġġ bil-vara ta’ San Pawl li kellu jsir il-Ħadd 5 ta’ Settembru 2021 mhux ħa jsir.

Nappellaw biex filwaqt li nħarsu s-saħħa ta’ xulxin, nibqgħu inpoġġu s-saħħa tal-poplu tagħna taħt il-ħarsien tal-Appostlu Missierna San Pawl.

Kan. David Cilia – Arċipriet
Kan. David Torpiano – Kanċillier
Douglas Mifsud – President, Għaqda tal-Pawlini
Edward Bonello – Segretarju, Għaqda tal-Pawlini

50 SENA TAL-GĦAQDA TAL-PAWLINI

Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru 1970 fis-6.00p.m. fl-Anglo Maltese Club, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta saret l-ewwel laqgħa għal nies li kellhom għall-qalbhom il-festa ta’ San Pawl.

Il-Fundatur Pawlu Asciak qal li għandu l-approvazzjoni sħiħa mill-Kapitlu dwar it-twaqqif tal-Għaqda. F’din il-laqgħa ġie approvat l-istatut kif ukoll inħatar l-ewwel kumitat fejn Pawlu Asciak inħatar President.

Minn dakinhar għaddew 50 sena, 50 sena li fihom l-Għaqda tmexxiet minn 10 presidenti kif ukoll numru kbir ta’ persuni involuti fil-Kumitat Ċentrali, Fergħa Żgħażagħ Pawlini, Fergħa Nisa, Akkademja Kulturali Pawlina, Kummissjoni Armar, Kummissjoni Nar u oħrajn b’ammont kbir ta’ voluntiera kollha b’għan wieħed.

“Bl-iskop li l-festi, partikolarment ta’ barra ad unur tal-Kbir Appostlu Missierna San Pawl li jsiru fil-Belt Valletta, fil-Jum Nazzjonali tal-10 ta’ Frar, jieħdu xejra kif tixraq lil din il-Festa li tfakkarna, minn dejjem, fl-aqwa SEBĦ tal-Ġrajja Maltija, meta b’NAWFRAĠJU Provvidenzjali tal-Kbir Alla, il-Ġifen, li fuqu kien ibaħħar l-Appostlu tal-Ġnus fi triqtu lejn Ruma, ġie mitfugħ fuq il-Blat tal-Ġżejjer tagħna Maltin!!” – Minuti tal-ewwel laqgħa tal-Għaqda tal-Pawlini.

Dettall mill-Minuti tal-ewwel laqgħa li saret fis-6 ta’ Novembru 1970

Ċirkulari għall-ewwel laqgħa tal-Għaqda tal-Pawlini

 

Pawlu Axiak – Fundatur

Għaqda ta’ kuluri Pawlini

Il-kulturi u l-wirt tal-festi tagħna huma festa ta’ kuluri. Kuluri ta’ drawwiet, persunaġġi, ritwali, mużika, armar u logħob tan-nar.  Permezz tal-installazzjoni Kuluri Pawlin, l-Għaqda tal-Pawlini tal-Belt Valletta qed tfakkar u tiċċelebra r-rikkezza ta’ dawn il-valuri fl-okkażjoni tal-50 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha nhar is-6 ta’ Novembru 1970 mill-fundatur tagħha t-tenur Pawlu Asciak.

Tul dawn il-ħamsin sena, l-Għaqda tal-Pawlini rawmet saħħa fid-diversità, kif ukoll għaqda ġenwina sabiex tkattar l-imħabba tal-Maltin u l-Għawdxin lejn San Pawl, il-padrun ta’ Malta, permezz tal-festa tan-Nawfraġju tiegħu li tkun ċċelebrata fil-Belt Valletta nhar l-10 ta’ Frar. Dan kollu sar tul is-snin imgħoddija u għadu jseħħ b’impenn għat-tisħiħ spiritwali tal-membri u għall-integrazzjoni tagħhom fil-ħajja soċjali u kulturali tal-Komunità Parrokkjali Pawlina. 

Sabiex jiġi mmarkat dan il-ġublew, l-Akkademja Kulturali Pawlina flimkien mal-Kummissjoni Armar fi ħdan l-Għaqda tal-Pawlini, ħejjew installazzjoni artistika fi Triq Santa Luċija bit-titlu Kuluri Pawlini. Kulħadd huwa mistieden iżur din l-installazzjoni kkulurita sal-aħħar ta’ Novembru 2020 u jippubblika tifkira fotografika fuq il-mezzi soċjali billi juża il-hashtag #kuluripawlini.

 

Żjara mis-Sindku tal-Belt Valletta

Aktar kmieni llum, is-Sindku tal-Belt Valletta s-Sur Alfred Zammit, żar lil membri tal-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda tal-Pawlini. Filwaqt li awgura l-isbaħ xewqat lill-Għaqda tal-Pawlini, is-Sur Zammit saħaq fuq l-importanza tal-għaqda bejnietna u reġa’ tenna l-intenzjoni tiegħu ta’ ħidma b’risq il-Parroċċa Pawlina kif ukoll il-parroċċi kollha tal-Belt Kapitali.

Is-Sindku kompla billi tkellem fuq il-ħidma diretta tiegħu lejn il-Parroċċa speċjalment ir-restawr tal-faċċata tal-Knisja Kolleġġjata – ħolma u ħidma tiegħu stess li jixtieq jaraha mwettqa sal-aħħar ta’ dan id-dekasteru. Huwa stieden lill-kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini u lill-Kapitlu tal-Kolleġġjata sabiex tiġi organizzata laqgħa fil-Kunsill Lokali fejn matulha jkun jista’ jiġi ppreżentat il-proġett ta’ riċerka mill-Perit. Semma wkoll l-impenn tiegħu sabiex jikkonvinċi Ministri u Segretarji Parlamentari biex jifhmu l-bżonnijiet kapitali kbar tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.

Is-Sindku rrefera wkoll għal proġetti ta’ tisbiħ u titjib li qed isiru ħidma fuqhom fosthom dawk tal-parking sensors u parkeġġi kif ukoll l-uġigħ ta’ ras dwar l-aħħar episodji ta’ vandaliżmu li seħħew. Qasam ukoll magħna l-ħolma ta’ tisbiħ ta’ Strada Rjali u r-ringroad b’intelligent lighting. Zammit kompla billi insista li huwa lest jibqa’ jgħin lill-festi Beltin għax hekk huwa xieraq speċjalment quddiem ir-realtà li l-Belt kapitali tibqa’ tattira l-akbar maġġoranza ta’ turisti fil-Pajjiż. Għalhekk il-ħajja fil-Belt Valletta jixirqilha kull attenzjoni. Huwa qed jibqa’ jistinka sabiex jissaħħu l-festi Beltin u anki l-Ġimgħa l-Kbira u d-Duluri li huma tant għal qalbu.

Is-Sindku sellem ukoll lill-Arċipriet Dun David John Cilia u qasam magħna s-sodisfazzjon li din il-Parroċċa sabet ragħaj b’tant enerġija pożittiva u intelliġenza. Semma kif fil-pjan tiegħu għandu ħidma mal-Arċipriet u l-Kappillani tal-parroċċi Beltin b’risq ir-residenti.

Fl-aħħar, il-President tal-Għaqda tal-Pawlini, is-Sur Mario Cassar flimkien mas-Segretarju s-Sur Douglas Mifsud preżentaw kwadru tal-vara titulari lis-Sindku – hekk kif sar mal-Arċisqof u l-President ta’ Malta. Rigal li kien apprezzat ferm mis-Sur Zammit u li ser isib postu fil-kollezzjoni personali.

Din il-laqgħa kienet parti mill-programm fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju mit-twaqqif tal-Għaqda tal-Pawlini. Ir-ritratti ġew ġentilment meħuda minn Carl Farrugia.

 

Il-Festa tal-1970 u t-twaqqif tal-Għaqda tal-Pawlini

Kitba tas-Sur Martin Gravina – Dip. Educ.(Adm. & Mangt.)

“…li l-festi partikolarment ta’ barra, ad unur tal-Kbir Appostlu Missierna San Pawl li jsiru fil-Belt Valletta, fil-‘Jum Nazzjonali’ tal-10 ta’ Frar, jieħdu xejra kif tixraq lil din il-festa li tfakkarna, minn dejjem, fl-aqwa SEBĦ tal-Ġrajja Maltija, meta b’Nawfraġju Providenzjali tal-kbir Alla, il-ġifen, li fuqu kien ibaħħar l-Appostlu tal-Ġnus fit-triqtu lejn Ruma, ġie mitfugħ fuq il-blat tal-gżejjer tagħna Maltin.”

Pawlu Axiak – 6 ta’ Novembru 1970

_

Il-Festa tal-1970, tibqa’ mfakkra bħala sena memorabbli għall-Pawlini, għax din il-festa wasslet biex dik is-sena tkun imwaqqfa l-Għaqda tal-Pawlini.

Il-Festa ta’ dik is-sena kienet ġiet trasferita għas-16 ta’ Frar. Dan sar skond id-digriet tal-Papa Ljun XIII fl-1891, li kien ikkonċeda li l-Festa tan-Nawfraġju tkun trasferita bil-privileġġi kollha tagħha għall-ewwel Tnejn tar-Randan, kull meta l-10 ta’ Frar jaħbat fl-erbat ijiem ta’ qabel ir-Randan.

It-tħejjija għall-festa bdiet nhar il-Ħadd 18 ta’ Jannar meta kif kienet l-użanza, fil-kwarta ta’ wara nofsinhar, sar il-ħruġ tal-vara ta’ San Pawl min-niċċa li kienet fil-kappella ta’ San Mikiel. L-Ottavarju kien sar bejn il-25 ta’ Jannar (jum il-konverżjoni ta’ San Pawl) u l-31 ta’ Jannar. Dan kien jikkonsisti minn quddiesa li kienet fis-sitta u nofs, imbagħad prietka u ċelebrazzjoni Ewkaristika. Minħabba l-fatt li l-festa kienet trasferita għas-16 ta’ Frar, it-Tridijiet saru bejn it-tnax u l-erbatax ta’ Frar. Fit-tridijiet, wara l-quddiesa kantata ta’ filgħaxija saret il-prietka minn Patri Bonaventura Camilleri O.F.M. Conv. u kull jum intemm bil-kurunella, l-antifona u ċelebrazzjoni Ewkaristika.

Is-Sibt 14 ta’ Frar filgħodu, l-Arċipriet koadjatur Kan. Dun Anton Galea bierek il-pittura xogħol ta’ Emvin Cremona li nsibu fil-koppla kif ukoll l-apside li hemm fil-kappella tal-Karità. Il-pittura tal-koppla tirrappreżenta l-opri tal-ħniena lejn il-proxxmu filwaqt dik tal-apside turi l-knisja żgħira tal-Fawwara li tappartjeni lill-Konfraternità u x-xbiha tal-fundatriċi. L-Arċikonfraternità tal-Karità kienet ħallset l-ispejjeż ta’ din il-pittura. Fl-istess ġurnata l-istess Arċikonfraternità qassmet 56 hamper lill-foqra.

Waranofsinhar, il-Catholic Tourist Guild bi grupp ta’ 150 turist flimkien ma’ nies li kienu minbarra l-Belt żaru l-knisja li kienet armata għall-okkażjoni. It-translazzjoni solenni tmexxiet mill-Vigarju Ġenerali E.T. Monsinjur Emmanuel Galea, fejn imbagħad wara l-għasar l-Isqof Koadjatur Monsinjur Emmanuel Gerada qaddes quddiesa letta. F’dak li jirrigwardja l-programm tal-festi esterni, lejlet il-festa l-Banda Nazzjonali ‘La Valette’ għamlet marċ minn Strada Rjali sa Triq l-Ibjar.

 

Il-promotur u fundatur tal-Għaqda tal-Pawlini, is-Sur Pawlu Axiak

Jum il-Festa

It-Tnejn 16 ta’ Frar li kien Jum il-Festa, fid-disgħa u kwart ta’ filgħodu kienet iċċelebrata l-Quddiesa Pontifikali min-Nunzju Appostoliku, l-E.T. Mons. J. Moioli fejn il-paniġierku sar mill-Amministratur Appostoliku t’Għawdex, l-E.T. Mons. Nikol Cauchi. Fl-erbgħa ta’ waranofsinhar, saret il-prietka mill-Kanonku Dun Ġwann Ciarlò u segwita bl-għasar fejn wara kellu jsir il-ħruġ tal-purċissjoni bid-driegħ u l-vara ta’ San Pawl. F’dan il-jum filgħodu, delegazzjoni tal-Korp Diplomatiku għamlet vista fil-knisja fejn ma naqasx ukoll li jieħdu ritratt quddiem il-vara ta’ San Pawl.

Għalkemm din il-ġurnata kienet sabiħa b’waqtiet ukoll xemxin, meta l-marċ magħruf bħala tas-siegħa, mill-Banda ‘La Valette’ kien wasal lejn tmiemu għall-ħabta tal-ħamsa u nofs, l-arja bdiet tiksaħ filwaqt li temp beda jikrih fejn anki għamlet ħalba xita. F’dan il-ħin iż-żewġ baned ta’ Ħal Qormi San Ġorġ Martri u Pinto, kif ukoll il-Banda Our Lady of Consolation tal-Gudja waqfu mill-marċi li kienu bdew fl-erbgħa ta’ waranofsinhar minn diversi postijiet. Ix-xita wasslet sabiex in-nies bdiet issib kenn fil-knisja ta’ San Pawl kif ukoll fis-sagristija. Imbagħad it-temp kompla b’ħalbiet ta’ xita fejn aktar tard kienu aktar fil-qrib.

F’dan il-ħin l-Arċipriet il-Kan. Dun Anton Galea, laqqa’ l-kapitlu fis-sagristija ż-żgħira biex tittieħed deċiżjoni dwar jekk issirx il-purċissjoni. Huwa għamel kuntatt mad-dipartiment meterjoloġiku, fejn kien mgħarraf li filgħaxija kienet mistennija aktar xita. Għaldaqstant, il-kapitlu ddeċieda li filwaqt li l-purċissjoni tkun imħassra, jekk it-temp jippermetti, il-purċissjoni bil-vara ta’ San Pawl tkun trasferita għall-Ħadd 22 ta’ Frar. Fil-fatt il-purċissjoni kienet saret f’dak il-Ħadd, fejn anki l-Banda ‘La Valette’ kienet reġgħet għamlet il-marċ tas-siegħa.

Fil-ħin li kienet għaddejja l-laqgħa tal-kapitlu, in-nies bdew jistaqsu jekk il-purċissjoni kinetx ser toħroġ. Qam ħafna storbju fis-sagristija, inkluż tisbit fuq il-bankun il-kbir. F’ħin minnhom meta l-Pawlini bdew jaraw li ma kellhom l-ebda sodisfazzjon dwar x’ser jiġri mill-kumplament tal-festa, Pawlu Asciak flimkien ma’ Pawl Zammit li kienu fost in-nies, bdew jgħidu tagħhom u jipprotestaw. Bdew jgħajtu li jridu jitkellmu mal-kapitlu. Riedu deċiżjoni. F’dan il-ħin meta l-miġemgħa bdiet aktar tisħon, il-Viċi tal-Parroċċa Dun Karm Zammit, beda joħroġ in-nies ’il barra mis-sagristija. In-nies għamlet tentattiv ieħor billi reġgħet daħlet fis-sagristija u kompliet bl-istorbju b’Pawlu Axiak ikompli jgħajjat li jridu jiltaqgħu mal-kapitlu. Anki hawn, Dun Karm Zammit reġa’ ħareġ lill-kulħadd ’il barra mis-sagristija, fejn issuġġerixxa li min hu interessat fil-festa ta’ San Pawl, jista’ jiġi wara l-festa u jitkellmu mal-Arċipriet, biex deċiżjonijiet bħal dawn ma jitħallewx għall-aħħar mument.

L-għada, 17 ta’ Frar fit-tmienja u nofs ta’ filgħodu, Pawlu Axiak b’determinazzjoni li l-objettiv tiegħu jintlaħaq mar fis-sagristija ta’ San Pawl. Hemmhekk huwa ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Dun Karm Zammit fejn b’vuċi soda Pawlu Axiak qallu “Hawn Jien ġejt”. Dun Karm pront staqsih “Għadek bil-ħsieb li twaqqaf l-Għaqda tal-Pawlini?” Pawlu Axiak wieġbu fl-affermattiv u Dun Karm Zammit ħadu għand l-Arċipriet. Dun Karm Zammit qal lill-Arċipriet “dan irid iwaqqaf l-Għaqda tal-Pawlini.” Pawlu Axiak wera mal-Arċipriet ix-xewqa tiegħu li titwaqqaf Għaqda b’forma statutorja bil-għan li tkun tista’ taħdem fuq il-festi u armar ta’ barra. Dun Anton Galea barra li kien qallu li ħa jieħu l-opinjoni tal-kanonċi staqsih ukoll x’kellu f’moħħu, (minħabba l-fatt li Dun Anton Galea ried li l-kapitlu jibqa’ jkollu sehem tiegħu fil-festa kollha).

Dun Anton Galea kien tkellem bix-xewqa ta’ Pawlu Axiak mal-kanonċi, u kemm Dun Ġwann Borg kif ukoll Dun Ġwann Ciarlò fehmu li dan il-ħsieb kien f’waqtu. Dan minħabba l-fatt li miċ-ċelebrazzjoniijiet taċ-ċentinarju tal-1960 il-festa kienet marret lura kif ukoll minħabba li l-prokuratur tal-festa l-Kanonku Dun Ġużepp Zammit, kien imdaħħal fiż-żmien. Kemm Dun Ġwann Borg kif ukoll Dun Ġwann Ciarlò ħassew li kien mument f’waqtu dak li kien qiegħed jipproponi Pawlu Axiak u għalhekk ħeġġew lill-Arċipriet sabiex din l-opportunità ma tintilifx u jagħti sehmu fit-twaqqif ta’ din l-Għaqda. F’laqgħa li l-Arċipriet kellu mal-kapitlu, qalilhom bis-suġġeriment li kellu Pawlu Axiak. Minkejja li l-maġġoranza tal-kapitlu kien favur il-viżjoni ta’ Pawlu Axiak, sa Settembru kien għadu ma seħħ xejn. Imma nhar il-15 ta’ Settembru 1970 il-Kapitlu bi pjaċir ippermetta t-twaqqif tal-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini, kif proposta minn Pawlu Asciak bl-iskop li titkabbar il-Festa Nazzjonali ta’ San Pawl, bil-patt u sakemm jiġu mħarsa, b’kull mezz neċessarju, inkluż ukoll, li jkunu integrati fl-istatut tal-istess Għaqda il-provvedimenti mressqa mill-kapitlu. Hawnhekk il-kapitlu kien ippreżenta numru ta’ proposti, bħala termini ta’ referenza għat-twaqqif tal-Għaqda u l-istatut. Fl-20 ta’ Settembru Dun Anton Galea kien bagħat għal Pawlu Axiak fejn kellmu dwar l-approvazzjoni tal-kapitlu. L-għada ta’ din il-laqgħa, Pawlu Axiak kien kiteb ittra lill-kanonku Dun Salv Cauchi li kien segretarju tal-kumitat tal-organizazzjoni tal-festa ta’ dak iż-żmien. Fit-30 ta’ Settembru Pawlu Axiak kien imbagħad iltaqa’ mar-rappreżentanza tal-kapitlu: Dun Anton Galea bħala l-Arċipriet, Dun Ġwann Borg u Dun Ġwann Ciarlò fejn minn din il-laqgħa, Pawlu Asciak kien muri linji gwida li kienu approvati mill-istess kapitlu biex tkun tista’ titwaqqaf l-Għaqda u jkun imfassal l-istatut. F’din il-laqgħa ħareġ ukoll li kien hemm l-eżistenza ta’ żewġ kumitati li kienu jorganizzaw il-festa. Wieħed minnhom kien jieħu ħsieb it-tmexxija tal-festa mill-knisja parrokkjali (prokuratur Kan. Dun Ġużepp Zammit), filwaqt li l-ieħor (responsabbli minnu Sur Francis Tabone) kien jorganizza l-festa esterna minn Triq San Pawl ’l isfel u dawk l-inħawi. L-istatut li kienu wkoll inkorporati drittijiet mitluba mill-Kapitlu kien tlesta fi żmien xahrejn u rfinut tul is-sentejn ta’ wara.

Jekk mal-kumitat tat-tmexxija tal-festa mill-knisja parrokkjali għal Pawlu Axiak kienet daqsxejn diffiċli, bl-għajnuna ta’ Dun Anton Galea, Pawlu Axiak kien iltaqa’ Francis Tabone fejn flimkien ħadmu biex timxi l-idea li jkunu mistiedna numru ta’ membri minn kull kumitat biex b’hekk setgħet issir l-ewwel laqgħa.

Ċirkulari għall-ewwel laqgħa tal-Għaqda tal-Pawlini

 

Dettall mill-Minuti tal-ewwel laqgħa li saret fis-6 ta’ Novembru 1970

L-ewwel laqgħa

Kien il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru 1970 fis-sitta ta’ filgħaxija, fl-Anglo Maltese Club, Triq Merkanti, fejn inżammet l-ewwel laqgħa għal nies li kellhom għal qalbhom il-festa ta’ San Pawl. F’din il-laqgħa, tal-ewwel kumitat li ngħata l-isem “Għaqda tal-Pawlini”, kien ġie wkoll magħżul l-ewwel kumitat ta’ din l-Għaqda. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Sur Pawlu Axiak li kien il-promotur u fundatur tal-Għaqda, kif ukoll is-sinjuri Paul Degiorgio, Paul Abela, Paul Zammit, Paul Galea, Rev. Patri Pawl Pisani, Emmanuel Axiak, Richard Cremona, Francis Tabone, Carmelo Catania, Duminku Farrugia u Ġużeppi Sultana. Wara li ntqalet talba qasira minn Patri Pawl Pisani, ta bidu għal din il-laqgħa Pawlu Axiak fejn fakkar lill-membri bl-iskop tal-laqgħa, id-diversi kuntatti li kellu ma’ kull individwu preżenti kif ukoll m’oħrajn interessati, kif ukoll b’mod speċjali mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl tal-Belt. Huwa stqarr ukoll li għal din il-laqgħa kellu l-approvazzjoni sħiħa tal-Kapitlu flimkien ma’ ħwejjeġ oħra li kienu konnessi mat-twaqqif tal-Għaqda. Huwa kkonfermalhom li l-Għaqda kellha ssib appoġġ qawwi mhux minn dawk magħrufa għas-sentimenti Pawlini, imma wkoll minn dawk kollha li kellhom għal qalbhom il-Festa tal-Appostlu Missiena speċjalment il-Festa Nazzjonali tal-10 ta’ Frar.

F’din il-laqgħa Pawlu Axiak qara l-istatut li kien ukoll imfassal flimkien mal-kapitlu, fejn issuġġerixxa li f’dik il-laqgħa jkun hemm diskussjoni qabel l-approvazzjoni tiegħu. Fil-fatt dan l-istatut għadda b’tibdil żgħir u xi żieda ta’ klawsoli.

Fl-istess laqgħa saret il-ħatra tal-ewwel kumitat, magħmula minn President, Segretarju, Teżorier u erba’ membri oħra. Kien hemm qbil ukoll li jkun hemm ukoll rappreżentanza ta’ tliet membri tal-Kapitlu li jkunu magħżula mill-istess kapitlu. Fil-fatt, fit-tieni laqgħa l-kapitlu kien rappreżentat mill-Arċipriet Dun Anton Galea, Dun Ġwann Borg u Dun Ġwann Ciarlò.

Għan-nomina ta’ President is-Sur Pawlu Axiak ppropona lis-Sur Francis Tabone, imma l-maġġoranza riedet li bħala President jinħatar Pawlu Axiak. Fost ir-raġunijiet li nġabu kien hemm, li huwa kien il-promotur prinċipali tal-Għaqda, huwa kien il-bniedem li ħadem biex jitfassal l-ewwel statut biex setgħet tkun iffurmata l-Għaqda, kif ukoll il-ħidma ta’ propoganda li kien għamel sabiex dan il-għan jintlaħaq. Għalhekk wara li Pawlu Axiak aċċetta, huwa nħatar bħala l-ewwel President tal-Għaqda tal-Pawlini.

Wara l-President ippropona lir-Rev. Patri Pawl Pisani bħala segretarju tal-Għaqda, fejn il-maġġoranza ssekondat. Patri Pawl Pisani wiegħed li minkejja d-diversi impenji li kellu, kien ser jagħmel ħiltu kollha għall-glorja tal-Appostlu Missierna. Fl-għażla ta’ Teżorier kien intgħażel is-Sur Emanuel Axiak.

Rigward l-għażla tal-erba’ membri l-oħra tal-kumitat, wara proposta fuq sitt persuni, minn dawk preżenti ingħata vot sigriet fejn fuq tnax-il votant ir-riżultat kien:

Is-Sur Francis Tabone 12-il vot, is-Sur Paul Degiorgio 9 voti, is-Sur Carmelo Catania 8 voti, is-Sur Richard Cremona 8 voti, is-Sur Pawl Zammit 7 voti, is-Sur Ġużeppi Sultana 3 voti. Dan ir-riżultat wassal biex l-ewwel erba’ eletti jkunu awtomatikament membri f’dak l-ewwel kumitat. Hawnhekk il-President Pawlu Axiak poġġa osservazzjoni tiegħu fejn ippropona li bħala għajnuna għall-istess Għaqda kien ħass li jkun aħjar li żewġ individwi oħra (li f’dik il-laqgħa ma kienux preżenti minħabba impenn personali li kellhom) jkunu magħżula bħala membri fil-kumitat. Wara li l-assemblea saret taf min kienu dawn iż-żewġ persuni li kien qiegħed jirreferi għalihom il-President, żewġ membri eletti karatteristikament ċedew in-nomina tagħhom. Dan wassal sabiex il-President bl-approvazzjoni tal-assemblea preżenti, talbu sospensjoni tal-istatut, fejn żdiedu żewġ membri oħra, flimkien ma’ dawk magħżula mill-votazzjoni li kienet saret. B’vot unanimu, kienu ġew miżjuda bħala membri Dun Philip Calleja u s-Sur Carmelo Mamo.

Bil-festa tal-1971 dejjem aktar fil-qrib, u l-bżonn ta’ flus biex l-Għaqda tkun tista’ tagħmel tajjeb għall-ispejjeż involuti, fl-istess laqgħa il-President qassam kotba tal-lotterija b’risq il-festa, kif ukoll beda wkoll isir ġbir ta’ flus tal-membership. Sistema oħra bħala għajnuna finanzjarja għall-festa kien il-ġbir ta’ flus mit-toroq, billi jintgħażlu individwi għall-ġbir minn kull triq. Dawn l-individwi kellhom isimhom ippubblikat f’post fis-sagristija tal-knisja ta’ San Pawl, biex b’hekk il-pubbliku jkun jaf lil min jista’ jikkuntattja.

Din l-ewwel laqgħa kienet ġiet aġġornata għall-10 ta’ Novembru fil-5.30pm fis-sagristija jew f’post ieħor b’konnessjoni mal-knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl.

F’dawn il-50 sena l-Għaqda tal-Pawlini kellha għaxar presidenti. Pawlu Asciak Promotur u Fundatur (1970-1972) (1975-1976), Paul J. Galea (1974-1975), Francis Tabone (1972-1974) (1979-1980), Victor Enriquez (1976-1979), Louis Attard (1980-1989), Paul Spiteri (1989-1991), Hector Bruno (1991-1995), Dr. Ray Bondin (1995-1996) (1996-1997), Etienne Montfort Aġent President (1997); President (1999-2014), Mario Cassar (2014-)

Mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda tal-Pawlini baqgħet dejjem tikber u taġġorna maż-żminijiet, l-għan li għalih twaqqfet li dejjem tkabbar l-imħabba u d-devozzjoni lejn il-Festa Nazzjonali tal-Appostlu Missierna San Pawl.

Bibljografija:

Parroċċa San Pawl Nawfragu Valletta Ħarġa speċjali Festa 1970.

Programm San Pawl 1993 p.33.

Programm Festa San Pawl 2000 p.7.

Times of Malta 16th. February 1970 p.2.

Times of Malta 17th. February 1970 p.13.

Times of Malta 23rd. February 1970 p.13.

Leħen is-Sewwa 28 ta’ Frar 1970 p. 6.

Il-Ħajja 17 ta’ Frar 1970 p.1.

Minuti tal-ewwel laqgħa tal-Għaqda tal-Pawlini 6 ta’ Novembru 1970.

 

 

Ħajr lil Kanonku Dun Ġwann Borg u Dun Karm Zammit għall-għajnuna tagħhom.

Programm tal-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta – 2020

IS-SIBT, 25 TA’ JANNAR

FESTA TAL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL

KONĊELEBRAZZJONI U ĦRUĠ TAL-VARA TA’ SAN PAWL MIN-NIĊĊA

5.30 pm        Rużarju

6.00 pm        Konċelebrazzjoni Solenni mmexxija mill-Arċipriet, Kan. Dun David Cilia. Jippriedka l-Kan. Dun Dillon Bugeja. Fi tmiem il-Quddiesa, tiġi esegwita l-Antifona Sanctæ Paule ta’ Mro. Dott. Paolo Nani. Wara l-konċelebrazzjoni solenni, isir il-ħruġ tal-vara ta’ San Pawl min-niċċa akkumpanjata minn innijiet popolari Pawlini u tingħad il-kurunella. Diskors mill-President tal-Għaqda tal-Pawlini, is-Sur Mario Cassar. Diskors mill-Arċipriet fuq il-valur tal-Festa.

9.00 pm        Dinner Dance fil-Westin Dragonara organizzat mill-Għaqda tal-Pawlini.

 

IL-ĦADD, 26 TA’ JANNAR

11.45 am      Quddiesa animata miż-Żgħażagħ Pawlini. Iqaddes il-Kan. Dun Carmelo Busuttil, Arċipriet tal-Birgu.

 

IT-TNEJN, 27 TA’ JANNAR

6.00 pm       Quddiesa f’ġieħ Sant’Anġela Meriċi animata mill-Membri tal-Għaqda. Iqaddes il-Kan. Dun Charles Vella.

 

IT-TLIETA, 28 TA’ JANNAR

6.00 pm        Quddiesa mill-Patrijiet ta’ San Franġisk. Jieħu sehem il-kor Antonjan.

 

L-ERBGĦA, 29 TA’ JANNAR

6.00 pm        Quddiesa organizzata mit-Teen Klabb. Iqaddes is-saċerdot novell Dun Mattew Pulis.

 

IL-ĦAMIS, 30 TA’ JANNAR

Jum il-Kelma t’Alla u l-Ewkaristija

6.00 pm        Quddiesa animata mil-Letturi u l-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin. Iqaddes Patri Victor Paul Farrugia O. Carm.

 

IL-ĠIMGĦA, 31 TA’ JANNAR

6.00 pm        Quddiesa animata mill-membri tal-Għaqdiet: Legion of Mary, Kariżmatiċi, Neokatekumenali, Irġiel Anzjani, MUSEUM, Ladies Circle. Iqaddes il-Kan. Dun Antoine Borg.

8.00 pm        Kunċert Ġenerali tradizzjonali fis-Sede tas-Soc. Fil. Naz. ‘La Valette’. Jiġu esegwiti marċi mill-arkivju tas-Soċjetà u innijiet popolari fosthom Marcia San Paolo ta’ Mro. Cardenio Botti.

 

IS-SIBT, 1 TA’ FRAR

FESTA GĦAT-TFAL TA’ MALTA KOLLHA

9.00 am        Quddiesa bil-magħmudija ċċelebrata mill-Mons. Kan. Dun Lawrenz Zammit. Wara l-quddiesa ssir il-preżentazzjoni tat-trabi u tfal.

10.00 am      Manifestazzjoni bl-istatwa ż-żgħira ta’ San Pawl bis-sehem tal-Banda tas-Soc. Fil. Naz. ‘La Valette’. Il-Manifestazzjoni tgħaddi minn Triq San Pawl, Triq l-Arċisqof, Triq il-Lvant, Triq San Kristofru, Triq il-Mediterran, Triq San Nikola, Triq San Pawl, Triq it-Teatru l-Antik, Triq il-Merkanti u Triq Santa Luċija. Fl-aħħar tal-manifestazzjoni, l-istatwa tittella’ f’postha fuq il-palk fi Triq Santa Luċija k/m Triq San Pawl fost l-entużjażmu tal-partitarji żgħażagħ Pawlini.

6.00 pm        Quddiesa mill-Kan. Patri Charles Tabone O.P. Mistiedna l-koppji miżżewġin.

7.00 pm        Serata Mużiko Letterarja mtella’ mill-Akkademja Kulturali Pawlina fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl.

 

Il-ĦADD, 2 TA’ FRAR

JUM IL-GANDLORA

6.00 pm        Quddiesa konċelebrata mill-Kapitlu.

8.00 pm        Riċeviment mogħti mill-President u l-Kumitat tas-Soc. Fil. Naz. ‘La Valette’ fis-Sede tas-Soċjetà.

 

IT-TNEJN, 3 TA’ FRAR

JUM IL-KARITÀ

6.00 pm        Quddiesa organizzata mill-Konfraternità tal-Madonna tal-Karità u l-Għaqda San Vinċenz de Paul. Iqaddes il-Kan. Dun Stefan Galea.

 

IT-TLIETA, 4 TA’ FRAR

JUM L-UNITÀ TAL-PARROĊĊI

6.00 pm        Quddiesa. Mistiedna l-Kappillani ta’ San Duminku, San Publiju, l-amministratur tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin, flimkien mar-Retturi tal-Kon-Katidral u tal-Griegi, tal-Knejjes l-oħra u l-membri tal-Kunsilli Pastorali Parrokkjali. Jikkonċelebra l-Arċipriet tal-Furjana, Kan. Dun Charles Cini.

 

L-ERBGĦA, 5 TA’ FRAR

JUM L-GĦAQDA TAL-PAWLINI

6.00 pm        Quddiesa organizzata mill-membri tal-Għaqda tal-Pawlini. Jiċċelebra l-Kan. Patri Charles Tabone O.P.

8.00 pm        Riċeviment mogħti mill-Għaqda tal-Pawlini fid-Domus Pauli u preżentazzjoni tal-premju San Pawl għas-sena 2019 – 2020 mill-Fergħa Żgħażagħ Pawlini.

 

IL-ĦAMIS, 6 TA’ FRAR

L-EWWEL JUM TAT-TRIDU

9.00 am        Quddiesa u wara adorazzjoni mmexxija mis-Sur Joe Fenech, barka sagramentali u bews tar-relikwija.

5.15 pm        Għasar Solenni mmexxi mill-Kan. Patri Charles Tabone O.P.

6.00 pm        Quddiesa Kantata solenni. Iqaddes il-Kan. Dun David Torpiano. Wara l-Quddiesa, l-ewwel prietka tat-Tridu minn Rev. Kan. Dun Stefan Galea. Innu, Antifona, u Barka Sagramentali. Jiċċelebra l-Kan. Dun David Farrugia, Kappillan ta’ Ħal Safi. Wara jsir il-bews tar-relikwija tad-Driegħ Mirakoluż.

8.30 pm        Brass Band tas-Soc. Fil. Naz. ‘La Valette’, imtella’ mill-Għaqda tal-Pawlini fis-Sede tal-istess Soċjetà Mużikali fi Triq ir-Repubblika.

 

IL-ĠIMGĦA 7 TA’ FRAR

IT-TIENI JUM TAT-TRIDU

5.15 pm        Għasar Solenni mmexxi mill-Kan. Dun Stefan Galea.

6.00 pm        Quddiesa Kantata solenni. Iqaddes Rev. Kan. Kantur Dun Ġwann Borg. Wara l-Quddiesa, it-tieni prietka tat-Tridu minn Rev. Kan. Dun Stefan Galea. Innu, Antifona, u Barka Sagramentali. Jiċċelebra l-Kan. Dun Karm Busuttil, Arċipriet tal-Birgu. Wara jsir il-bews tar-relikwija tad-Driegħ Mirakoluż.

8.30 pm        Lejla fil-Kapitali.

 

IL-SIBT 8 TA’ FRAR

IT-TIELET JUM TAT-TRIDU

5.15 pm        Għasar Solenni mmexxi mill-Kan. Dun Stefan Galea.

6.00 pm        Quddiesa Kantata solenni. Iqaddes il-saċerdot novell Dun Peter Ellul. Wara l-Quddiesa, it-tielet prietka tat-Tridu minn Rev. Kan. Dun Stefan Galea. Innu, Antifona, u Barka Sagramentali. Jiċċelebra l-Kan. Dun Mario Tong ex-Arċipriet tal-Kolleġġjata. Wara jsir il-bews tar-relikwija tad-Driegħ Mirakoluż.

7.30 pm        Manifestazzjoni bl-istatwa ta’ San Pawl Nawfragu bil-parteċipazzjoni tal-Għaqda Mużikali Sant’Elena ta’ Birkirkara. Il-marċ jgħaddi minn Triq ir-Repubblika, Triq Melita, Triq San Pawl, Triq San Nikola u Triq il-Mediterran. Fl-aħħar tal-marċ, l-istatwa tittella’ fuq il-pedestall quddiem il-Barrakka t’Isfel.

 

IL-ĦADD 9 TA’ FRAR

LEJLET IL-FESTA

10.00 am      Quddiesa għall-anzjani u għall-morda li fiha jiġi amministrat is-Sagrament tal-Griżma tal-Morda. Iqaddes l-Arċipriet Kan. Dun David Cilia. Il-qraba ta’ dawk li huma rikoverati f’xi dar tal-Anzjani huma mitluba jġibuhom huma stess.

5.15 pm        Transulazzjoni Solenni mmexxija mill-Eċċellenza Tiegħu Mons Arċisqof, Charles J. Scicluna. Għasar solenni bis-sehem tal-kor u l-orkestra.

7.00 pm        Quddiesa Kantata ta’ lejlet il-Festa mmexxija mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Vigarju Joe Galea Curmi.

7.00 pm        Marċ tradizzjonali u popolari mill-Banda tas-Soc. Fil. Naz. ‘La Valette’ flimkien mal-Banda tal-Għaqda Mużikali Beland taż-Żejtun. Is-Soc. Fil. Naz. ‘La Valette’ tibda minn Triq ir-Repubblika, Triq San Ġwann, Misraħ San Ġwann, Triq il-Merkanti, Triq Melita, Triq San Pawl, Triq San Kristofru sa ħdejn il-Monument tal-Qanpiena, filwaqt li l-Banda Beland tibda minn Triq Melita, Triq San Pawl, Triq San Kristofru sa ħdejn il-Monument tal-Qanpiena. Fl-aħħar tal-marċ isir spettaklu pirotekniku tal-art u tal-ajru fil-Port il-Kbir imtella’ mill-Kummissjoni Nar tal-Għaqda tal-Pawlini.

 

IT-TNEJN 10 TA’ FRAR

JUM IL-FESTA TAN-NAWFRAĠJU TA’ SAN PAWL

7.00 am        Quddiesa ċċelebrata minn Patri Michael Camilleri O.P. Kappillan tal-Parroċċa ta’ Portu Salvu u San Duminku.

8.00 am        Quddiesa ċċelebrata mill-amministratur tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin.

Għall-quddies tas-7.00 am u tat-8.00 am mistiedna l-qassisin u patrijiet tal-Knejjes tal-Belt, il-Furjana u t-tlett ibliet tal-Kottonera.

9.00 am        Jasal l-Eċċ. Tiegħu Mons Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta u l-Eċċ. Tiegħu Dr. George Vella, President ta’ Malta.

9.15 am        Quddiesa Pontfikali mill-Eċċ. Tiegħu Mons Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta. Jinseġ il-Paniġierku l-istess Monsinjur Arċisqof.

11.45 am      Quddiesa letta minn. Patri Victor Paul Farrugia O.Carm.

12.00 pm      Il-Fondazzjoni Wirt Artna żżomm tradizzjoni antika ta’ sparar mis-Saluting Battery tal-Belt Valletta fl-okkażjoni tal-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, bħala Patrun tal-Gżejjer Maltin.

1.00 pm        Marċ tradizzjonali u popolari mill-Banda tas-Soc. Fil. Naz. ‘La Valette’ li jgħaddi minn Triq San Pawl, Triq l-Arċisqof, Triq ir-Repubblika, Triq Nofsinhar, Triq ir-Repubblika, Misraħ San Ġwann, Triq San Ġwann, Triq il-Merkanti, Triq Melita u Triq San Pawl.

3.45 pm        Quddiesa bl-Ingliż għall-viżitaturi mill-Kan. Dun Carmelo Busuttil, Arċipriet tal-Parroċċa tal-Birgu.

4.45 pm        Għasar Kantat.

5.30 pm        Purċissjoni Sinodali bil-vara ta’ San Pawl u r-relikwija tad-Driegħ Mirakoluż. Imexxi s-saċerdot novell Dun Peter Ellul. Takkumpanja l-Purċissjoni sad-dħul tal-vara fil-Knisja, is-Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat li tilqa’ l-vara ta’ San Pawl ħierġa mill-Knisja bl-innu lil San Pawl ta’ Mro. Cardenio Botti.

6.15 pm        Is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan ta’ Ħal Qormi tesegwixxi marċ minn Triq ir-Repubblika, Pjazza San Ġwann u tkompli takkumpanja l-vara ta’ San Pawl minn Triq il-Merkanti, Triq Melita u Triq San Pawl sad-dħul tal-vara fil-Knisja.

7.00 pm        Stqarrija tal-fidi fi Pjazza San Ġwann immexxija mill-Arċipriet, il-Kan. Dun David Cilia.

9.30 pm        Dħul tal-Purċissjoni. Innu, Antifona u Barka Sagramentali.

Matul il-purċissjoni, isir akkumpanjament pirotekniku mtella’ mill-Kummissjoni Nar fi ħdan l-Għaqda tal-Pawlini.

 

IL-ĦADD 16 TA’ FRAR

10.00 am      Quddiesa ta’ Ringrazzjament ’l Alla u lill-Appostlu Missierna San Pawl għas-suċċess tal-Festa. L-Arċipriet u l-Kapitlu jirringrazzjaw lil kull min ħa sehem biex il-Festa kienet ta’ suċċess. Dħul tal-Vara lura fin-niċċa.

 

Nota:

Matul il-ġranet tal-festa jieħu sehem il-Kor Parrokkjali ‘Saulus’.

Fil-Quddiesa tal-ħruġ tal-vara ta’ San Pawl min-niċċa u mill-Ewwel Jum tat-Tridu ’l quddiem, il-Kor u l-Orkestra jkunu taħt id-direzzjoni tal-Maestro Dr Joseph Gatt Ph.D. Fil-25 ta’ Jannar l-orkestra hija fuq stedina tal-Għaqda tal-Pawlini.

F’każ ta’ maltemp, il-festa tiġi posposta għall-ġurnata tas-Sibt 15 ta’ Frar 2020.

Laqgħa Ġenerali – Ottubru 2019

Il-Ħadd li għadda, 27 ta’ Ottubru, l-Għaqda tal-Pawlini żammet il-Laqgħa Ġenerali ta’ Ottubru li għaliha kien hemm attendenza tajba ħafna, speċjalment minn membri nisa. Kienet laqgħa li fiha il-komunità Pawlina iltaqgħet għall-ewwel darba mal-Arċipriet il-ġdid Dun David John Cilia.

Kien proprju Dun David li fetaħ il-laqgħa permezz ta’ talba sabiex minn hemm kellna introduzzjoni mill-President is-Sur Mario Cassar. Segwa s-Segretarju tal-Għaqda, is-Sur Douglas Mifsud li qara l-minuti tal-aħħar laqgħa ġenerali. Is-Sur Mifsud qara rapport amministrattiv dettaljat fejn bħal dejjem issemmew numru ta’ attivitajiet li organizzaw il-fergħat u kummissjonijiet fi ħdan l-Għaqda fl-aħħar xhur.

It-teżorier is-Sur Mario Bonello aġġorna lil kulħadd dwar l-elementi finanzjarji, li għall sena oħra kellhom bilanċ pożittiv ħafna. Kien rapport dettaljat kif jixraq lil Għaqda tagħna u kif approvat mir-reviżuri.

Matul il-laqgħa sar intervent mill-Onorevoli Claudio Grech li kellimna dwar is-Save a Life Foundation u kif din il-Fondazzjoni tixtieq tkompli tikkollabora mal-Għaqda tal-Pawlini sabiex tkompli toffri esperjenzi pożittivi lil tfal u żgħażagħ li jaf jispiċċaw isibu l-iżvog tagħhom f’mezzi perikolużi.

Tressqet ukoll mozzjoni li fiha l-Kumitat kurrenti tal-Għaqda tal-Pawlini ippropona li jsiru żewġ addendi fl-istatut kif ukoll li togħola r-rata tal-isħubija minn €5 (nisa) u €7 (irġiel) għal rata fissa ta’ €10. L-addendi ġew approvati filwaqt li wara diskussjoni kostruttiva li nvolviet lil ħafna, il-Kumitat ġie mitlub li jerġa jirrevedi l-proposta dwar il-bidla fir-rati ta’ sħubija.

Wara li ġew diskussi u maqbula xi punti oħra li ġew imqajjma mill-membri preżenti, il-laqgħa ntemmet mill-President.

Ritratti ta’ Carl Farrugia

Suċċess tal-Maltin

Sebaħ jum ġdid – il-11 ta’ Frar. Għaddiet festa oħra u nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li kellna festa li ħalliet il-ġid. Festa li wara tant ħidma minn ħafna voluntiera, maħbuba ta’ San Pawl u msieħba fl-Għaqda tal-Pawlini, sarrfet dan kollu fi frott bnin. Ġid li mess il-qalb u r-ruħ ta’ kull min attenda fit-toroq tal-Belt Valletta jew segwa l-festa bil-mezzi tax-xandir.

Aħna l-Pawlini niftaħru li tagħna hija festa kbira – imma kif nistgħu ma ngħidux hekk wara li rajna tant folol joħonqu t-toroq ta’ Beltna? Sa minn kmieni filgħodu ndunajna li kien hemm attendenza ġmielha għall-Pontifikal iżda wkoll ammont kbir ta’ familji tul it-toroq ewlenin. Hekk kif il-Banda tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette bdiet il-marċ tradizzjonali tagħha, dawn bdew jiżdiedu ġmielhom. Ma setax jonqos li fin-niżla tal-Mażżri, aktar ma noqorbu lejn il-bidu tal-purċissjoni, il-folol kibru. Ħafna minnha ammettew li kienu ilhom is-snin ma jħossu tant folla waqt il-ħruġ tal-vara maestuża ta’ San Pawl Nawfragu.

Kienu xeni mill-isbaħ ta’ Beltin, Maltin u turisti jammiraw ir-refgħa qalbiena ta’ sħabna jġorru l-kapulavur tal-Gafà fuq spallithom. Qabel għamlu hekk, l-iskwadra tar-reffiegħa taw tislima xierqa lill-mibki ex-prokuratur tal-vara s-Sur Charlie Grima li ħalliena s-sena li għaddiet u minn hemm, taħt id-direzzjoni tal-bravu Paul Scerri, irħewla għall-ħidma filwaqt li l-aħwa Bonello u Michael Borg, raw li dawn ikollhom l-ilma tul it-triq. Il-Kapitlu akkumpanja l-purċissjoni b’eleganza u fakkarna li huwa Kristu ċ-ċentru ta’ din il-Festa, imwassal lilna minn San Pawl permezz ta’ nawfraġju li Pawlu stess xtaq jevita.

NET TV għoġobhom itellgħu l-programm Forċina u għalhekk numru ta’ membri tal-kumitat fost oħrajn, ħadu l-ħin tagħhom sabiex marru għall-intervista. Sadattant għaqdiet Beltin oħrajn bdew jilqgħu u jsellmu lil San Pawl. Bdew sħabna d-Dumnikani, umbagħad dawk Karmelitani u sa fl-aħħar dawk Agostinjani. Mumenti mill-isbaħ ta’ għaqda li dejjem qed tissaħħaħ bejn il-Beltin.

Forsi kien grazzi għar-ritratti li bdew telgħin fuq Facebook li rrealizzajna li hekk kif saret l-istqarrija tal-Fidi fuq San Ġwann, il-pjazza kienet tassew ippakkjata nies. Xi ħadd ikkummenta li ma kienx hemm post fejn taqa’ labra. Minn hemm San Pawl qabad triqtu lejn il-Kolleġġjata. Ħin li ħafna jkunu qed jistennew sabiex jieħdu refgħa qasira – esperjenza li ħafna Pawlini u mhux, jistennew. Il-Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat, akkumpanjat lil Pawlu sal-bieb tal-Knisja.

Id-dħul kien dħul mill-aqwa. Il-Pawlini kantaw l-antifona ta’ Nani flimkien – qalb memorji, dmugħ ta’ ferħ, taqbiliet u ċapċip tal-idejn. Hemm ħafna persuni li ħadmu bla qatt ma ssemmew jew dehru u li permezz tagħhom ukoll twettaq dan is-suċċess. Diffiċli nagħmlu lista imma nsellmulhom u nirringrazzjawhom minn qiegħ qalbna. Aħna li ħdimna għal dan is-suċċess nittamaw li inti li qed taqra dan l-artiklu kont wieħed jew waħda minn dawk li gawdejt magħna din il-Festa tal-Maltin! Inħeġġuk sabiex tibqa’ ssegwi l-ħidma fuq il-paġni ta’ Facebook u Instagram u tingħaqad bħala membru tal-Għaqda tal-Pawlini. Tista’ tagħmel dan billi tibgħatilna email fuq info@www.sanpawl.com.

Viva l-Appostlu Missierna San Pawl. Bierku lil Mulej li wasslu ġo artna.

 

Ritratti ta’ Carl Farrugia

Il-Festa tal-Maltin

Fi żmien xahar, il-komunità Pawlina f’Malta u Għawdex ser tkun qed tiċċelebra l-wasla providenzjali tal-Appostlu Pawlu fi gżiritna. Fil-Belt Valletta l-Għaqda tal-Pawlini flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl, jagħmlu minn kollox sabiex nhar l-10 ta’ Frar tinżamm it-tradizzjoni antika ta’ festi kbar f’ġieh dan il-qaddis u l-wasla tiegħu fi xtutna.

Din is-sena it-tim li jieħu ħsieb il-komunikazzjoni fi ħdan l-Għaqda tal-Pawlini ħaseb li jfakkar li din mhix il-festa tal-Pawlini jew tal-Beltin biss iżda il-Festa tal-Maltin. Matul din il-festa nixtiequ nħeġġu lil kull Malti u Maltija sabiex jiskopri jew iġedded din il-ġrajja speċjali fl-istorja ta’ Malta u jispira ruħu minn dan il-persunaġġ ta’ rieda soda li wasal hawn skont ir-rieda t’Alla.

L-10 ta’ Frar hija l-Festa tal-Maltin. Hija festa li apparti li ġġorr magħha tradizzjonijiet varji, tixhed ukoll il-kultura reliġjuża tal-Maltin li sa minn sekli mgħoddija ħallew it-tamiet tagħhom fi Kristu hekk kif imxandar lilhom minn San Pawl. Hija festa li tixhed ukoll il-kultura antika tal-festi xitwin li aktar ma għaddew is-snin aktar naqsu. Dan mhux fil-każ tal-festa tan-Nawfraġju li baqgħet qalbiena bħall-baħrin tal-maltemp.

L-10 ta’ Frar hija l-Festa tal-Maltin għax hija tfakkira ta’ memorja li tat identità qawwija lil pajjiżna fuq skala Ewropea u Internazzjonali. Apparti l-valuri Kristjani u Kattoliċi din il-Festa tixhed ukoll kburija għal fatt li pajjiżna u l-Maltin jissemmew fil-Bibbja fost l-ewwel komunitajiet fejn Kristu kien imħabbar lill-umanità.

Huwa għalhekk li din il-Festa hija stedina mhux biss li niċċelebraw dan il-wirt għażiż tagħna bħala poplu iżda wkoll li nħaddnu u nrawwmu b’responsabbiltà dawn il-valuri li għaddilna San Pawl fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Laqgħa Ġenerali Annwali – Ottubru 2018

Nhar il-Ħadd 28 ta’ Ottubru 2018, inżammet il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Għaqda tal-Pawlini ġewwa d-Domus Pauli. Fost attendenza sabiħa, inħasset il-ħeġġa dejjem tikber lejn il-Festa, lejn dak il-jum tant għażiż tal-10 ta’ Frar.

Wara l-introduzzjoni tal-President, is-Sur Mario Cassar u l-qari tal-minuti mis-Segretarju Ġenerali s-Sur Douglas Mifsud, dan tal-aħħar qara rapport amministrattiv dettaljat fejn fih issemmew numru ta’ attivitajiet li organizzat l-Għaqda fl-aħħar xhur.
It-teżorier u viċi-president, is-Sur Mario Bonello ppreżenta r-rapport finanzjarju li ntlaqa’ tajjeb hekk kif ħareġ ċar li l-Għaqda tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja tajba.
Ta’ min isemmi li waqt din il-laqgħa ġiet approvata mozzjoni mressqa mill-kumitat ċentrali li ppropona Emenda fl-Istatut tal-Għaqda (Artiklu 3.b.v) dwar il-mandat ta’ tmexxija tal-Kumitat biex dan jibda jkollu terminu ta’ sentejn minflok sena.
Ġie mħabbar ukoll li s-Sur Pawlu Scerri u s-Sur Dione Montfort aċċettaw il-kariga ta’ Prokuratur tal-Vara u Kolletur Ufficjali rispettivament.

San Pawl u l-Festa l-Kbira

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħabbret il-programm tal-Festa l-Kbira – attività unika fejn l-erba’ festi u ż-żewġ baned tal-Belt Valletta ser jingħaqdu għall-ewwel darba bħala parti mill-programm Kulturali ta’ Valletta 2018. L-Għaqda tal-Pawlini tinsab kburija li ser tkun parti ntegrali minn din il-ġrajja unika għall-poplu Belti u Malti u qed tikkollabora bi ħġarha mal-Fondazzjoni sabiex is-7 ta’ April jibqa’ jum li jħalli legat profond lill-komunità tagħna.

Il-Festa l-Kbira ser tinżamm bejn l-4 u s-7 ta’ April b’attivitajiet fil-Port il-Kbir u tul it-toroq tal-Belt Valletta. Il-qofol tal-Festa l-Kbira ser ikun is-Sibt 7 ta’ April meta wara r-regatta tradizzjonali ta’ Jum il-Ħelsien fil-Port il-Kbir, ser isiru l-erba’ purċissjonijiet bl-istatwi titulari ta’ San Pawl, San Duminku, il-Madonna tal-Karmnu u Santu Wistin wara ċelebrazzjonijet reliġjużi fl-erba’ knejjes rispettivi. L-erba’ statwi ser jiltaqgħu fi Pjazza San Ġorġ fejn l-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna ser imexxi t-talb. Wara, l-istatwi akkumpanjati mill-baned, ser jimxu matul Triq ir-Repubblika lejn Bieb il-Belt qabel ikomplu r-rotta lejn il-knejjes rispettivi tagħhom.

Il-Ġimgħa 6 ta’ April, ser jittella’ marċ u kunċert konġunt bejn il-baned King’s Own u La Valette f’Pjazza San Ġorġ.

Il-programm komplut huwa kif ġej:

 

L-Erbgha, 4 t’April 2018

6:00pm          Konsagrazzjoni tal-Knisja u inawgurazzjoni tal-pavimentar ġdid ġewwa l-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu

Il-Ġimgħa, 6 t’April 2018

7:30pm      Il-Banda King’s Own u l-Banda La Valette jibdew marċ minn Pjazza Ħelsien sa Pjazza San Ġorġ. Il-marċ jasal fil-Pjazza fit-8:30pm

9:00pm      Il-Banda King’s Own u l-Banda La Valette jtellgħu kunċert konġunt fi Pjazza San Ġorġ. Kull banda ser ittella’ programm ta’ 40 minuta li jinkludi wkoll xi diskors qasir għall-okkażjoni għal total ta’ 100 minuta

Is-Sibt, 7 t’April 2018

11:45am     Regatta fil-Port il-Kbir

4:50pm       Preżentazzjoni tal-Valletta 2018 Shield ‘Leġġendi tal-Port il-Kbir’

5:00pm      Quddiesa fl-erba’ knejjes involuti

5.45pm       L-erba’ baned mistiedna jinġabru quddiem il-knejjes rispettivi sabiex isellmu l-vari titulari waqt il-ħruġ

6.00pm      Ħruġ tal-vari titulari (Rotot indikati hawn)

6:50pm      Il-vari titulari jibdew jaslu fi Pjazza San Ġorġ

7:35pm       Ċelebrazzjoni u mument ta’ talb li jinkorpora l-erbgħa festi flimkien. Din tkun mmexxija minn Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna

8:00pm      Il-vari titulari flimkien mal-baned jibdew triqthom tul Triq ir-Repubblika lejn Bieb il-Belt

9:10pm      Il-vari titulari jibdew jaslu fi Pjazza Ħelsien

9:30pm      Il-vari titulari jaqbdu r-rotta lura lejn il-Knisja rispettiva (Rotot indikati hawn)

10:45pm    Dħul tal-vari titulari fil-knejjes

Il-Festa skont Glen Attard, President tal-Fergħa Żgħażagħ Pawlini

Kienet għadha kif għaddiet il-festa tal-2012 meta avviċinani s-Sur Etienne Montfort u ħajjarni nissieħeb fl-Għaqda tal-Pawlini. Kont aċċettajt minnufih. Il-festa minn dejjem kont inħobbha. L-għaxqa tiegħi ngawdi l-qofol tal-marċ tas-siegħa fost xita ta’ karti fin-niżla tal-mażżri u nitfa l-karti mill-gallarija tan-nanna waqt il-purċissjoni f’nhar il-festa meta kont iżgħar.

Matul is-snin involvejt ruħi b’mod aktar dirett fil-festa permezz tal-Fergħa Żgħażagħ Pawlini, l-ewwel bħala membru fil-kumitat u wara bħala President tal-istess Fergħa. Fejn qabel l-festa għalija kienet biss okkażżjoni ta’ tlett ijiem, issa saret proċess kontinwu matul is-sena kollha. Daqqa attività biex nigbru l-fondi, daqqa laqgħa tal-Kumitat, daqqa ħaga u daqqa oħra. Illum il-ġurnata, il-festa hija waħda mill-passatempi prinċipali tiegħi. Nifrekwenta l-maħżen tal-armar b’mod regolari matul is-sena u anke rnexxieli nagħmel ħbieb ġodda. Ħbieb li, għalkemm kollha b’karattru differenti, kollha jaħdmu għal-istess għan, dak li jaraw li festa għażiża tagħna tirnexxi u tkompli tikber.

Dan kollu isir b’mod volontarju iżda b’impenn u responsabbiltà li jiżdied aktar ma joqrob jum il-festa. Kieku ma kienx għall-kontibut li jagħtu u l-ħin li jiddedikaw ċertu membri, fosthom dawk żgħażagħ, matul is-sena biex isiru l-attivitajiet meħtieġa, żgur li ma nkunux nistgħu niċċelebraw festa kif jixraq lill-Appostlu Missierna San Pawl.

Il-festa t-tajba.

Glen waqt diskors nhar it-22 ta’ Jannar 2018 waqt riċeviment mogħti mill-Għaqda tal-Pawlini fid-Domus Pauli u preżentazzjoni tal-Premju San Pawl għas-sena 2017-18 mill-Fergħa Żgħażagħ Pawlini.

Glen Attard f’nhar il-festa!

Glen Attard waqt waħda mill-Carwash organizzata mill-Fergħa Żgħażagħ Pawlini

MAGNUS | San Pawl – Tifkira għal Qalbna – Sejħa għall-parteċipazzjoni

MAGNUS

L-Akkademja Kulturali Pawlina qed tagħmel sejħa għal xogħlijiet ta’ arti viżiva kontemporanja sabiex jagħmlu parti minn esibizzjoni tal-arti li ser tittella’ fid-Dar tal-Għaqda tal-Pawlini ġewwa l-Belt Valletta. Il-parteċipazzjoni hija b’xejn.

TEMA

Fl-okkażjoni tal-1950 sena anniversarju mill-martirju tal-Appostlu Missierna San Pawl, l-Akkademja Kulturali Pawlina qed torganizza esibizzjoni ta’ arti bit-tema Pawlina bit-titlu ‘MAGNUS | San Pawl – Tifkira għal Qalbna’

Ix-xogħlijiet li jiġu kkunsidrati jistgħu jinkludu tpinġija, stampar, pittura, fotografija, arti diġitali, video, mixed media fi kwadru li jista’ jiddendel.

SEJĦA

Qed issir sejħa għal artisti ta’ kull età, nazzjonalità, sess u provenjenza sabiex jippreżentaw xogħlijiet relatati mat-tema Pawlina.

Kull applikant mitlub jimla l-applikazzjoni li tinsab mehmuża u jibgħatha f’email lil info@www.sanpawl.com. Inkluż mal-applikazzjoni, ikun hemm bżonn:

  1. Ritratt ta’ kwalità tajba tal-artist,
  2. Paragrafu qasir b’bijografija dwar l-artist,
  3. Kumment dwar it-tema tax-xogħol preżentat,
  4. Ritratt ta’ kwalità għolja tax-xogħol li ser ikun ippreżentat;
  5. Informazzjoni teknika dwar ix-xogħol li tkun tinkludi qisien, medium u data ta’ kreazzjoni.
  6. Informazzjoni li tispjega jekk ix-xogħol huwiex uniku jew edizzjoni limitata.

Kull artist jista’ jippreżenta mhux aktar minn żewġ xogħlijiet.

Kemm-il darba x-xogħol jinbiegħ, dan irid jibqa’ esibit fid-Dar tal-Għaqda tal-Pawlini sa tmiem l-esibizzjoni, kif indikat.

Fi tmiem l-esibizzjoni, kull artist jerfa’ responsabbiltà li jiġbor ix-xogħol tiegħu anki jekk dan ikun inbiegħ. Jekk jiġi x-xerrej, dan irid jippreżenta nota bil-miktub mingħand l-artist.

L-artist li jieħu sehem f’din l-esibizzjoni jiddikjara li mhux ser iżomm lill-Għaqda tal-Pawlini jew lill-Akkademja Kulturali Pawlina u/jew persuni involuti, responsabbli għal xi ħsara li tista’ tiġri lix-xogħol.

PROĊESS TAL-GĦAŻLA

F’każ li tirċievi ħafna applikazzjonijiet, l-Akkademja Kulturali Pawlina ikollha tniedi proċess ta’ għażla sabiex takkomoda l-ispazju fid-Dar tal-Għaqda tal-Pawlini.

Il-parteċipanti finalisti jiġu magħżula minn bord maħtur apposta mill-Akkademja Kulturali Pawlina skond dak li jkun mibgħut fl-applikazzjoni;

Dan il-bord ikun magħmul minn nies kompetenti mis-settur tal-arti u l-kultura;

  • L-applikazzjonijiet iridu jaslu b’email fuq info@www.sanpawl.com sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 2 ta’ Ġunju 2017.
  • Is-selezzjoni finali tkun magħrufa sa nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Ġunju 2017.
  • Ix-xogħlijiet magħżula jridu jaslu fid-Dar tal-Għaqda tal-Pawlini nhar il-Ħamis 22 ta’ Ġunju 2017.
  • L-esibizzjoni ddum miftuħa għall-pubbliku sal-Ġimgħa, 30 ta’ Ġunju 2017.
  • Ix-xogħlijiet iridu jinġabru mid-Dar tal-Għaqda tal-Pawlini nhar is-Sibt, l-1 ta’ Lulju 2017 bejn 9am u 12pm.

BEJGĦ

Ix-xogħlijiet li jiġu esibiti, jkunu jistgħu jinbiegħu bil-prezz indikat mill-artist rispettiv. 30% tal-prezz imur donazzjoni għall-Akkademja Kulturali Pawlina biex twettaq iktar ħidma fil-qasam kulturali.

PUNTI OĦRA

  • Il-kurazija tal-esibizzjoni ser tkun f’idejn l-Akkademja Kulturali Pawlina.
  • L-Akkademja Kulturali Pawlina u l-bord maħtur minnha jżomm kull dritt li jirrifjuta kull xogħol preżentat li ma jkunx jaqbel ma dak indikat fl-applikazzjoni
  • L-ebda materjal personali dwar l-artisti ma jista’ jitqassam waqt din l-esibizzjoni.
  • L-artisti jaċċettaw li l-Akkademja Kulturali Pawlina, issemmi, tiddokumenta u tirreklama l-esibizzjoni anki permezz ta’ referenzi lejn ix-xogħol preżentat.
  • Kull artist jiddikjara li qara u fehem dawn ir-regolamenti

Il-kultura tal-komunità – Akkademja Kulturali Pawlina

Waslet il-festa u tajjeb niftakru li l-parroċċa hi magħmula minn elementi li jsaħħuna u jgħaqduna bħal f’familja. Fost dawn insibu elementi tradizzjonali, reliġjużi, artistiċi u kulturali. Elementi li jagħtuna identità.
Elementi li filwaqt li jibnu fuq il-bażi tal-memorja collettiva u l-passat riċenti, jiftħu l-bieb għall-futur, ideat ġodda u djalogu frisk.
Hawn irridi nirrealizzaw li għandna opportunità. Għandna teżor. It-teżor mhux biss f’elementi tanġibbli iżda wisq aktar f’dak kreattiv u kulturali.
Ejjet nitħeġġu biex filwaqt li nkomplu nrawwmu l-valuri Pawlini fil-komunità tagħna, ngħarfu ma nibżgħux mill-isfida taż-żmien, appuntu bħal Pawlu.
Ejjew ma nibżgħux mid-djalogu u miċ-ċans li nixħtu dawl fuq dan it-teżor fil-komunità tagħna.
Il-martirju ta’ Pawlu kien il-qofol ta’ ħidmietu. Ejjew insibu l-qofol tagħna f’aktar ħidma kreattiva li tinċentiva l-kultura tal-komunità Beltija u Pawlina.

Pawlu Mizzi jindirizza lill-udjenza preżenti fil-Kolleġġjata

Iċ-Chairman tal-Akkademja Kulturali Pawlina, is-Sur Pawlu Mizzi waqt l-indirizz tiegħu lill-komunità miġbura fil-Kolleġġjata nhar it-28 ta’ Jannar 2017. Għal aktar informazzjoni dwar l-Akkademja Kulturali Pawlina, idħol hawn.

Nagħmlu Festa – L-induratura

L-Għaqda tal-Pawlini bis-sapport tal-Fondazzjoni Save a Life u l-Onorevoli Claudio Grech, illum negħdiet serje ta’ seminars immirati lejn żgħażagħ ta’ etajiet varji, dwar il-ħidma u s-snajja li huma meħtieġa biex tittella’ festa Maltija. Huma snajja li jiffurmaw il-mużajk li hija l-festa f’komunità b’saħħitha u li tħares ‘l quddiem. L-ewwel laqgħa llum inżammet fid-dar tal-Għaqda fi Triq l-Arċisqof u kienet immexxija mis-Sur Neville Farrugia, induratur. Is-Sur Farrugia spjega bir-reqqa x’jinvolvi l-proċess tal-induratura sakemm lejn it-tieni parti tas-sessjoni, stieden lill-parteċipanti sabiex imiddu idejhom u jippruvaw jinduraw xi labardi tal-festa bil-folji tal-aluminju. Milli rajna, il-parteċipanti ħadu pjaċir jiskopru d-dettall ta’ dak li jgawdu matul il-ġranet tal-festi.

L-attendenza kienet tajba iżda nħeġġu lil kulħadd sabiex iħajjru liż-żgħar, subien u bniet, sabiex jingħaqdu magħna fis-sessjonijiet li ġejjin. Esperjenza ġdida u unika. Ibbukkjaw fuq 79204432.

Ritratti ta’ Carl Farrugia

Awguri Valletta

Awguri Valletta huwa proġett maħsub u mtella’ mill-Għaqda tal-Pawlini sabiex it-tfal, ġenituri u nanniet Beltin, jiċċelebraw flimkien l-450 sena mit-twaqqif tal-Belt Valletta. L-istudenti ġewwa l-iskola primarja tal-Belt Valletta f’kollaborazzjoni mal-għalliema, pinġew b’mod liberu dak li għalihom tfisser belthom… mill-bini storiku, il-logħob fit-toroq, monumenti, ċelebrazzjonijiet, persunaġġi, sports, simboli, festi u knejjes, fost oħrajn. Il-bċejjeċ kollha maħduma mill-istudenti nġabru sabiex aktar kmieni illum il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju, l-Għaqda tal-Pawlini flimkien mal-istudenti u l-familjari tagħhom, għamlu dimostrazzjoni simbolika matul it-toroq tal-Belt Valletta. Il-bnadar tat-tfal ġew meħjutha f’bandiera kbira kollettiva magħmula minn 156 biċċa li ttellgħat ma’ arblu kbir fiż-żona tal-Arċipierku, ħdejn Dar il-Mediterran. Din il-bandiera ser tibqa’ esposta għall-ġranet li ġejjin.

L-attività kienet akkumpanjata minn marċi brijjużi tradizzjonali u għadd imdaqqas ta’ persuni mill-komunità ħarġu kurjużi sabiex ikunu parti mill-mument tant feliċi. Il-proġett indirizza udjenza ġdida; tista’ tgħid familji sħaħ. It-tfal ġew esposti għal esperjenza ġdida fl-arti u l-kreattività; biċċa xogħol kollettiva kbira u sabiħa (collage) li tathom iċ-ċans jipparteċipaw iżda wkoll isiru protagonisti fiċ-ċelebrazzjonijiet uffiċċjali tal-450 anniversarju mit-twaqqif ta’ Belthom. Dan kollu flimkien man-nanniet li jirrappreżentaw il-passat u mal-ġenituri li huma l-polz u r-ruħ tal-preżent.

Il-proġett jgħinha nistaqsu fejn irridu nieħdu l’din Beltna. Messaġġ ċar, li din hija belt kulturali msawwra u mżejna minn artisti ta’ kull żmien. Permezz tal-kreattività tagħhom, it-tfal jindikaw fejn qed iħabbat il-polz ta’ dawn il-bennejja tal-futur. Permezz tal-proġett Awguri Valletta, l-Għaqda tal-Pawlini tixtieq tesponi l-kwalitajiet kreattivi tal-komunità f’kuntest ikbar u tkompli tressaq lill-komunità eqreb lejn l-arti u l-kultura anki fil-prospettiva tas-sena 2018. L-Għaqda tal-Pawlini mħeġġa wkoll sabiex b’mod parteċipattiv u bħalma dejjem għamlet, twassal il-valuri tal-kultura u l-arti lill-membri tagħha, lill-Beltin u lil dawk li jmissu magħha.

Awguri Valletta huwa organizzat mill-Għaqda tal-Pawlini flimkien mal-iskola Primarja, Kulleġġ San Ġorġ Preca, Valletta u ġie ffinanzjat mill-Fondi tal-Komunitajiet Kreattivi – inizzjattiva tal-Kunsill Malti għall-Arti. Grazzi wkoll lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Fondazzjoni Valletta 2018 u lill-korp tal-pulizija għall-għajnuna li offrew. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-Għaqda tal-Pawlini tirringrazzja lis-Sur Bernardo Riolo, kap tal-iskola kif ukoll lit-tim fil-Kunsill Malti għall-Arti għas-sapport u entużjażmu li offrew tul it-twettiq ta’ dan il-proġett.